Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm immigranti llegali ngħataw permess biex iġibu qraba tagħhom f'Malta? Jista' jgħid kemm hu t-total ta' qraba li ġabu dawk li ngħataw il-permess?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l'informazzjoni rikjesta ma tinżammx b'mod elettroniku u għalhekk mhux possibli li tingħata din l-informazzjoni.
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 27341 u 27197 u jgħid minn mindu sar ir-restructuring tat-Tarzna, kemm ħaddiema nġiebu minn barra biex jaħdmu bil-kuntratt? Ta' liema nazzjonalita huma? Kemm tħallsu fis-siegħa tul il-kuntratt? Kemm huwa l-ammont totali li tħallsu lil dawn il-barranin? Kemm huwa kkalkulat li t-Tarzna ffrankat bis-saħħa ta' dawn l-impjegati barranin?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk kienx hemm immigranti llegali li ħarbu minn Malta u reġgħu nstabu lura Malta? Jekk fl-affermattiv kemm kien hemm minn dawn?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi din is-sena ma kienx hemm każijiet irrapportati fejn immigranti rregolari ħarbu minn Malta u reġgħu nstabu li kienu Malta.
B'riferenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 25885 dwar il-proġett taż-Żewwieqa tista' l-Ministru tgħidli kemm kien hemm offerenti għad-disinn tal-proġett u min kienu; jekk saritx l-evalwazzjoni ta' l-offerti u jekk fl-affermattiv min rebaħ il-kompetizzjoni u kemm hi l-istima tal-proġett skond id-disinn magħżul; u x'xogħol ieħor sar s'issa fuq dan il-proġett?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li l-kompetizzjoni għad-desinn tal-proġett taż-Żewwieqa ġiet imnedija darbtejn. Fl-ewwel ħarġa kien hemm sottomissjoni waħda mill-Perit Godwin F. Sultana u fit-tieni ħarġa kien hemm ħames sottomissjonijiet. Dawn kienu tal-Perit Ivan Buttigieg, Sapienza & Valentino Architects & Civil Engineers, Perit Dathan Muscat obo Joe Bugeja Associates, Martin Xuereb & Associates u Cassar Grech Ebejer Partners in conjunction with Dr. K. Thake.
Jiena nfurmata wkoll li f'kull kaz is-sottomissjonijiet ma eżawrewx dak li kien mitlub fid-'design brief'.
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ġiet sottomessa applikazzjoni għal Fondi Strutturali għal dan il-proġett.
Tista' l-Ministru tgħid:-
X'jonqos isir biex jitlesta l-istazzjoni għat-trasferiment ta' l-iskart f'Għawdex? Meta hu mistenni li jitlesta? Kemm se jiswa? Kemm mill-ispiża se tiġi mill-fondi Ewropej? Sa meta kellu jkun lest skond il-ftehim mal-Kummissjoni Ewropea? Għaliex għas-sena 2005 kienu ġew ivvotati Lm1,671,000 u minnhom intefqu Lm280,000 biss? Għaliex għas-sena 2006 kienu ġew ivvotati Lm2,250,000 u minnhom intefqu Lm160,000 biss? Kemm tħallsu flus b'kollox kull sena s'issa fuq dan il-proġett? Lil min tħallsu? Kemm hu l-ammont ta' fondi kommessi s'issa għan-nefqa u għadhom ma tħallsux? Għal xhiex huma kommessi dawn il-fondi u meta ġew kommessi? Meta hu mistenni li jitħallsu u lil min? X'ammonti għadhom iridu jiġu kommessi? Għal xiex għad iridu jiġu kommessi l-flus?
Peress li l-informazzjoni mitluba trid tinġabar mill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma li hija responsabbli għal l-implimentazzjoni tal-Proġett għat-Trattament tad-Drenaġġ, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru responsabbli minn din il-Korporazzjoni.
Tista' l-Ministru tgħid x'persentaġġ tax-xogħol sar s'issa fuq it-tieni parti tat-Triq Rabat, San Lawrenz u kemm hu stmat li jiswa dan ix-xogħol? Kemm tħallsu flus s'issa fuq din il-parti tat-triq u lil min tħallsu? Kemm hemm flus kommessi s'issa li għadhom ma tħallsux? Kemm hemm kontijiet pendenti fuq flus diġa' kommessi?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab nfurmata li x-xoghol fuq it-tieni fazi tat-triq huwa kwazi komplut u li l-istima ta' dan ix-xoghol giet moghtija fir-risposta tal-Mistoqsija Parlamentari Nru. 25895.
Jiena nfurmata wkoll li sa issa thallsu Lm470,709.98 lil MAC Joint Venture fuq din il-fazi u li xoghol iccertifikat u kommess jammonta ghal Lm33,406.68.
Peress li l-Prim Ministru ħabbar li l-bini tal-hanger ġdid għall-kumpanija Lufthansa Tecknik hu joint venture bejn il-gvern u l-kumpanija jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-persentaġġ ta' l-ispejjeż tal-bini li se jitħallas mill-gvern?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju wasal il-bini taż-żewġ impjanti tat-trattament tad-drenaġġ fil-Mellieħa u Għawdex? Meta hu maħsub li se jitlestew dawn l-impjanti?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk is-somma li kellhom iħallsu l-konsorzju Viset, Port Cottonera u l-CWG għal xogħlijiet artistiċi skond il-kuntratt taċ-ċens tal-proprjeta' li ingħataw tħallsitx? Kemm kienet din is-somma f'kull każ? Fhiex intnefqu dawn il-flus?
