Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kampanja ta' reklamar fuq il-buses — Ingilterra

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ġiet tiswa l-kampanja ta' reklamar fuq il-buses fl-Ingilterra? Jista' jgħid kemm ġranet din damet sejra u kemm-il bus saru reklami fuqhom? Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pagamenti li saru lil din il-kampanja?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

L-informazzjoni qed tinġabar u tingħata f'seduta oħra.

MTA — Uffiċċji li joperaw barra Malta

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm-il uffiċċju tal-MTA hemm jopera barra minn Malta? Jista' jgħid kemm ilu jopera u kull sena, separatament, f'dawn l-aħħar 4 snin kemm laħqet l-ispiża biex kull uffiċċju jopera? Jista' jgħid għall-istess perjodu kemm kien hemm u kemm hemm impjegati illum f'kull uffiċċju u kemm minnhom huma Maltin u kemm minnhom huma barranin? Jista' f'kull każ jgħid kemm huwa s-salarju li dawn irċevew u qed jirċievu?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

L-informazzjoni qed tinġabar u tingħata f'seduta oħra.

MTA — Uffiċjali

Question

Jista' il-Ministru jgħid min huma l-Uffiċjali kollha tal-MTA u x'pożizzjoni qed jokkupaw? Jista' jgħid ukoll min huma l-impjegati kollha tal-MTA? Fiż-żewġ każi, jista' jgħid meta dawn ġew impjegati u x'salarju qed jirċievu anwalment?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

L-informazzjoni mitluba qed tingabar.

MTA — Impjegati

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kienu jammontaw l-impjegati fl-MTA f'Diċembru 2002 u kemm jammontaw illum?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-ammont ta' mpjegati fl-Awtorita` Maltija għat-Turiżmu f'Diċembru 2002 kien ta' 198 filwaqt li n-numru ta' mpjegati ma' l-istess Awtorita` sa Ġunju 2004 huwa ta' 197.

Xatt tas-Sliema — Bankina

Question

Jista' il-Ministru jieħu l-passi kollha meħtieġa biex il-bankina ta' max-Xatt tas-Sliema (in-naħa tal-baħar) fl-inħawi tas-Sliema Hotel, tiġi rranġata peress li parti minnha ilha maqlugħa għal diversi ġimgħat?

Response (ZAMMIT, NINU)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru responsabbli mill-Kunsilli Lokali.

Alcohol anonymous

Question

Tista’ il-Ministru tirrispondi l-mistoqsija parlamentari 4856 li oriġinarjament saret lill-Ministru tas-Saħħa u Kura fil-Komunita' u li issa ġiet riferuta lilha u cioe' tista' tgħid jekk jeżistux kuntatti bejn il-Ministeru tagħha jew it-taqsima li tieħu ħsieb dawk il-pazjenti li jabbużaw mill-alkoħol u l-Alcoholics Anonymous? X'għajnuna tingħata?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-Aġenzija Sedqa u l-Alcoholics Anonymous għandhom relazzjoni tajba ħafna bejniethom li ilha teżisti minn mindu twaqfet l-Aġenzija fl-1994. Bħalissa Sedqa qed tipprovdi akkomodazzjoni f'bini tagħha biex żewġ gruppi ta' l-Alcoholics Anonymous jiltaqghu filgħaxijiet. Ninsab infurmata wkoll li r-regolamenti ta' l-Alcoholics Anonymous ma jippermettux li tirċievi għajnuna finanzjarja minn kwalunkwe sors, ħlief mill-membri tagħha.

Skejjel — Ikel li jinbiegħ fl-iskejjel

Question

Peress li kelli ilmenti minn xi ġenituri rigward ikel xaħmi bħall-pizza mimlija żejt u ħobż bil-bajd u bacon moqli servut fl-iskola li isimha qed jinghata separatament, jista’ il-Ministru jara li ssir spezzjoni malajr kemm jista’ jkun u jara jekk dawn l-ilmenti jirrizultawx jew le?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Nitlob l-Onor. Interpellant jagħmel id-domanda lill-Ministru konċernat.

