Legislature:
Category:
Reset
Active:

Dipartiment ta' l-akkomodazzjoni soċjali — Talba għal akkomodazzjoni alternattiva

Question

Tista' il-Ministru tgħid x'tama hemm li ġenitur, mara li tinsab tistenna tarbija, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, tiġi allokata fond tal-gvern? Tista' il-Ministru tgħid kemm għandha kmamar abitabbli din l-applikanta?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali qed jikkunsidra l-applikazzjoni mill-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant flimkien ma' oħrajn simili. L-informazzjoni mitluba fl-aħħar parti tal-Mistoqsija hi ta' natura personali u ma jidhirlix li għandha tiġi ppublikata.

Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari u r-risposta ta' ittra annessa li qed jintbagħtu separatament, tista' il-Ministru tgħid tistax il-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament tagħmel talba biex tidher quddiem il-bord ta' l-appell biex tiddefendi l-każ tagħha? Jekk fl-affermattiv, x'inhi l-proċedura?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li d-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali reġa' ikkomunika bil-miktub mal-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant dwar il-każ tagħha.

Awtorita' tad-Djar — Servizz care & repair

Question

Tista' il-Ministru tgħid għaliex persuna anzjana li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, ġiet imċaħħda milli tibbenefika mis-servizz care & repair u ġie propost lilha mill-Awtorita' tad-Djar biex tapplika għal skema 'W'?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li persuna li tapplika għal għajnuna taħt l-inizjattiva tal-care and repair tingħata għażla jekk tkunx trid li x-xogħol isir taħt supervizzjoni ta' l-Awtorita' wara li toħroġ tender, jiġifieri taħt l-inizjattiva tal-care and repair, jew tkunx trid li x-xogħol isir minn kuntrattur imqabbad mill-applikant stess taħt Skema ta' l-Awtorita'. Il-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant għażlet li xogħolijiet isiru minn kuntrattur imqabbad minnha. Għalhekk mhux il-każ li l-persuna ndikata ġiet imċaħda li tibbenefika mill-inizjattiva tal-care and repair meta kienet hi stess li għażlet li x-xogħol isir taħt Skema W.

Taqsima proprjeta' tal-gvern

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid fejn waslet it-talba li għamlet il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, quddiem it-taqsima tal-proprjeta' tal-gvern?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li t-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern din il-ġimgħa ser tibgħat it-tweġiba tagħha għat-talba li saret mill-applikant li għamel referenza għalih l-Onorevoli Interpellant.

Miżbla tal-Magħtab — Tindif ta' toroq mnejn jgħaddu t-trakkijiet

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta kien l-aħħar li nies mgħammra bl-apparat meħtieġ intbagħtu jnaddfu t-toroq fejn jgħixu residenti ta' l-inħawi tal-Magħtab mnejn jgħaddu trakkijiet bl-iskart u jwaqqgħu u jnittnu l-inħawi?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li t-toroq imsemmija jitnaddfu minn nies apposta mgħammra bl-apparat meħtieġ fuq bażi regolari u skond kif meħtieġ.

Miżbla tal-Magħtab — Proprjeta'

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ittieħdet proprjeta' ta' persuni fejn hemm il-miżbla tal-Magħtab? Jista' jgħid kemm minn dawn il-persuni ġew kumpensati tal-proprjeta' li tteħditilhom? Meta se jiġu kkumpensati l-persuni li tteħditilhom l-art u għadhom ma tħallsux?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-art li tittieħed fejn hemm il-miżbla tal-Magħtab, fiha kejl ta' circa 251,192 metri kwadri. B'kollox hemm sitta u għoxrin grupp ta' sidien differenti. Żewġ gruppi ta' sidien li kienu jikkonsistu f'sebgħa persuni ġew ikkompensati. Żewġ gruppi ta' sidien oħra li jikkonsisti fi tnax-il persuna irċevew l-Avviż tal-ftehim. Dawn ikkontestaw il-kumpens offrut u l-każ tagħhom qiegħed jiġi trattat quddiem il-Bord dwar l-Akkwist ta' Artijiet. Ma nistax ngħid kemm hemm persuni involuti fit-tnejn u għoxrin grupp tas-sidien l-oħra fejn id-Dipartiment tal-Artijiet għadu qiegħed għaddej bil-proċess biex iħallas il-kumpens dovut, peress li f'ħafna mill-każi għadu mhux magħruf min huma s-sidien attwali. Id-Dipartiment tal-Artijiet qiegħed jagħmel l-almu tiegħu kollu sabiex jikkompensa lil dawn is-sidien.

