Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru tas-Saħħa — Ħaddiema li ngħataw scholarship

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ħaddiema fid-dikasteru tiegħu ingħataw scholarship tal-gvern jew minn entitajiet oħra jew ingħataw paid study leave fl-aħħar 15-il sena? Minn dawn l-impjegati: a) kemm minnhom għadhom ma onorawx il-kuntratt mal-gvern? b) kemm minnhom ingħataw xi darba jew oħra estensjoni biex jibdew jonoraw il-kuntratt u f'kull każ x'kienet ir-raġuni? Kemm minnhom spiċċaw biex qatt ma onoraw il-kuntratt? c) kemm minnhom ma onorawx il-kuntratt? d) kemm minnhom il-kuntratt ġie expired? x'kienet ir-raġuni? e) kemm hemm minn dawn il-ħaddiema li qatt ma onoraw il-kuntratt u f'kull każ kemm huma obbligati li jħallsu lill-gvern? Kemm kien hemm każi fejn ġie kkontestat dan il-fatt u x'kien ir-riżultat f'kull każ?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Minħabba l-informazzjoni mitluba tirrekjedi ammont kbir ta' sigħat ta' xogħol minn numru ta' mpjegati tad-Diviżjoni u dan iwassal għall-neqfa żejda mill-Fondi Pubbliċi, l-Onor. Interpellant huwa mitlub li jindika l-utilita' għal fejn qiegħed jagħmel din il-Mistoqsija Parlamentari li tmur lura għal 15-il sena riċerka.

Tal-Qroqq — Bini ta' triq

Question

Jista' il-Ministru jagħti r-raġuni għala Avviż Nru. 70 "Bini ta' triq li tiżbokka fl-isptar Mater Dei" li deher fil-gazzetta tal-gvern issa ġie rtirat?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li Avviż numru 70 kien ġie irtirat, għar raġuni li l-Awtorita' bdiet tikkonsidra pjanijiet oħra għal estensjoni tas-service duct eżistenti. Dawn ix-xogħlijiet ikunu jridu jsiru qabel ma jingħata l-wiċċ, biex it-triq ma jkollhiex terġa tinqala minħabba servizzi ġodda li jista' jkun hemm bżonn isiru.

Rikjesti għall-estradizzjoni minn Gvernijiet Barranin

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien hemm rikjesti għall-estradizzjoni minn Gvernijiet Barranin lill-Gvern ta' Malta bejn id-9 ta' Frar 2004 sat-30 ta' Gunju 2004? Kemm minn dawn ir-rikjesti ġew riferiti lill-awtoritajiet ġudizzjarji? Min kienu l-persuni nvoluti? Kemm minn dawn ir-rikjesti ġew milqugħa mill-awtoritajiet ġudizzjarji u min kienu l-persuni nvoluti? Kemm minn dawn ir-rikjesti ma ġewx riferiti lill-awtoritajiet ġudizzjarji għaliex ġew miċħuda mill-ewwel fuq livell ta' ministeru u min kienu l-persuni nvoluti?

Response (BORG, TONIO)

Il-Gvern Malti ma kellu ebda rikjesta għall-estradizzjoni minn Gvernijiet Barranin bejn id-9 ta' Frar 2004 sat-30 ta' Ġunju 2004.

Taxxi Interni — Ħlas ta' taxxa fuq reġistrazzjoni ta' konvenji

Question

Jista' il-Prim Ministru jispjega x'kienet ir-raġuni li l-obbligazzjoni li jiġu reġistrati l-konvenji u titħallas 1% bħala taxxa provizjonarja giet proposta sa Ottubru 2004? Jista' jispjega għaliex sa l-aħħar minuta n-nutara ma ġewx informati bl-arranġament il-ġdid? Jista' jagħti dettalji nutar, nutar ta' kemm ġew reġistrati konvenji taħt dawn ir-regolamenti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qegħda tinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra. (Tweġiba mogħtija: 05/07/2004PM) (Seduta Numru: 146)

Qrati — Taxxi fil-kawżi

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jispjega għaliex it-taxxi fil-kawżi l-Qorti mhumiex qed isiru jew qed idumu żmien inaċċettabbli? X'miżuri beħsiebu jieħu sabiex jimmitiga dawn il-problemi?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-taxxi fil-Kawżi deċiżi fil-Qorti, u partikolarment dawk tal-Qrati Superjuri, qed isiru regolarment. Jekk kien hemm xi dewmien, dan kien kaġunat minħabba nuqqas ta' ftehim mad-Deputati Reġistraturi li qed jirrifjutaw li jesegwuhom kif inhuma tenuti bil-liġi u bil-kuntratt.

