Legislature:
Category:
Reset
Active:

CCF — Priġunieri

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm ħabsin fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin illum, x'eta' għandhom u għaliex qegħdin hemm? Kemm minnhom huma nisa u kemm minnhom huma irġiel? Kemm kien hemm li ntbagħtu għall-programm ta' riabilitazzjoni mid-droga flok il-ħabs din is-sena?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li n-numru ta' priġunieri fl-20 ta' Mejju 2004 kien ta' mitejn u tlieta u sebgħin (273). It-tagħrif dwarhom mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Korp tal-Pulizija — Membri li tressqu quddiem bord ta' dixxiplina

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' pulizija li tressqu quddiem bord ta' dixxiplina din is-sena u għaliex?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul din is-sena kien hemm 157 membru tal-Korp tal-Pulizija li għaddew proċeduri sommarji tad-dixxiplina skond it-Tielet Skeda ta' l-Att dwar il-Pulizija (Kap 33), filwaqt li fil-konfront ta' 2 oħra inbdew proċeduri skond ir-Regolamenti tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku.

Pulizija — Breathalyser tests

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm saru breathalyser tests din is-sena u x'kien ir-riżultat?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul l-ewwel ħames xhur ta' din is-sena kien hemm 51 sewwieq li l-Pulizija għamlitlu t-testijiet tan-nifs fuq suspett li kienu qed isuqu taħt l-influwenza ta' l-alkoħol. Minn dawn, 29 irriżultaw fil-pożittiv, filwaqt li 22 irrifjutaw jew it-test ma kienx komplut.

Pulizija/gwardjani lokali — Ċitazzjonijiet

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew preskritti ċitazzjonijiet is-sena l-oħra, kemm minn dawn inħarġu mill-pulizija u kemm inħarġu mill-gwardjani lokali?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant ma jinżammx taħt forma ta' statistika.

Miniseru tas-Saħħa — Safar

Question

Jista' il-Ministru jagħti breakdown tas-safar li sar mill-ministeru tiegħu, mid-dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħtu għall-ewwel ħames xhur tas-sena? Jista' jipprovdi l-istess informazzjoni għall-istess perjodu matul dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Waqt li ma jkolli l-ebda diffikulta` sabiex nipprovdi lill-Onor Membru bl-informazzjoni mitluba għal din is-sena u għas-sena li għaddiet, ma nara l-ebda bżonn li tingħata l-informazzjoni mitluba għal ħames snin wara xulxin. Il-ħin li jkun hemm bżonn sabiex tinġabar din l-informazzjoni jista' jintuża aħjar.

Ministeru ta' l-Edukazzjoni — Safar

Question

Jista' il-Ministru jagħti breakdown tas-safar li sar mill-ministeru tiegħu, mid-dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħtu għall-ewwel ħames xhur tas-sena? Jista' jipprovdi l-istess informazzjoni għall-istess perjodu matul dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena?

Response (GALEA, LOUIS)

Waqt li ma jkolli l-ebda diffikulta sabiex nipprovdi lill-Onorevoli Membru bl-informazzjoni mitluba għal din is-sena u għas-sena li għaddiet, ma nara l-ebda bżonn li tingħata l-informazzjoni mitluba għal ħames snin wara xulxin. Il-ħin li jkun hemm bżonn sabiex tinġabar din l-informazzjonji jista' jintuża aħjar. It-tagħrif ta' dawn l-aħħar sentejn, ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'xi seduta oħra.

Ministeru tal-Familja — Safar

Question

Tista' il-Ministru tagħti breakdown tas-safar li sar mill-ministeru tagħha, mid-dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħtha għall-ewwel ħames xhur tas-sena? Tista' tipprovdi l-istess informazzjoni għall-istess perjodu matul dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Waqt li ma jkolli l-ebda diffikulta sabiex nipprovdi lill-Onorevoli Membru bl-informazzjoni mitluba għal din is-sena u għas-sena li għaddiet, ma nara l-ebda bżonn li tingħata l-informazzjoni mitluba għal ħames snin wara xulxin. Il-ħin li jkun hemm bżonn sabiex tinġabar din l-informazzjoni jista jintuża aħjar.

