Legislature:
Category:
Reset
Active:

Casual Substitute Clerks

Question

Jista' il-Prim Ministru ġentilment jgħid jekk hemmx il-ħsieb li Casual Substitute Clerks li qed jaħdmu fuq bażi regolari f'diversi dipartimenti tal-Gvern isiru tal-post?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li t-tweġiba għal din il-mistoqsija Parlamentari hija fin-negattiv, proprju għaliex din il-kategorija ta’ ħaddiema tkun qed tissostitwixxi lil min hu mpjegat permanenti imma li jkun assenti għal perjodu ta’ żmien limitat. (Tweġiba mogħtija: 28/06/2004PM) (Seduta Numru: 144)

Awtorita' Maltija dwar it-Trasport — Toroq ġodda

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma li l-Awtorita' Maltija dwar t-trasport ħarġet tenderli kien jgħalaq fis-26 ta' Settembru 2003 biex fost toroq oħra isiru Triq Mons A Caruana Imqabba, Triq Ġdida fi Triq Mons A Caruana fl-Imqabba u Triq Ġdida fi Triq Ġdida fi Triq Mons A Caruana fl-Imqabba? Jista' il-Ministru jgħid jekk dawn it-toroq humiex intiżi li jsiru permezz ta' dan it-tender u jekk fl-affermattiv meta ser isiru?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab informat illi f'Settembru 2003 keinet ħarġet tender sabiex isiru toroq: Triq Mons. A. Caruana, Triq Ġdida fi Triq a. Caruana u Triq Ġdida fi Triq Ġdida fi Triq A. Caruana, hekk kif imsemmi mill-Onor. Interpellant. Dawn it-tenders ma kienux ingħataw minħabba li l-prezzijiet mitluba mill-kuntrattur kienu konsiderevolment ogħla mil-limiti stabiliti mid-Direttorat. Madanakollu, l-imsemmija tenders reġgħu inħarġu fi Frar 2004 u fil-preżent għadhom qed jiġu aġġudikati.

Pelican Crossing — Triq Santa Katerina

Question

B'referenza għal mistoqsija parlamentari 5049, jista' il-Ministru jgħid jekk t-tender sabiex tkun tista' tiġi installata pelican crossing fi Triq Santa Katerina ħarġitx? Jekk iva, meta ħarġet?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Informat illi t-tender għall-istallazzjoni tal-pelican crossing fi Triq Santa Katerina mistennija toħroġ aktar 'il quddiem.

Toroq — Xogħlijiet

Question

Jista' il-Ministru jgħid f'liema toroq prinċipali nbeda x-xogħol li qed isir mill-fondi tal-Protokoll Taljan? X'tip ta' xogħol sar sa llum?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Lista ta' toroq fejn inbeda x-xogħol iffinanzjat mill-protokoll ma' l-Italja hekk kif mitlub mill-Onor. Inerpellant: Xogħlijiet iffinanzjati taħt il-Ħames Protokoll ma' l-Italja Mir-roundabout junction tal-Qlejja, Mosta mal-junction ma' Triq il-Madonna tal-Qlejja; Mir-roundabout junction bejn Triq Notabile Attard u Triq l-Imdina, Żebbuġ mar-roundabout junction bejn triq Żebbuġ, Attard u Triq l-Imdina Żebbuġ; Mir-roundabout junction bejn Triq l-Imdina Żebbuġ u Triq Siġġiewi sa Triq l-Imdina junction ma' Triq Anġlu Borg Qormi. Madanakollu x-xogħlijiet li saru s'issa ma jinkludux: Ko-ordinazzjoni ma immaniġjar tat-traffiku u stallazzjoni tas-sinjali neċessarji; Tfassil tad-dettalji tal-kostruzzjoni; Qlugħ tal-wiċċ tat-triq eżistenti; Xogħlijiet ta' trinek għall-istallazzjoni tas-servizzi.

