Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ftehim kollettiv — Ħaddiema fis-Servizz Pubbliku

Question

Jista' il-Prim Minstru jgħid jekk fil-ftehim kollettiv li hemm mal-Unions fir-rigward tal-ħaddiema fis-servizz pubbliku hemmx xi klawsola li tirrigwarda l-irtirar kmieni mix-xogħol? Jekk fl-affermattiv, x'inhu l-kontenut ta' din il-klawsola?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li klawsola 8.6 tal-Ftehim Kollettiv għall-impjegati fis-Servizz Pubbliku 2002-2004, li tirrigwarda l-irtirar kmieni mix-xogħol tgħid hekk: “8.6. EARLY RETIREMENT SCHEMES 8.6.1. The Employer and the Unions agree to explore the possibility of introducing early retirement schemes enabling employees to leave Government Service in cases of underutilisation or exceptionally strenuous/stressful duties. 8.6.2. Discussions between the Government and the Unions will start within one month from receipt of proposals from the Unions and concluded within six months provided this is not earlier than 30th June, 2003.” (Tweġiba mogħtija: 28/06/2004PM) (Seduta Numru: 144)

Kura ta' l-għajnejn — Sptar San Luqa

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li kura tal-għajnejn bil-visudynema tingħatax fl-isptar San Luqa, iżda wieħed irid jirrikorri fil-privat inkella jitlef id-dawl ta' għajnejh?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-ebda Gvern qatt ma ntrabat li jipprovdi s-servizzi kollha eżistenti fil-privat. Il-protokollli kliniċi, li permezz tagħhom ġew stabbiliti guidelinesspeċifiċi minn National Institute for Clinical Excellence tar-Renju Unit għall-kura ta' Age-related Macular Degeneration permezz tal-Visudyne, ġew finaliżżati f'Diċembru 2003. F'sitwazzjoni fejn ma jkunx ġew allokati fondi speċifiċi, jagħmel sens li qabel ma jiġu ntrodotti servizzi ġodda wieħed jara l-impatt sħiħ tal-implimentazzjoni sħiħa tagħhom. Qed jiġi finaliżżat l-istudju neċessarju sabiex jiġi stabbilit kemm persuni jikkwalifikaw għal din il-kura f'Malta skond dawn il-protokolli stabbiliti.

Ħaddiema — Ċimiterju ta' Brexia

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm ħaddiema fiċ-ċimiterju ta' Braxia fl-2001 u x'inhu l-grad tagħhom? Kemm hemm ħaddiema jaħdmu llum u x'inhu l-grad tagħhom?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Infurmat li fis-sena 2001 fiċ-Ċimiterju ta' Braxia kienu jaħdmu tliet ħaddiema. Il-grad tagħhom kien ġardinar (1) u deffien (2). Fil-preżent, fiċ- Ċimiterju ta' Braxia hemm jaħdmu żewġ ħaddiema tal-Gvern. Wieħed deffien u l-ieħor health assistant. Din l-Art Ħelwa tirċievi grant mingħand il-Gvern u tqabbad ħaddiema oħra skond il-bżonn.

Kappella fiċ-Ċimiterju ta' Braxia

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta ser tiġi restawrata l-kappella fiċ-ċimiterju ta' Braxia?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Infurmat li xogħol ta' restawr fil-Kappella taċ-Ċimiterju ta' Braxia ilu li beda għal xi żmien. Diga' sar xi restawr fil-bieb u anke fit-twieqi bl-stained glass.