Enemalta — Persuni liċenzjati biex joperaw pompa tal-petrol

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm persuni li għandhom liċenzja joperaw pompa tal-petrol iżda m'għandhomx pompa tal-petrol xi jħaddmu? Jista' jgħid jekk fost dawn hemmx min wera interess li jopera l-pompa l-ġdida li nħarġu l-permessi għaliha fil-Mellieħa wara l-ground tal-football?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi il-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru koncernat.

MEPA — Applikazzjonijiet

Question

Il-MEPA meta beħsiebha tipproċessa l-applikazzjonijiet PA/01963/01 u PA 1963/01/1A/9A?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li fir-rigward ta’ l-applikazzjoni numru PA 1963/01, din ġiet approvata nhar il-21 ta’ Frar, 2002, jiġifieri iktar minn sentejn u erba’ (4) xhur.ilu. Din l-informazzjoni hija aċċessibbli għall-pubbliku minn fuq il-website ta’ l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA). In-numru PA 1963/01/1A/9A jirreferi għall-pjanti ta’ l-applikazzjoni.

MEPA — Xogħol illegali fl-ex-Puschka f'San Pawl il-Baħar

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se jittieħdu l-azzjonijiet diretti neċessarji biex jiġu nfurzati d-deċiżjonijiet li ttieħdu kontra xogħol illegali fil-bini tal-ex-Puschka f'San Pawl il-Baħar?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) għandha lista twila ta’ każijiet li fihom trid tieħu azzjoni ta’ twaqqiegħ jew tneħħija ta’ żvilupp illegali. Il-każ li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant huwa wieħed minnhom.

Ħ'Attard — Xogħol ta' drenaġġ

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 5046, jista' il-Ministru jgħid jekk kienx hemm żviluppi biex ikun jista' isir ix-xogħol ta' drenaġġ fi Triq iz-Zahar, Triq it-Tahhan u Triq il-Larinġ, f'Ħ'Attard? Jista' jgħid kemm se jiġi jiswa aktar milli kien proġettat dan il-proġett? Jista' jgħid kif se jintgħelbu d-diffikultajiet biex tingħaqad sistema tad-drenaġġ mill-Mosta għal Ħ'Attard via Triq Pantar?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li l-imsemmi xogħol hu mistenni li jibda fl-ewwel ġimgħa ta' Lulju mill-kuntrattur wara li issa kienet stabbilita r-rotta tal-cable ta' l-Enemalta fi Triq Pantar, xogħol li sar mill-ħaddiema ta' l-Enemalta u tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma. Dan il-proġett hu mistenni li jiswa madwar Lm33,000, sakemm ma jkunx hemm xi tibdiliet minħabba xi kundizzjonijiet ta' l-art fejn se jsir ix-xogħol. Is-sistema tad-drenaġġ fl-imsemmija toroq imbagħad se tkun tista titqabbad ma dan il-mejn il-ġdid fi Triq Pantar.