Pulizija — Tipjip fil-pubbliku

Question

Issa li huwa magħruf b'mod xjentifiku li t-tipjip huwa ħażin għas-saħħa u nħarġu regolamenti biex jikkontrollaw it-tipjip, ma jaħsibx il-Viċi Prim Ministru li tkun ħaġa tajba li membri ta' korp dixxiplinat bħal pulizija jagħtu eżempju u ma jpejpux fil-pubbliku?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi membri tal-Korp tal-Pulizija m`humiex permessi li jpejpu waqt li jkunu bl-uniformi fil-pubbliku.

Eżamijiet tas-SEC u l-MATSEC — Invigilators

Question

Issa li bdew l-eżamijiet tas-SEC u l-MATSEC, jista' il-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' invigilators li jintużaw f'dawn l-eżamijiet? Jista' jgħid kemm minn dawn huma pensjonanti? Jista' jgħid ukoll kemm mit-total huma ex għalliema?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li d-Dipartiment ta' l-Eżamijiet fi 2004, uża madwar 400 invigilators fl-eżamijiet tal-MATSEC. Madwar kwart minnhom huma persuni li għandhom iktar minn 60 sena. Ma tistax tingħata informazzjoni aktar preċiża dwar pensjonanti u ex -għalliema, minħabba li din l-informazzjoni bdiet tinġabar biss riċentament. Sa ftit taż-żmien ilu d-Dipartiment kien jiddistingwi biss bejn persuni li ġejjin mis-settur pubbliku u oħrajn mis-settur privat.

Eżamijiet tas-SEC u l-MATSEC — Invigilators

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'taħriġ ingħata din is-sena lil dawk li jagħmluha ta' invigilators fl-eżamijiet tas-SEC u l-MATSEC? Kemm hemm li se jkunu l-ewwel darba li jagħmlu dan ix-xogħol?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li d-Dipartiment ta' l-Eżamijiet din is-sena bħal fi snin imgħoddija, sejjaħ laqgħat għal dawk il-persuni li qed iservu kemm bħala supervisors u invigilators. F'dawn il-laqgħat ġew spjegati l-iktar punti importanti li wieħed għandu joqgħod attent għalihom meta iservi ta' supervisor jew invigilator. Tqassam ukoll ktejjeb li jispjega f'hiex jikkonsistu d-dmirijiet u r-responsabilitajiet ta' kull supervisor jew invigilator. Din is-sena ġew użati madwar 45 persuna (minn total ta' madwar 400 invigilators, jiġifieri 11 fil-mija tat-total) li għamlu dan ix-xogħol għall-ewwel darba. Dawn tqassmu bejn 22 ċentru li fihom qed isiru l-eżamijiet tal-MATSEC.

Eżamijiet tas-SEC u l-MATSEC — Invigilators

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm jitħallsu l-invigilators li jissorveljaw lill-istudenti li jagħmlu l-eżamijiet tas-SEC u l-MATSEC? Kemm huwa stmat li l-Gvern se jħallas b'kollox għall-eżamijiet li qed isiru bħalissa? Kemm huwa l-ħlas kull siegħa?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Armata — Tkeċċija ta' membri

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm tkeċċew membri ta' l-armata mill-armata kull sena għal dawn l-aħħar ħames snin u għaliex?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li n-numru ta’ persuni li l-impjieg tagħhom ġie tterminat mill-Forzi Armati ta’ Malta minħabba mġieba ħażina fis-servizz jew minħabba li nstabu ħatja mill-Qorti Ċivili ta’ reat li jinvolvi kontravenzjoni ta’ xi liġi kontra drogi perikolużi jew ġew ikkundannati mill-Qorti Ċivili għal priġunerija, kien ta’ ħmistax (15), imqassma kif ġej: 1999 – 6 2002 – nil 2000 – 2 2003 – 3 2001 – 3 2004 - 1

Korp tal-pulizija — Tkeċċija ta' membri

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm tkeċċew membri tal-korp tal-pulizija mill-korp kull sena għal dawn l-aħħar ħames snin u għaliex?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul dawn l-aħħar ħames snin kien hemm 9 membri li tkeċċew mill-Korp tal-Pulizija wara li kienu nstabu ħatja ta' reati kriminali, filwaqt li 5 oħra tneħħew fl-interess pubbliku.

Vetturi bil-mutur — Reġistrazzjoni

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew reġistrati vetturi bil-mutur ġodda f'dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena? Kemm ġew reġistrati vetturi second hand u x'tip kienu f'kull kategorija?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja ta' l-informazzjoni li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant.

