Tista' il-Ministru tgħid: 1) kemm hemm nies li qed jirċievu l-pensjoni ta' l-eta (old age pension) bħalissa; 2) kemm hemm nies li qed iħallsu l-NI bħalissa; 3) in-numru ta' tfal li twieldu f'dawn il-gżejjer kull sena, għal dawn l-aħħar għaxar snin; 4) x'kienet il-mortality rate għal dawn l-aħħar għaxar snin, sena b'sena; 4) x'inhu l-ammont ta' NI miġbura sena b'sena, għal dawn l-aħħar għaxar snin?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li n-numru ta' persuni li kienu qed jirċievu pensjoni ta' l-eta' mhux kontributorja (old age pension) f'Ġunju 2004, kien ta' 3,822.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella bl-informazzjoni dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija fir-rigward tas-snin mill-1994 sal-1997. B'seħħ mill-1 ta' Jannar 1998, ir-responsabbilta' għall-ġbir tal-kontribuzzjonijiet tas-Sigurta' Soċjali għaddiet taħt il-Kummissarju tat-Taxxi Interni.
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-partijiet l-oħra tal-Mistoqsija lill-Ministri konċernati.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew imwettqa serqiet matul Mejju 2004? Jista' jikklassifika s-serq? Jista' jgħid kemm ġew solvuti serq matul Mejju 2004?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul Mejju 2004 il-każi ta' serq li ġew irrapurtati lill-Pulizija kienu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, filwaqt li matul l-istess xahar il-Pulizija solviet 49 każ ta' serq.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew imwettqa reati matul Mejju 2004? Jista' jikklassifika r-reati? Jista' jgħid kemm ġew solvuti reati matul Mejju 2004?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub fl-ewwel u fit-tieni partijiet tal-Mistoqsija Parlamentari huwa kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija ninsab infurmat illi matul Mejju 2004 kien hemm 440 persuna misjuba ħatja ta' reati kriminali.
Kumpannija privata — Traffikar ta' tfajliet mill-Ewropa
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jinvestiga u jgħarraf lill-Kamra jekk il-kumpannija li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, f'dawn l-aħħar snin kenitx involuta fit-traffikar ta' tfajliet mill-Ewropa tal-Lvant lejn pajjiżna għal skopijiet illeċti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-kumpannija msemmija mill-Onorevoli Interpellant ma kenitx investigata mill-Pulizija dwar is-suġġett imsemmi.
Birkirkara — Skola Vincenzo Borg Brared - suġġett tal-Home Economics
Question
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li fl-iskola Vincenzo Borg Brared ta' Birkirkara, is-suġġett tal-Home Economics qed jiġi mgħalleim mingħajr m'hu qed issir il-prattika iżda bit-teorija biss? Jaf li xi persuni mill-korporazzjoni għax-xogħol u taħriġ meta żaru din l-iskola kkummentaw fuq dan il-fatt u qalu li jista' ikun hemm konsegwenzi fuq il-futur tat-tfal?
Response (GALEA, LOUIS)
Ninsab informat li fil-bidu tas-sena skolastika beda xogħol fil-blokk li kien hemm fih laboratorji tat-teknoloġija, laboratorju tal-Home Economics u ieħor tal-Crafts. Fil-frattemp, il-lezzjonijiet kienu teoriċi biss. Kienu jsiru xi demostrazzjonijiet ħfief tal-Home Economics imma naturalment minħabba raġunijiet ta' saħħa u sigurta' qatt ma sar tisjijr fil-klassijiet. Biex l-istudenti ta' Form 5 għamlu l-Matsec tal-Home Economics, ġiet użata il-faċilita' tal-Junior Lyceum Imrieħel li ġentilment taw l-faċilita' tal-laboratorju tal-Home Economics tagħhom.
Informat ukoll illi malli jitlesta x-xogħol f'dan il-blokk, il-qagħda tiġi għan-normal.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 4993, jista' il-Ministru jgħid liema huma dawk l-attivitajiet li l-ispejjeż għalihom se jsiru mill-privat? Jista' jgħid ukoll min hu dan il-privat u kemm huma dawn l-ispejjeż?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninforma lill-Onor interpellant li kien hemm numru estensiv ta' attivitajiet biex ifakkru s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea b'inizzjattiva tas-settur privat. Ma kienx kompitu tal-Gvern li jżomm id-dettalji ta' kull min b'xi mod iċċelebra dan l-avveniment. Għalhekk la mhux organizzati minn fondi pubbliċi, il-Gvern m'għandux il-jedd jitlob lill-privat jinfurmaħ x'intefaq f'dan ir-rigward.
Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 4990 li oriġinarjament saret lill-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunita' u li issa ġiet riferuta lilu u cioe'jista' jgħid kemm hemm operaturi ta' tuck shops, canteens, etc., fl-iskejjel li matul dawn l-aħħar ħames snin separatament nstab li kienu qed ibiegħu prodotti ta' l-ikel u xorb li ma kienux tajbin għat-tfal jew ma kienux skond l-ikel u xorb rakkomandat? X'passi ttieħdu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-bejgħ ta' prodotti ta' ikel u xorb fit-tuckshops fl-iskejjel huwa regolat mill-kundizzjonijiet tal-kuntratt għall-kiri tat-tuckshops. Il-Kapijiet ta' l-iskejjel huma fid-dmir li jirrapurtaw lid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni xi nuqqasijiet li jista' jkun hemm fil-bejgħ ta' prodotti kif ukoll dwar iġjene.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 4989, eżattament l-aħħar parti, li oriġinarjament saret lill-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunita' u cioe'fl-ewwel term ta' din is-sena skolastika nstab xi ħadd li ma kienx qed jipprovdi ikel u xorb kif suppost fit-tuck shops ta' l-iskejjel?
Response (GALEA, LOUIS)
Ninsab informat illi fl-ewwel term ta' din is-sena skolstika ma sar l-ebda rapport lid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni illi xi ħadd mill-operaturi tat-tuckshops fl-iskejjel ta' l-istat ma kienx qed jipprovdi ikel u xorb kif suppost, cioe' kif stipulat fil-kundizzjonijiet tal-kuntratt għall-kiri ta' tuckshops fi skejjel statali.
Jista' il-Ministru jgħid jekk instabx post alternattiv sabiex iservi bħala uffiċċju għall-fondazzjoni għall-iskejjel t'għada?
Response (GALEA, LOUIS)
Ninsab informat li għalkemm s'issa għadu ma nstab l-ebda post alternattiv sabiex iservi bħala uffiċju għal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada, qed jiġi konsidrat użu ta' propjeta' tal-gvern li ser tiżvojta dalwaqt.
Sħubija ta' Malta fl-UE — Flus minfuqa fuq attivitajiet
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm nefaq flus il-gvern għal attivitajiet li ġew organizzati għal dħul ta' Malta fl-Unjoni Ewropea? Kemm minn dawn intnefqu fuq billboards, mingħand min ġew mikrija u għal kemm?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nirreferi lill-Onor Membru għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 4993. Il-Gvern ma kellu l-ebda billboard imtella'.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien il-pezz medju tal-frawli fil-pitkalija ċentrali f'Ta' Qali matul l-ewwel ħames xhur tas-sena? Kemm kien it-tunnellaġġ reġistrat fl-istess perjodu?
Jista' jipprovdi l-istess informazzjoni għall-istess perjodu fl-aħħar ħames snin, sena b'sena?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kienet il-produzzjoni tal-majjal f'Malta u Għawdex separatament fl-ewwel ħames xhur tas-sena?
Jista' jipprovdi l-istess informazzjoni għal dawn l-aħħar ħames snin separatament?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba rigward l-ewwel ħames xhur tas-sena 2004.
Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tiegħi għal mistoqsija nru. 3344, ta' Seduta nru. 80.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien id-dħul tal-gvern minn liċenzji/permessi, eċċ., ta' stabbilimenti kummerċjali matul l-ewwel ħames xhur tas-sena 2004 f'Malta u Għawdex separatament?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat illi l-ammont ta' dħul tal-Gvern għall-ewwel ħames xhur tas-sena 2004 minn liċenzji ta' stabbilimenti kummerċjali kif provdut mir-Regolamenti ta' l-2002 dwar il-Liċenzji tal-Kummerċ (A.L. 102 ta' l-2002) huwa ta' Lm 514,370. Mhux possibli li dan l-ammont jiġi maqsum separatament għal Malta u Għawdex.