Ta' Qali — Foreste/Numero Uno

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid min ħin sa x'ħin għandu l-permess il-lokal Foreste/Numero Uno, Ta' Qali, biex jiftaħ u f'liema ġranet tal-ġimgħa? Jista' jgħid sa x'ħin jista' jinżamm mixgħul il-volum għoli tal-mużika, li fil-ħinijiet tal-lejl jinstemgħu b'mod qawwi kemm minn Ħ'Attard kif ukoll mill-Mosta? Jista' jgħid jekk tul dawn l-aħħar tlett ġimgħat il-pulizija għamlitx ronda fl-inħawi ta' dan il-post, speċjalment fil-ħinijiet qrib it-3.00 a.m., biex tara li jitnaqqas il-volum qawwi ta' mużika li joħroġ minn dan il-post? Jista' jgħid jekk il-pulizija kelliex rapporti minn residenti dwar mużika għolja ħierġa minn dan il-post fis-sigħat bikrija ta' filgħodu? Kemm-il rapport kien hemm? Jista' jgħid jekk dan il-post qattx ġie mmultat mill-qorti talli nstab ħati li kellu mużika għolja f'ħinijiet li mhux suppost u kemm kienu jammontaw għal flus jew penali oħra li ngħataw bħala kastig mill-qorti?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi minn verifiki li għamlet il-Pulizija jirriżulta illi l-istabbiliment imsemmi huwa liċenzjat sabiex jibqa' miftuħ sa l-4.00am il-ġimgħa kollha. Infurmat ukoll illi, matul dawn l-aħħar tlett ġimgħat ma kienx hemm rapporti lill-Pulizija dwar dan l-istabbiliment, filwaqt li mir-records disponibbli, ma jirriżultax li sid dan l-istabbiliment kien ġie mmultat mill-Qorti wara li nstab ħati li ħalla tindaqq mużika b'volum għoli. Għal aktar tagħrif dwar il-liċenzji fuq dan l-istabbiliment nissuġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jagħmel, Mistoqsija lill-Ministru ikkonċernat.

Dipartiment tas-saħħa — prodotti gluten free

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm jintnefqu flus, fix-xahar jew fis-sena, mis-sena 2000 sa llum, fi prodotti gluten free? Jista' jgħid kemm hemm persuni li jibbenefikaw minn din is-sistema? Jista' jaqsam din l-istatistika f'irġiel, nisa u persuni taħt it-18-il sena? Jaħseb li s-sistema ta kif jitqassmu dawn il-prodotti tista' titjieb? Jista' jgħid min jiġi konsultat fl-għażla tal-prodotti li jinxtraw? Jista' jgħid jekk il-ministeru jew is-segretarjat parlamentari fl-istess ministeru irċeviex talba biex jiltaqa' mac-Coeliac Association? Jekk fl-affermattiv, meta saret din il-laqgħa u x'ġie diskuss?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għada qed tinġabar. Risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Dipartimenti u sezzjonijiet tal-Gvern — Quality Serivce Charter

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid liema huma dawk id-Dipartimenti u sezzjonijiet ta' Dipartimenti li huma koperti mill-Quality Service Charter? Kemm għad fadal li m'humiex koperti u għaliex?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Sa issa ġew imnedija uffiċjalment 50 Quality Service Charters, bil-51 Charter għandu jiġi mniedi fil-ġranet li ġejjin. Il-lista kompluta qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Dawn kollha ġew żviluppati fuq bażi volontarja bit-talba ġejja mid-dipartiment jew sezzjoni nnifisha. In segwitu tal- White Paper dwar is-Servizz Pubbliku għas-seklu 21 bħalissa għaddej proġett li fih kull ministeru qiegħed jindika liema huma dawk is-sezzjonijiet u dipartimenti li huma mistennija li jkollhom Quality Service Charter . Dawn qegħdin jiġu separati f’sezzjonijiet li joffru servizz lill-pubbliku u dawk li joffru servizz intern fid-dipartiment stess. L-ewwel Charters għandhom jiġu żviluppati f’dawk id-dipartimenti li għandhom x’jaqsmu mal-pubbliku u wara jitfasslu dawk li joffru servizzi interni. (Tweġiba mogħtija: 30/06/2004PM) (Seduta Numru: 145)

Tribunal għall-Investigazzjoni ta' Inġustizzji

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm għad fadal persuni li ngħataw kumpens fi flus minn quddiem it-Tribunal għall-Investigazzjoni ta' Inġustizzji u għadhom ma tħallsux? Min huma? Kemm għandha tieħu kull persuna? Xi proċedura qed tintuża biex dawn jitħallsu? Jidhirlux li la l-Gvern kellu flus biżżejjed għall-festi, dawn il-persuni għandhom jingħataw il-kumpens li rebħu mingħajr aktar dewmien meta wieħed iqis li dawn ilhom jistennew li ssir ġustizzja magħhom għal numru kbir ta' snin?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-informazzjoni mitluba qiegħda tinġabar u tingħata tweġiba f’seduta oħra. (Tweġiba mogħtija: 30/06/2004PM) (Seduta Numru: 145)

Permess għat-tiġrija taż-żwiemel

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex ma ingħatax il-permess għat-tiġrija taż-żwiemel fit-triq (by pass ta' l-Imrieħel) organiżżata fl-okkażjoni tal-festa ta' San Ġorġ, Ħal Qormi?