CCF — Priġunieri li ngħataw amnestija

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ingħataw amnestiji lill-ħabsin f'dawn l-aħħar 20 sena, għaliex ingħataw u kemm żmien ingħata f'kull kas? Se tingħata amnestija għal dħul ta' Malta fl-Unjoni Ewropea?

Response (BORG, TONIO)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopji tal-Proklami li permezz tagħhom ingħataw amnestiji lill ħabsin f'dawn l-aħħar 20 sena. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija ninforma lill-Onor. Interpellant li ma ngħatat ebda amnestija fl-okkażjoni minnu msemmija.

CCF — Priġunieri li ngħataw home leave

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm ħabsin li gawdew minn home leave din is-sena, għaliex u għal kemm żmien?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li n-numru ta' applikazzjonijiet għall-leave li ġew approvati mill-1 ta' Jannar sa l-14 ta' Mejju 2004 kien mija u ħamsa u tletin (135). Dawn kienu maqsuma kif jidher hawn taħt:- Month Compassionate Family Occasion Special Educational Work January 18 3 4 2 February 19 4 5 3 March 17 4 8 2 April 10 11 4 1 May 14th 10 9 1 Compassionate leave - vista ta' sagħtejn Family occasion - vista ta' erba sigħat Special - appuntamenti għal visti medikali privati, skond il-bżonn.

Ħal Qormi — Persuni li żaru ċ-ċentru tas-saħħa

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' żjarat/visti li saru miċ-ċittadini fiċ-ċentru tas-saħħa ta' Ħal Qormi matul l-ewwel ħames xhur tas-sena? Jista' jipprovdi l-istess informazzjoni għas-snin 2003, 2002, 2001, 2000, 1999 u 1998?

Response (DEGUARA, LOUIS)

It-total ta' ċittadini li żaru ċ-ċentru tas-saħħa ta' Ħal Qormi matul l-ewwel ħames xhur għal kull sena rispettivament huwa dan: Sena Kliniċi Speċjaliżżati Kura mill-Infermiera Servizz mit-Tobba Spiżerija 1998 18771 11752 22100 18200 1999 21496 11363 24838 18261 2000 13974 10815 25049 18534 2001 12781 7353 25049 17611 2002 13179 6267 22292 18957 2003 15185 8773 18312 19192 2004 17836 15724 19692 20112

Floriana — Persuni li żaru ċ-ċentru tas-saħħa

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' żjarat/visti li saru miċ-ċittadini fiċ-ċentru tas-saħħa tal-Floriana matul l-ewwel ħames xhur tas-sena? Jista' jipprovdi l-istess informazzjoni għas-snin 2003, 2002, 2001, 2000, 1999 u 1998?

Response (DEGUARA, LOUIS)

It-total ta'ċittadini li żaru ċ-ċentru tas-saħħa tal-Floriana matul l-ewwel ħames xhur għal kull sena rispettivament huwa dan: Sena Kliniċi Speċjaliżżati Kura mill-Infermiera Kura mit-Tabib Spiżerija 1998 25179 10896 23445 20540 1999 24598 10623 24362 24769 2000 26192 10833 23489 16707 2001 24942 10899 23489 18091 2002 27776 10878 25614 20547 2003 25759 11033 25124 23977 2004 25269 12012 25529 25431

Bormla — Persuni li żaru ċ-ċentru tas-saħħa

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' żjarat/visti li saru miċ-ċittadini fiċ-ċentru tas-saħħa ta' Bormla matul l-ewwel ħames xhur tas-sena? Jista' jipprovdi l-istess informazzjoni għas-snin 2003, 2002, 2001, 2000, 1999 u 1998?

Response (DEGUARA, LOUIS)

It-total ta ċittadini li żaru ċ-ċentru tas-saħħa ta' Bormla matul l-ewwel ħames xhur għal kull sena rispettivament huwa dan: Sena Kliniċi Speċjaliżżati Kura mill-Infermiera Servizz mit-Tobba Spiżerija 1998 1541 5440 17078 Nil 1999 1024 4713 14216 Nil 2000 3305 5181 14013 Nil 2001 5573 3884 14013 Nil 2002 5336 3293 11011 Nil 2003 6643 3557 10680 Nil 2004 10645 4086 11424 4838