Jista' il-Ministru jgħid fiex waslu l-pjani sabiex Triq Odilone Caruana f'Ħal Tarxien tiġi asfaltata?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab informata illi Triq Odilone Caruana hija triq asfaltata ħlief għal parti żgħira li tmiss ma Triq Kurunell Mass, liema parti tat-triq issir aktar 'il quddiem meta l-iżvilupp fiha jitlesta.
Jista' il-Ministru jgħid jekk humiex qegħdin isiru xi trattattivi ma xi strategic partners prospettivi dwar il-privatizzazzjoni tal-Maltacom u tal-Bank of Valletta? Jekk iva, jista' jindika l-partijiet interessati?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li m'humiex qed isiru trattattIvi ma ' strategic partners fir-rigward tal- privatiżżazzjoni tal-Maltacom u l-BOV.
Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 6092 u cioe' jista' jgħid jekk issa li Malta saret membru ta' l-Unjoni Ewropea, hemmx il-ħsieb li jiġi liberalizzat is-settur tat-trasport pubbliku b'mod partikolari n-numru ta' karozzi tal-linja, minibuses u taxis?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Il-leġislazzjoni tal-Komunita' Ewropea kif inhi sal-lum ma timponix li għandhom ikunu liberalizzati s-setturi tal-karozzi tal-linja, tal-minibuses u tat-taxis. Dan ma jfissirx li 'il quddiem ma jistax ikun hemm tibdil li jista' jikkonċerna xi settur partikolari. Dwar in-numru ta' minibuses u taxis, din hi materja ta' politika li jiddeċiduha l-awtoritajiet Maltin.
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-pożizzjoni dwar il-ħaddiema tal-Kafetterija tal-Gozo Channel hux se tiġi riveduta u jekk wara Ottubru 2004 dawn humiex se jibqgħu mal-Gozo Channel jew humiex se jitkeċċew?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġiba li kienet ingħatat għal-Mistoqsija Parlamentari Nru. 5665 peress illi ma kien hemm ebda żvilupp minn dakinhar.
Għawdex — Nadur - Xogħlijiet ta' manutenzjoni fi Triq Qala
Question
Tista' il-Ministru tgħid x'xogħlijiet ta' manutenzjoni saru fi Triq Qala, fin-Nadur, Għawdex f'dawn l-aħħar ħames snin u tindika x-xhur li fihom ikunu saru x-xogħlijiet?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ma għandix xi nżid mar-risposta għal mistoqsija numru 5620.
Jista' il-Ministru jgħid kif jiġi allokat l-overtime tal-ħaddiema tal-Gozo Channel?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li overtime, meta jkun hemm bżonnu, jitqassam fuq sekwenza sabiex il-ħaddiema kollha jkunu jistgħu jibbenifikaw indaqs.
F'każ li jkun hemm lok ta' sahra fil-ġimgħa meta diġa tkun saret ir-roster, dan jiġi offrut lill-ħaddiema li ma jkunux xogħol f'dik il-ġurnata, wkoll fuq bażi ta' sekwenza.
Possibbli l-Maltapost tikkonsidra li fil-branch li fetħet fi Triq id-Duluri, fiż-Żejtun tagħmel kaxxa ta' l-ittri biswit il-branch għax m'hemmx waħda fil-viċinanzi u din il-kaxxa tkun handy ħdejn il-branch tal-posta?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li, kuntrarju għal dak li qed jingħad, jiġifieri li m'hemmx kaxxa ta' l-ittra fil-vicinanzi, hemm żewġ kaxxi fil-qrib, waħda fi Triq San Girgor 50 metru bogħod, u l-oħra fi Triq Santu Wistin. Ta' min jgħid ukoll li dik li nfethet fi Triq id-Duluri, u li qed jirreferi għaliha l-interpellant, mhix fergħa tal-posta iżda semplicement centru (Hub) mnejn il-pustiera joħorġu biex iqassmu l-posta. Il-fergħa tal-posta fiz-Zejtun tinsab iktar vicin il-pjazza.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 6097 dwar financial leasing legislation, japprezza il-Prim Ministru li kif inhi l-liġi fil-preżent toffri non workable solutions għall-istituzzjonijiet finanzjarji tal-pajjiż u li għandha bżonn taxation provisions relatati ma' din il-leġislazzjoni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-liġi tat-taxxa fuq l-income diġà taħseb li jistgħu jsiru regolamenti biex jiġi regolat it-trattament fiskali dwar finance leasing. Dawn ir-regolamenti qed jiġu ppreparati u huma mistennija li jiġu ppubblikati fi żmien qasir.
S'issa xi qtugħ sar fil-livell tan-nefqa pubblika vvutat f'dan il-parlament is-sena li għaddiet fil-Budget għas-sena 2004? Sa l-aħħar tas-sena, kemm hu mmirat li jkun dan il-livell ta' qtugħ biex jitnaqqas id-deficit pubbliku? F'liema voti sar dan il-qtugħ s'issa? F'liema voti hemm il-ħsieb li se jsir qtugħ ieħor?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Fid-dawl taċ-Ċirkulari 2//2003, bid-data ta’ l-24 ta’ Jannar 2003, il-Ministeru tal-Finanzi ilu mis-sena l-oħra jattwa s-sistema ta’ Budget li tmexxi id f’id id-dħul mal-ħruġ tal-finanzi pubbliċi. Din is-sistema mhix daqstant immirata biex tnaqqas id-deficit finanzjarju, iżda aktar biex iżżomm fl-istess livell id-deficit li kien ipproġettat meta ġie mniedi l-Budget għal din is-sena, f’Novembru li għadda.