Reġistrazzjoni ta' vetturi

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' karozzi u vetturi ġodda reġistrati f'Malta u Għawdex matul l-ewwel ħames xhur tas-sena separatament? Jista' jipprovdi l-istess informazzjoni għall-istess perjodu għall-aħħar ħames snin separatament?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja ta' l-informazzjoni li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant.

Vjaġġi ta' l-ajru — Ħlas ta' taxxi

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm kien id-dħul tal-gvern mit-taxxi fuq il-vjaġġi ta' l -ajru u l-baħar matul l-ewwel ħames xhur tas-sena separatament? Jista' jipprovdi l-istess informazzjoni għall-istess perjodu ta' dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena, separatament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-dħul tal-gvern mit-taxxi fuq il-vjaġġi ta’ l-ajru matul l-ewwel ħames xhur ta’ din is-sena kien ta’ sitt mija u ħamsin elf, seba’ mija u ħamsin lira (Lm650,750) filwaqt li d-dħul mit-taxxi fuq il-vjaġġi tal-baħar għall-istess perjodu kien ta’ disat elef erba’ mija u tmenin lira (Lm9,480). L-istess informazzjoni għal dawn l-aħħar ħames snin tinsab fit-tabella hawn mehmuża: 1999 2000 2001 2002 2003 Ajru 712,438 662,064 582,390 626,660 643,740 Baħar 95,222 158,196 178,504 37,052 4,576

Bejgħ ta' proprjeta' — Ħlas ta' taxxa

Question

Jista' il-Prim Minsitru jgħid kemm kien id-dħul tal-gvern mit-taxxi fuq il-bejgħ ta' proprjeta' fl-ewwel ħames xhur tas-sena? Kemm kien id-dħul fl-istess perjodu għal dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena, rispettivament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed tingħata fit-tabella annessa.

Countertrade

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'sar minnha l-kumpannija Countertrade, x'pagamenti kien hemm involuti u lil min? X'inhi l-konnessjoni tal-Malta Export House mal-kumpannija Countertrade?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onorevoli Interepellant jispeċifika għal liema pagamenti qiegħed jirreferi. Rigward l-isem tal-kumpanija, Malta Countertrade kienet bidlet isimha għal Malta Export House Co. Ltd.

Taxxa fuq reġistrazzjoni ta' luxury sea craft

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm inġabret taxxa fuq reġistrazzjoni ta' luxury sea craft? Kemm kien hemm super yachts u/jew sea crafts involuti f'din ir-reġistrazzjoni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-taxxa li nġabret sal-11 ta’ Ġunju 2004 fuq l-importazzjoni ta’ yachts taħt l-iskema mħabbra mill-Gvern kienet ta’ Lm4.3 miljuni. In-numru ta’ sea crafts involuti f’din ir-reġistrazzjoni huwa ta’ erba’ mija tmienja u tletin (438).

Raħal Ġdid — Wire tad-dawl fi stat perikoluż

Question

Jista' il-Ministru jara li l-wire li hemm quddiem ir-residenza f'Raħal Ġdid li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, jinbidel peress li huwa perikoluż?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li minn investigazzjoni li saret ma jirrizultax li l-wires quddiem ir-residenza ndikata mill-Onor. Interpellant f'Raħal Ġdid huma perikoluzi.

Forti Chambrai

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'passi se jieħu l-gvern fil-konfront ta' l-iżviluppaturi ta' Forti Chambrai li kisru l-kondizzjonijiet tal-kuntratt li bih ingħataw il-proprjeta'?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li peress illi qed isiru diskussjonijiet mal-partijiet konċernati ikun aħjar jekk nirrispondi din il-mistoqsija aktar il-quddiem.