Ċimiterju ta' Braxia — Susa fis-saqaf tal-kappella

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'passi qed jittieħdu biex tiġi kkontrollata s-susa fis-saqaf tal-kappella taċ-ċimiterju ta' Braxia? Jista' il-Ministru jgħid x'rapport sar dwar il-ħsara li saret mis-susa fl imsemmi saqaf u x'ġie rrikkmandat? Jekk tlesta rapport, jista l-Ministru jqiegħed dan ir-rapport fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Infurmat li matul is-sena 2003 Din l-Art Ħelwa li jirċievu budget mingħand il-Gvern għal xogħol fiċ-Ċimiterju ta' Braxia, kienu qabbdu kumpanija privata li tispeċjaliżża fil-kontroll ta' l-insetti biex jeżaminaw is-saqaf tal-kappella taċ-Ċimiterju ta' Braxia. Dawn innotaw il-preżenza tas-susa. L-istess Din l-Art Ħelwa għamlu kuntatti mal-Ministru tax-Xogħolijiet biex tiġi mistħarġa din il-problema. Din is-sena d-Dipartiment tas-Saħħa nkariga Perit biex jipprepara rapport dwar l-istat ta' tali saqaf u x'jeħħtieġ isir. Infurmat li tali rapport għadu qiegħed jitlesta.

Sidien ta' artijiet — Bini ta' djar tal-Gvern

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta huwa mistenni li l-Gvern jiftiehem dwar ħlasijiet lis-sidien ta' l-artijiet, li kienu ngħataw għall-bini tad-djar tal-Gvern fix-Xwieki il-Għargħur?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi s-sidien ta' l-artijiet li kienu ngħataw għall-bini tad-djar fix-Xwieki il-Għargħur ġew kollha ikkompensati ħlief għas-sidien li kellhom l-utile dominium temporanju ta' biċċa art waħda. Dan l-utile dominium għalaq fl-14 ta' Awissu 1991. Il-kumpens lil dawn is-sidien ikun jista' jitħallas meta jiġu identifikati il-persuni nvoluti.

Espropjazzjoni ta' artijiet — Ħaż Żebbuġ

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hix se tiġi esproprjata art għat twessiegħ ta' Triq l-Imdina Ħaż-Żebbuġ bejn il-mitħna u l-Bieb de Rohan fid-dħul ta' Ħaż-Żebbuġ? Jekk fl-affermattiv is-sidien ġew mgħarrfa bit-teħid ta' din il-propjeta'? X'sejjer isir f'każ ta' bini li jrid jitwaqqa? Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' pjanta li turi t-twessiegħ tat-triq kif propost?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Hu propost illi Triq l-Imdina, mill-mitħna sal-Mina ta’ De Rohan titwessa’ ħalli tkun tista’ tinbena service road man-naħa ta’ Ħaż-Żebbuġ. Dan il-proġett huwa maħsub li jsir f’żewġ fażijiet. L-ewwel fażi se tinbena service road u single carriageway. It-tieni fażi tinkludi t-twessiegħ tat-triq għal dual carriageway. Din it-tieni fażi tinkorpora l-esproprjazzjoni ta’ l-art u l-bini. L-ewwel fażi se ssir sa l-2005. It-tieni fażi se ssir fl-2006. Is-sidien ta’ dawn l-artijiet kienu nfurmati li se ssir applikazzjoni għat-twessiegħ ta’ din it-triq fuq il-gazzetti u permezz tal-proċedura stabbilita mill-MEPA. Fir-rigward ta’ bini li qed jitwaqqa’ s-sidien jiġu kkuntattjati hekk kif tiġi ppubblikata d-dikjarazzjoni tal-President għall-esproprjazzjoni ta’ din l-art.

Tribunal for Fair Competition

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta ser jerġa jiġi kostitwit it-Tribunal for Fair Competition?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Kummissjoni għall-Kummerċ Ġust (Commission for Fair Trading) reġgħet ġiet kostitwita bl-istess membri b'effett mit-2 ta' Frar 2004. Jien infurmat ukoll li n-notifika fil-ħatra ta' din il-kummisjoni ġiet ippublikata fil-gazetta tal-Gvern Nru.17602 tal-11 ta' Ġunju 2004.

Liġi tad-droga — Kumitat

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm-il darba ltaqa' l-Kumitat maħtur taħt iċ-Chairmanship tal-ex President tar-Repubblika Guido de Marco dwar il-Liġi tad-Droga? Ma min ikkonsulta u qiegħed jikkonsulta u meta kkonsulta magħhom? (Jekk jista' bid-dati) X'terms of reference għandu dan il-kumitat u jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx terminu ta' żmien li fih il-Kumitat għandu jlesti l-ħidma tiegħu?