Toroq — Asfaltar

Question

Jista' il-Ministru jgħid liema kienu t-toroq li ngħataw it-tarmac mill-1 ta' Jannar sa llum?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-lista ta' toroq hekk kif mitluba mill-Onor. Interpellant.

Ħal Għaxaq — Asfaltar ta' toroq

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk Triq il-Pitirross f'Ħal Għaxaq u Triq in-Nigem f'Ħal Għaxaq ukoll humiex responsabbilta' tal-gvern biex jingħataw it-tarmac? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid meta dan ix-xogħol se jsir?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Informat illi t-toroq imsemmija mill-Onor. Interpellant huma toroq mhux asfaltati u għalhekk jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tal-Gvern Ċentrali. Fir-rigward ta' Triq In-Niġem, diġa' ħarġet tender u fil-preżent qegħda fil-proċess ta' aġġudikazzjoni. Triq il-Pitirross ġiet inkluża fil-programm ta' kostruzzjoni ta' toroq li qed isiru mid-direttorat, u x-xogħol isir aktar 'il quddiem skond il-prioritajiet li jkollu quddiemu d-Direttorat.

Ilma riċiklat

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 6113 li oriġinarjament saret lill-Ministru tas-Saħħa u cioe' jista' ġentilment jgħid jekk sarux xi testijiet biex jikkonferma li l-użu ta' l-ilma riċiklat li qed jintuża għat-tisqija mhux qed ikun ta' dannu għas-saħħa pubblika u għall-ambjent?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-testijiet fuq l-ilma prodott mill-impjant ta' Sant Antnin isiru kuljum fil-laboratorju tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma. Dawn it-testijiet jiżguraw li l-ilma huwa totalment disinfettat sakemm jidher fih traċċi ta' "free chlorine". Jittieħdu wkoll kuljum readings ta' l-imluħa fl-ilma (conductivity).

Ċittadinanza Maltija

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid meta se tinħareġ iċ-ċittadinanza Maltija lill-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-applikazzjoni għaċ-ċittadinanza Maltija li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant m'ilhiex li saret u għada qiegħda tiġi pproċessata.

Floriana — Triq il-Kapuċċini - Bini ta' units tal-gvern

Question

Tista' il-Ministru tgħid lil min hu maħsub li jiġu allokati l-units fil-blokka tal-gvern li għadha kif inbniet fi Triq il-Kapuċċini, fil-Floriana? Kemm hemm units b'kollox, min se jalloka dawn il-units, id-dipartiment ta' l-akkomodazzjoni soċjali jew l-awtorita' tad-djar?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-proġett li rrefera għalih l-Onor. Interpellant fiħ 8 appartamenti b'kamra tas-sodda waħda. Nofs dawn l-appartamenti ser jiġu allokati lill-anzjani tal-lokalita' u n-nofs l-ieħor lill-anzjani barra l-Furjana. Dawn l-appartamenti ser jiġu allokati kollha mid-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali.

Awtorita' tad-djar — Applikazzjoni bil-file no: H 18293

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm ġew mogħtija punti għall-applikant bil-file no: H 18293? X'tama hemm li dan l-applikant jiġi allokat post tal-gvern?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Dwar l-ewwel parti tal-Mistoqsija nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-persuna konċernata lit-taqsima tal-Customer Care tad-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali. Ninsab infurmata li d-Dipartiment qed jikkunsidra l-applikazzjoni ndikata mill-Onor. Interpellant flimkien ma' oħrajn simili.

Awtorita' tad-Djar — Skema 'Z'

Question

Tista' il-Ministru tgħid jekk applikant li kien fil-passat ibbenefika minn skema Z ta' l-Awtorita' tad-Djar madwar sentejn ilu, jistax jerġa' japplika għal xi benefiċċju ieħor taħt l-istess skema?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Persuna li fil-passat ibbenefikat minn Skema Z ta' l-Awtorita' tad-Djar tista' terġa tibbenefika, kemm il-darba tissodisfa l-kundizzjonijiet ta' l-iskema dwar l-assi u t-talba tkun dwar xogħlijiet differenti minn dawk li tkun diġa' bbenefikat dwarhom.