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew rilokati fabbriki minn Ricasoli sabiex isir il-proġett ta' SmartCity? Fejn ġew rilokati dawn il-fabbriki kull waħda separatment? Liema fabbriki (bl-isem) ma ġewx rilokati għax huma abbandunati eċċ?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm applikaw żgħażagħ biex jibdew il-kors tal-pilots ma' l-Airmalta? Kemm minnhom, skond l-applikazzjoni li tefgħu, kienu eliġibbli biex joqogħdu għall-Psychometric Test tat-22 ta' Awissu? X'kienet ir-raġuni li l-Airmalta ma talbitx lill-kandidati jissottomettu ċ-ċertifikati tagħhom u fl-għażla tagħha qagħdet biss fuq dak li kitbu l-kandidati fl-applikazzjoni tagħhom? Kemm kien in-numru ta' kandidati li ma attendewx għall-Pyschometric Test tat-22 ta' Awissu? Kemm huwa n-numru ta' kandidati li ma attendewx għat-test u ngħataw l-opportunita' li jerġgħu jagħmluh fl-24 ta' Settembru? Kienx hemm kandidati li ma kenux issejħu biex joqogħdu għall-ewwel test tat-22 ta' Awissu imma mbagħad issejħu biex jagħmlu l-eżami fl-24 ta' Settembru? U jekk kien hemm x'kienet ir-raġuni? Kemm beħsiebha ddaħħal pilot trainees l-Airmalta f'dan l-istadju?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Prim Ministru jagħti lista ta' l-applikazzjonijiet kollha li saru minn ministeri, awtoritajiet pubbliċi differenti biex jużaw il-fondi tal-Unjoni Ewropea 2007-2013? Liema minn dawn l-applikazzjonijiet daħlu tard? Jista' jagħti l-ammont ta' fondi mitluba għal kull proġett? Meta kien id-deadline għad-dħul ta' l-applikazzjonijiet? X'se jsir dwar l-applikazzjonijiet li daħlu tard?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant li b’kollox daħlu ħamsa u disgħin (95) proġett, li jinkludu l-proġetti kollha (mhux biss tal-Ministeri u ta’ l-entitajiet pubbliċi) taħt il-Prijoritajiet miftuħa taħt iż-żewġ fondi, jiġifieri l-Fond għall-Iżvilupp Reġjonali Ewropew u l-Fond Soċjali Ewropew. Minn dawn, erbgħa (4) daħlu tard. Id-deadlines tal-proġetti qegħdin spjegati fl-avviżi għall-istampa numru 1175E u 1201 li nħarġu mid-Dipartiment ta’ l-Informazzjoni fit-30 ta’ Lulju u fis-6 t’Awwissu ta’ din is-sena rispettivament kif ukoll il-guidelines li nħarġu mas-sejħa għall-proġetti li jinsabu wkoll fuq websites tal-gvern.
Il-proġetti li ġew sottomessi issa jsidu jgħaddu minn evalwazzjoni, kontrolli ta’ eliġibiltà u mbagħad minn proċess ta’ selezzjoni u għalhekk mhux prudenti li wieħed jagħti dettalji f’dan l-istadju. Il-lista kollha li daħlu u dawk li jiġu magħżula jiġu ppublikati meta l-proċess jintemm. Dan hu mistenni li jsir (għal din is-sejħa) sa l-aħħar ta’ din is-sena.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ġew reġistrati ammonti ta' flus fl-iskema li ħareġ il-gvern għall-flus moħbija Maltin qabel id-dħul tal-euro? Huwa sodisfatt bil-livell tar-reġistrazzjoni? X'persentaġġ ta' flus ġew reġistrati?
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'passi ttieħdu mill-gvern jew awtoritjiet finanzjarji dwar banek u konsulenti finanzjarji li taw parir lill-klijenti tagħhom ma jirreġistrawx flushom fl-iskema tal-gvern għar-reġistrazzjoni ta' flus Maltin qabel id-dħul ta' l-euro iżda f'tipi oħra ta' investiment?
Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex jassigura li fis-swali f'San Vincenz de Paule Residence ma jidħlux ġrieden? Jista' jgħid meta kienet l-aħħar darba li ttieħdu l-passi neċessarji biex ġrieden fi swali qrib il-kċina jkunu eleminati?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Amministrazzjoni tar-Residenza San Vincenz de Paule regolarment tieħu l-passi kollha possibbli biex tassigura li fis-swali tar-Residenza ma jidħlux ġrieden.
Dwar ġrieden qrib il-kċina, ttieħed azzjoni regolari biex issir trattament fuq il-manholes tad-drenaġġ viċin il-kċina. L-aħħar trattament li sar fuq dawn il-manholes kien ftit ġimgħat ilu.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jkunu nstallati air conditioning systems fi swali Rużar Briffa: swali 7 u 8 rġiel, swali 15, 16 St Joseph (nisa) u 13 u 14 St Joseph (nisa/rġiel)?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li sistemi ġodda ta' arja kundizzjonata ser jiġu installati jew qed jiġu installati f'dawn is-swali:
Rużar Briffa - Tender ġiet evalwata u mistenni li toħroġ Letter of Acceptance mid-Dipartiment tal-Kuntratti, fil-ġranet li ġejjin.
Swali 7 u 8 Irġiel - Tender qed tiġi evalwata biex tkun tista' tiġi awarded.
Swali 13, 14, 15, u 16 St. Joseph - Ix-xogħol fuq dawn is-swali jinsab fi stadju avvanzat ħafna.