Response (BORG, TONIO)

Il-Kumitat jew Forum imsemmi mill-Onorevoli Interpellant kien twaqqaf fuq inizjattiva tal-President ta' Malta ta' dak iż-żmien, il-Profs. Guido de Marco, bl-iskop li jkun forum ta' diskussjoni bejn awtoritajiet u aġenziji governattivi u organizazzjonijiet mhux governattivi impenjati fil-kamp ta' ġlieda kontra d-droga, u kura u prevenzjoni, l-aktar bil-ħsieb li jaraw kif il-liġijiet attwali u l-miżuri eżistenti f'pajjiżna qegħdin jaħdmu fil-ġlieda kontra d-droga. Il-Ministeru ta' l-Intern ma kienx involut ħlief li l-Kummissarju tal-Pulizija ġie mistieden li jattendi għal laqgħat. Fit-23 ta' Ġunju, 2004, il-President attwali tar-Repubblika bagħatli kopja tar-rapporti kollha li tħejjew mill-għaqdiet, u anki mill-awtoritajiet u aġenziji tal-Gvern wara li saret laqgħa riċentement tal-Forum. Kif ġa għedt dawn ir-rapporti se nippreżentahom għall-konsiderazzjoni tal-Kumitat Permanenti dwar l-Affarijiet Soċjali, għal diskussjoni iktar wiesa' u bl-ebda mod limitata għal dawn ir-rapporti biss. Dana qed isir sabiex kull emenda fil-liġi dwar id-droga ikollha l-konsensus l-iktar wiesa' , u sabiex id-distinzjoni bejn vittmi u traffikanti li saret fl-1999 mill-Gvern preżenti, tkompli tissaħħaħ.

Qrati — Inkjesti pendenti

Question

Jista’ il-Viċi Prim Ministru jgħid fit-30 ta'April 2004 kemm kien hemm inkjesti li għadhom ma ngħalqux quddiem kull maġistrat? Kemm ilha miftuħa l-aktar inkjesta quddiem kull maġistrat? Jista’ jagħti n-numru għal Qorti f'Għawdex? Liema huma l-maġistrati li bħalissa qed jagħmlu wkoll xogħol f'Għawdex?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Tal-Pieta' — Skola primarja

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li ħaddiema fl-iskola primarja ta' Tal-Pieta' mhux se jitħallew jipparkjaw aktar fi spazju provdut lilhom u dan minħabba li l-awtoritajiet tas-saħħa mhux se jippermettu li dan isir? Jaħseb il-Ministru li dan se jkun ta' inkonvenjent anke minħabba li wħud minnhom huma facilitators u kindergarten assistants?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li d-deċiżjoni dwar il-parkeġġ għada qegħda tiġi diskussa.

Taxxa fuq biljetti ta' l-ajru

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk issa, li pajjiżna huwa membru ta' l-Unjoni Ewropea, it-taxxa fuq il-biljetti ta' l-ajru li joriġinaw minn pajjiżna humiex illegali minħabba li anke huma diskiminatorji?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jirriżulta li, minħabba l-fatt li mhux qed isir diskriminazzjoni fin-nazzjonalità tal-passiġġieri nvoluti, is-sistema kurrenti la hi diskriminatorja u lanqas illegali.

Eżamijiet tal-MATSEC u SEC — Żbalji fil-karti ta' l-eżamijiet

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk kienx hemm rapporti li fl-eżamijiet tas-SEC u l-Matsec, fost l-oħrajn fil-fiżika u l-matematika fil-livell SEC u fil-pure maths fil-livell tal-Matsec, li kien hemm siltiet li kienu barra mis-sillabu kif ukoll li kien hemm xi żbalji li wasslu sabiex il-karta, jew aħjar biċċiet minnha ma setgħetx tinħadem? Min ser jimmarka l-karti ser jagħti każ ta' dawn l-affarijiet hawn fuq imsemmija anke minħabba l-fatt li l-istudenti huma demoralizzati?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li dawn ġew investigati. Jirriżulta, fost l-oħrajn, li fil-Fiżika u l-Matematika fil-livell tas-SEC ma kienx hemm mistoqsijiet jew partijiet ta' mistoqsija li kienu barra mis-sillabi u lanqas ma kien hemm żbalji. L-istess jirriżulta fil-Matematika Pura fil-livell avvanzat, filwaqt li fil-livell intermedju kien hemm kontestazzjoni dwar il-validita ta' parti ta' mistoqsija fuq integration by substitution, li mhix eskluża mis-sillabu. Bħala regola kull bord ta' eżaminaturi jimxi fuq skema ta' l-immarkar imfassla minn qabel iżda jagħtu kas ukoll ta' tweġibiet mhux mistennija.