Response (BORG, TONIO)

Peress li dan il-permess partikolari joħroġ mid-Dipartiment ta' l-Attivita' Veterinarja, nitlob lill-Onor. Interpellanti tagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Wied il-Kbir — Ħal Qormi - Xogħol ta' manutenzjoni / tindif

Question

Jista' il-Ministru jelenka x-xogħol ta' tindif u/jew manutenzjoni li sar mit-18/9/03 sa illum f'Wied il-Kbir Ħal Qormi?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li wara l-maltempata tal-15 ta' Settembru, saru diversi xogħlijiet ta' tindif mill-ħaddiema tas-Central Districts Office, bl-għajnuna ta' inġenji tad-Dipartiment fejn tneħħa l-materjal li ġie mkaxkar mill-ilmijiet. Fill-fatt, erġajna fformajna l-livell tat-triq ta' mal-wied, li kienet hemm qabel, tnaddfu l-bokok tat-trollijiet tal-bridges u ġew irranġati xi ħitan tas-sejjieħ. Ħloqna wkoll diversi aċċessi għall-għelieqi u propjetajiet f'dan is-sit.

Wied is-Sewda — Ħal Qormi - Xogħol ta' manutenzjoni / tindif

Question

Jista' il-Ministru jelenka x-xogħol ta' tindif u/jew manutenzjoni li sar mit-18/9/03 sa illum f'Wied is-Sewda f'Ħal Qormi?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li xogħol preliminari fil-Wied imsemmi nbeda fis-16 ta' Frar 2004 u baqa' sejjer sat-12 ta' Mejju 2004. Inġarru l-fuq minn 460 tunnellata ta' materjal u ġiet ifformata t-triq li tieħu għal ġol-wied.

Twessiegħ ta' mina — Ħal Qormi

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-mina l-antika li minnha jgħaddi l-ilma tax-xita li jiġi minn Wied Inċita u jgħaddi għal mina ta' taħt Triq Manwel Dimech f'Ħal Qormi hux se titkabbar biex jgħaddi l-volum ta' ilma tax-xita li matul is-snin kiber?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li din is-sena u l-parti l-kbira tas-sena d-dieħla, ix-xogħlijiet b'konnessjoni ma' l-għargħar f'dawn l-inħawi qed jiġu kkonċentrati biex ikunu eliminati l-akbar ostakoli li hemm bejn Triq Manwel Dimech f'Ħal Qormi u Xatt il-Mollijiet fil-Marsa. Dan ix-xogħol jinkludi wkoll it-twessiegħ tal-korsa ta' l-ilma. Il-mina li qed jirreferi għaliha l-Onor. Membru hija struttura ta' valur storiku u m'hemm l-ebda ħsieb li din tintmiss. Ghall-futur qed jiġi kkunsidrat li tinfetaħ mina oħra fl-inħawi biex jitjieb il-passaġġ ta' l-ilma.

Ċentru Detox

Question

Peress illi xi żmien ilu kien hemm il-ħsieb li ċ-ċentru Detox jiġi ttrasferit band'oħra u peress illi għadda ħafna żmien minn dakinhar, tista' il-Ministru tgħid jekk il-gvern għadux deċiż li jagħmel dan?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ma jirriżultalix li kien hemm il-ħsieb li ċ-Ċentu tad-Detox Out-Patients fi Gwardamangia jiġi trasferit għal band'oħra. Fil-fatt f'dawn l-aħħar sentejn sar x-xogħol konsiderevoli ta' bini u refurbishment fil-post. Iżda d-Detox In-patients ser jiġi trasferit għal band'oħra fil-futur qarib.

Sigurta' Soċjali — Talba għal assistenza soċjali

Question

Tista' il-Ministru tgħid x'inhu jżomm milli toħroġ l-assistenza soċjali fil-każ ta' persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, meta din bagħtet id-dokumenti kollha rikjesti biex tiġġustifika l-każ tagħha?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna minnu ndikata ġiet infurmata bil-każ tagħha.