Gżira — Kanna ta' l-ilma

Question

Jista' il-Ministru jinvestiga x'inhi r-raġuni li minkejja l-bdil tal-kanna ta' l-ilma fit-toroq: Luqa Briffa, Mattew Pulis u Nazju Ellul fil-Gżira, l-ilma mill-vit xorta għadu kulur is-sadid?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li mill-investigazzjoni li għamlet il-KSI fis-17 ta' Ġunju, l-ilma f'dawn it-toroq hu ċar mingħajr traċċi ta' sadid . Il-problema tas-sadid f'dawn it-toroq issolviet meta nbidlu l-kanen. Issa, l-ilma jista jkun bis-sadid biss meta jkun hemm xi ċaqlieq fl-operat tad-distirbuzzjoni, bħal per eżempju meta jingħalaq l-ilma fil-lokal. Meta jiġri hekk, jista' jkun li għal żmien qasir ħafna, jiġi ftit ilma bis-sadid.

Ambaxxata Maltija fi Tripli — Applikazzjonijiet għal visa

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma allegazzjonijiet li waslu għandi, li qed ikun hemm fast tracking ta' applikazzjonijiet tal-visa fi Tripli mill-Konsolat Ambaxxata Maltija mingħajr ma jsiru l-verifiki neċessarji ma' l-awtoritajiet kompetenti?

Response (DALLI, JOHN)

Hi proċedura normali li f'kull ambaxxata Maltija tinħareġ visa fl-iqsar żmien possibbli, speċjalment f'każijiet li jirrigwardjaw diplomatiċi barranin, persuni għolja tal-Gvern, każijiet urġenti mediċi u oħrajn li jistgħu jiġu kkunsidrati tali bħala urġenti. Sal-15 ta' Ġunju 2004, il-Konsolat Malti fi Tripli kellu tmienja u għoxrin (28) applikazzjonijiet fast track. Id-dettalji ta' dawn l-applikanti xorta jintbagħtu lill-Uffiċċju ta' l-Immigrazzjoni f'Malta.

Ministru ta' l-Affarijiet Barranin — Xiri ta' biljetti ta' l-ajru

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 6094, jista' il-Ministru speċifikament jgħid minn fejn inxtraw il-biljetti ta' l-ajru għad-delegazzjonijiet li mexxa kemm ilu Ministru ta' l-Affarijiet Barranin? Jista' jgħid jekk il-bookings għal-lukandi sarux mill-istess aġenzija/aġenziji? Jista' jgħid meta kien Ministru tal-Finanzi minn fejn kienu jinxtraw il-biljetti tal-mawriet tiegħu barra l-pajjiż matul din il-leġislatura?

Response (DALLI, JOHN)

Il-proċedura ta' kif jinxtraw il-biljetti ta' l-ajru mid-dipartiment konċernat fil-Ministeru tiegħi, b'mod li jingħażlu l-orħos prezzijiet f'kull każ, diġa spjegajtha fid-dettal fir-risposta li tajt għall-Mistoqsija Numru 6094. Din l-istess proċedura kienet tintuża wkoll meta kont Ministru tal-Finanzi. L-aġenziji li minn għandhom jinqatgħu l-biljetti ta' l-ajru xi kultant jintalbu jieħdu ħsieb bookings f'lukandi skond il-pajjiż u ċ-ċirkustanzi. Kif għidt fir-risposta għall-Mistoqsija numru 6094, din il-proċedura issa se tinbidel biex nassiguraw l-aħjar servizz bl-anqas prezz.

Freeport — Company accounts

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ġie jiswa l-printing/film setting u art work tal-company accounts l-aktar riċenti tal-Freeport? Fejn ġew stampati? Kien hemm offerti aktar vantaġġjużi għal dan ix-xogħol? Il-prezz ta' dan l-istampar kif jipparaguna man-nefqa fuq stampar u art work fuq il-company accounts ta' l-istess kumpannija s-sena ta' qabel?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li x-xogħol imsemmi mill-Onor. Interpellant sar għand Promotion Services Ltd għas-somma ta' LM787.75 li kienet l-istess daqs tas-sena l-oħra. Ma kien hemm l-ebda offerta aktar vantaggjuza.