Qawra — Appartamenti

Question

Tista' il-Ministru ġentilment tgħid meta se jkunu lesti l-flats tal-Qawra minn block C1 sa C6 maħruġa mill-awtorita' tad-djar? Meta se jkunu ffirmati l-kuntratti u meta se jingħataw iċ-ċwievet?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-proġett indikat mistenni jitlesta bejn Settembru u Ottubru 2004. Mill-44 appartament li nħarġu għall-bejgħ, l-Awtorita' tad-Djar diġa ffinalizzat 32 kuntratt. Ovvjament iċ-ċwievet jingħataw meta l-proġett ikun lest.

Tal-Ħandaq — Liċeo Vassalli - Għalliem tat-Technical Design

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx għalliem tat-Technical Design fil-Liċeo Vassalli tal-Ħandaq? Fin-nuqqas ta' dan l-għalliem, min qed igħallem dan is-suġġett?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fl-iskola tal-Ħandaq - Liceo Vassalli hemm erba' għalliema tat-Technical Design u bħalissa ma hemm ebda nuqqas ta' għalliema fis-suġġett.

Qrati — Prostituti

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ittellgħu prostituti l-qorti din is-sena? Minn fejn allegatament sar ir-reat? Kemm kellhom eta' u ta liema sess kienu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul l-ewwel ħames xhur ta' din is-sena tressqu quddiem il-Qorti 52 persuna, uħud minnhom diversi drabi, fuq reati konnessi ma' prostituzzjoni fil-Marsa u l-Gżira. Minn dawn 41 kienu nisa u 11 irġiel, filwaqt li l-iżgħar fosthom kien raġel ta' 18-il sena.

Qrati — Nassaba u kaċċaturi li ġew imħarrka

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ittellgħu nassaba u kaċċaturi l-qorti din is-sena u għaliex?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul l-ewwel ħames xhur ta' din is-sena ittellgħu 263 persuna l-Qorti bi ksur tar-Regolamenti ta' l-1993 dwar il-Ħarsien ta' l-Għasafar u tal-Fenek Selvaġġ; Regolamenti ta' l-1993 dwar l-Għasafar u l-Fenek Selvaġġ (Dikjarazzjoni ta' Speċi Protetti u Riservi Naturali); u l-Ordinanza dwar l-Armi (Kap. 66).

Qrati — Tfal li ġew imħarkka

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ittellgħu tfal il-qorti din is-sena u għaliex?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul din is-sena n-numru ta' persuni taħt is-16-il sena li ttellgħu quddiem il-Qorti kien ta' tmintax (18). Ir-raġunijiet għax ittellgħu kienu dwar: Droga, kemm abbuż kif ukoll traffikar Serq Inġurji magħmula fil-konfront ta' ġenituri u terzi Ġlied fl-iskejjel Ksur ta' bon ordni Grieħi ħfief Sewqan ta' karozzi

Pulizija — Każi ta' hold ups

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm saru hold ups din is-sena u fejn?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul l-ewwel ħames xhur ta' din is-sena ġew irrapurtati 26 każ ta' hold ups. Dawn seħħew f'dawn il-lokalitajiet: Żurrieq San Ġwann San Ġiljan Paola Luqa Kirkop Mtarfa Pembroke Burmarrad Marsa Msida Għaxaq Żabbar Swieqi Qormi Ħamrun Birkirkara Kalkara Ta' Xbiex Rabat San Pawl il-Baħar