Il-Ministeru tal-Finanzi, meta jiddiriġi lill-Ministeri kollha f’dan ir-rigward, l-ewwelnett, joqgħod attend biex ma jagħmilx suġġerimenti li jxekklu l-operat effiċjenti ta’ l-amministrazzjoni pubblika, u, it-tieninett, iħalli f’idejn id-diskrezzjoni tal-Ministeri konċernati x’attivitajiet għandhom jiġu attwati bil-fondi disponibbli.
F’dan ir-rigward, billi bħal issa l-infiq qed isir b’mod regolari mill-fondi li huma disponibbli, huwa biss fl-aħħar tas-sena li jista’ jkun identifikat l-ammont ta’ tnaqqis (savings) mill-fondi approvati bħala nfiq massimu u mil-liema Voti.
Persuna b'diżabilita' — Talba għal reserved parking
Question
Tista' tiġi kkonsidrata mill-ġdid it-talba li għamlet il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, biex jitħalla juża r-reserved parking li kellu quddiem id-dar tiegħu għax għalkemm għandu garaxx fejn jipparkja l-karozza, il-mara tiegħu minħabba d-diżabilita' tagħha xorta jkollha bżonn tirkeb mill-karozza pparkjata quddiem il-bieb tad-dar u ma tistax tinżel fil-garaxx?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-għoti ta' permessi għal reserved parking jingħataw mill-Awtorita' għat-Trasport fuq kriterji maqbula bejn l-Awtorita' u l-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita'. Jekk il-persuna li tapplika jew il-Kunsill Lokali konċernat ma jaqblux mad-deċiżjoni meħuda mill-Awtorita', dawn jistgħu jitolbu li l-każ jitressaq quddiem Review Panel.
Ninsab infurmata wkoll li t-talba mill-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet ikkunsidrata mir-Review Panel li kkonferma d-deċiżjoni oriġinali ta' l-Awtorita' għat-Trasport li l-persuna konċernata ma tikkwalifikax għal permess għal reserved parking. Persuni li għandhom garaxx mad-dar tagħhom ma jikkwalifikawx għal reserved parking għax huma biss jistghu jipparkjaw quddiem il-garaxx u għalhekk diġa' jkollhom post fejn jistgħu jipparkjaw il-karozza ħdejn id-dar tagħhom.
Issa li għadda kważi xahar u nofs mindu kellu joħroġ it-tender għax-xogħol ta' bdil ta' soqfa ta' l-asbestos f'Pembroke, tista' il-Ministru tgħid fiex wasal dan ix-xogħol?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li t-tender li għamel referenza għaliha l-Onor. Interpellant qed tiġi aġġudikata u mistennija tingħata fi żmien qasir.
Jista' il-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li toħroġ is-sejħa biex jiġu reklutati nursing aides? Xi kwalifiki se jkollhom bżonn?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li għad ma hemmx data stabbilita għal meta se toħroġ is-sejħa biex jiġu reklutati nursing aides. Il-kwalifiki li se jkun hemm bżonn għadhom qed jiġu stabbiliti.
SVPR — Talba ta' anzjana biex tidħol fir-residenza
Question
Tista' tiġi kkonsidrata b'mod urġenti t-talba tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, biex tintbagħat fir-residenza San Vinċenz de Paule għax mhijiex f'kondizzjoni li tinżamm id-dar?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-persuni msemmija issottomettiet l-applikazzjoni biex tidħol San Vinċenz fil-03/12/03. Din l-applikazzjoni ġiet mressqa quddiem l-Admission Board u tpoġġiet fil-lista tal-prijorita'. Nixtieq inżied illi din l-anzjana ilha rikoverata ġewwa l-isptar San Luqa Ward M6 mill-15 ta' Mejju 2004 minħabba raġunijiet mediċi.
Jista' il-Prim Ministru jieħu l-passi kollha meħtieġa biex meta l-Forzi Armati jkunu qed jagħmlu t-taħriġ f'Pembroke, u jinzerta baħar ftit imqalleb, dawn ma jkunux ta' xkiel għall-boat trips tat-turisti li minħabba t-temp imsemmi dawn ikunu kostretti jgħaddu viċin il-kosta u dan peress li qed joħloq inkonvenjent lit-turisti li jinzertaw fuq il-boat trips partikolari kif ukoll lill-operaturi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Filwaqt li qed jiġi rikonoxxut l-esiġenzi ta’ l-operaturi tal-boat trips tat-turisti fil-ħin li dawn jeħtieġilhom jgħaddu minn quddiem ir-ranges ta’ Pembroke waqt li l-Armata tkun qed tagħmel it-taħriġ tal-membri tagħha f’dak li huwa sparar bl-armi, tajjeb li wieħed li jirrikonoxxi wkoll li mhux dejjem possibli għall-Armata li twaqqaf it-taħriġ sabiex jiġu akkomodati l-operaturi tal-boat trips fil-ħin proprju ta’ l-isparar. Ninsab infurmat li fejn ikun possibbli, l-Armata tagħmel ħilitha kollha sabiex tipposponi jew saħansitra tissospendi t-taħriġ għall-ħinijiet xierqa sabiex dawn id-dgħajjes bit-turisti jkunu jistgħu jgħaddu minn quddiem ir-ranges mingħajr xkiel ta’ xejn.