Dipartiment ta' l-akkomodazzjoni soċjali

Question

Tista' il-Ministru tgħid meta d-dipartiment ta' l-akkomodazzjoni soċjali se jibgħat il-housing inspector għal spezzjoni fil-fond li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament? Fil-preżent kemm għandha punti din l-inkwilina li tgħix f'post tal-gvern?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-applikazzjoni tal-persuna li għamel referenza għaliha l-Onor. Interpellant ser tiġi proċessata wara li d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali jirċievi d-dokumentazzjoni mitluba.

Diabetiċi

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhu n-numru totali ta' diabetiċi f'Malta: 1) maqsuma f'type 1 Diabetics; type 2 Diabetics;2) klassifikati fi gruppi ta' etajiet: 0-10 snin; 11-20 sena; 21-40 sena; 41-50 sena; 51-60 sena u 61-70 sena?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Għawdex — Sptar Ġenerali - Servizz ta' physio therapy

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk teżistix waiting list ta' persuni li qed jistennew is-servizz ta' physio therapy fl-isptar Ġenerali ta' Għawdex? Jekk iva, jista' jgħid kemm hu ż-żmien li wieħed irid idum jistenna biex jibda jingħata dan is-servizz?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel id-domanda tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Raħal Ġdid — Triq Brittanja - Skola tal-Kindergarten

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk l-iskola tal-Kindergarten li tinsab fi Triq Brittanja, f'Raħal Ġdid hix se tiftaħ? Jekk le, lest il-Ministeru jiftaħ diskussjoni mal-kunsill lokali biex din il-proprjeta' tiġi utilizzata mill-kunsill lokali għall-ġid tar-residenti tal-Parroċċa ta' Lourdes?

Response (GALEA, LOUIS)

Ġejt informat li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni ma tħossx li jkun fl-interess tat-tfal li tagħtihom l-esperjenza ta' kinderkarten li ma tkunx fl-iskola primarja. Għalhekk, m'hemm l-ebda ħsieb li terġa tiftah l-iskola tal-Kindergarten li tinsab fi Triq Brittanja, f'Raħal Ġdid li kienet ingħalqet fl-aħħar tas-sena skolastika 1996/1997. Il-Ministeru beħsiebu juża dan l-ispazju għal sevizzi oħra konessi ma' l-edukazzjoni.

Ħaddiema Maltin ma' ambaxxati ta' pajjiżi membri tal-UE

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema Maltin jaħdmu ma' ambaxxati ta' pajjiżi membri ta' l-Unjoni Ewropea u f'liema gradi qegħdin?

Response (DALLI, JOHN)

L-ambaxxati barranin f'Malta m'humiex obbligati li jinnotifikaw lill-Ministeru bid-dettalji ta' l-impjegati Maltin li huma jingaġġaw. Għaldaqstant, m'inhiex f'qagħda li nagħti l-informazzjoni mitluba lill-Onorevoli Interpellant.

Air Malta — Titjiriet bi prezz sussidjat

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 6147 u cioe' jista' jgħid kemm kien l-ammont ta' passiġġieri li ġew Malta bit-titjiriet ta' l-Air Malta bi prezz sussidjat sabiex jivvotaw fl-elezzjoni tal-MEP's? Kemm ġie jiswa dan is-sussidju? Dan is-sussidju jagħmel tajjeb għalih il-gvern jew l-Air Malta?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li n-numru ta' passiġġieri li l-Air Malta ġabet għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew kienu ta' 542. L-ammont ta' sussidju inħadem fuq bażi ta' spejjeż diretti li kellha l-Air Malta biex iġġorr dawn il-passiġġieri u fuq bażi ta' dħul li tilfet l-Air Malta biex iġġorr dawn il-passiġġieri minflok oħrajn. L-ammont totali hu ta' Lm31,807. Nikkonferma li l-Air Malta sejra tibgħat il-kont relattiv lill-Gvern.