Kumitat dwar il-liġi tad-droga

Question

B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 6285, jista' il-Viċi Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija oriġinali billi jagħti d-data meta twaqqaf il-forum u d-dati kollha tal-laqgħat li dan il-forum żamm ma' l-organizzazzjonijiet konċernati? Liema huma l-organizzazzjonijiet li ġew konsultati?

Response (BORG, TONIO)

Kif ġa' informajt lill-Onorevoli Interpellant, il-Ministeru ta' l-Intern ma kien involut bl-ebda mod fit-twaqqif ta' dan il-Forum. Għalhekk ma jistax jagħti d-dettalji li talab.

FTS — Ħaddiema

Question

Jista' il-Ministru jgħid min huma l-ħaddiema tal-fondazzjoni għall-iskejjel t'għada kemm dawk full-time kif ukoll part-time? X'xogħol qed jagħmlu u kemm hu l-ħlas tagħhom? Jista' jgħid ukoll jekk għandhomx benefiċċji oħra? Jekk iva, x'inhuma dawn il-benefiċċji u min qed jibbenefika minnhom?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Pulizija — Investigazzjonijiet dwar frodi fit-tlugħ tal-lotterija tar-riċevuti fiskali

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid fiex waslet l-investigazzjoni tal-pulizija dwar il-frodi li kien allegat li kien qed isir fit-tlugħ tal-lotterija ta' l-irċevuti tal-VAT?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi dwar il-każ imsemmi mill-Onorevoli Interpellant kienu nbdew proċeduri kriminali quddiem il-Qorti kontra diversi persuni, liema proċeduri għad m'humiex konklużi.

Ħlas ta' VAT — Dħul mill-gvern

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm daħħal il-Gvern mill-VAT fl-ewwel erba' xhur ta' din is-sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fl-ewwel 4 xhur ta’ din is-sena il-Gvern daħħal is-somma gross ta’ Lm57,849,928 mill-VAT li minnhom tħallas ammont ta’ Lm8,599,755 f’refunds. Id-dħul nett għalhekk kien Lm49,250,173.

Stallazzjoni ta' apparat minħabba dħaħen tas-sigaretti

Question

Jista’ il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 4988 li oriġinarjament saret lill-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunita' u cioe' jista' jgħid x'inhu u kif jaħdem l-apparat li jrid jiġi stallat minn ristoranti, ħwienet, eċċ., minħabba dħaħen tas-sigaretti? Jista’ jgħid jekk il-Malta Standards Authority ħarġitx speċifikazzjonijiet fuq dan l-apparat? Il-GRTU għamlet xi suġġerimenti speċifiċi fuq dan?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat illi l-Malta Standards Authority ġiet mitluba tistabbilixxi standards ta' arja nadifa u mhux standards jew speċifikazzjonijiet tekniċi dwar l-apparat illi jnaddaf l-arja.

Tneħħija ta' levy fuq l-inbid

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid, issa li tneħħiet il-levy mill-inbid prodott fil-pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropea, x'se jsir biex dan ir-roħs jiġi rifless fil-prezzijiet li jżommu għall-inbid ir-ristoranti, bars, eċċ.? Jista' jgħid jekk dawn jaqgħux taħt il-kontroll tal-prezzijiet anke fil-każ ta' prodotti oħra bħal birer?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Kif kien wiegħed dan il-Gvern, it-tneħħija tal-levies wasslet għal tnaqqis f’diversi prodotti u dan għall-benefiċċju tal-konsumatur. Billi l-prezzijiet li jikkonċernaw bejgħ ta’ xorb fir-ristoranti, bars etċ jaqa’ taħt ir-responsabbilità ta’ l-Awtorità tat-Turiżmu l-Onorevoli Interpellant huwa mitlub jagħmel id-domanda lil Ministru responsabbli mit-Turiżmu. (Tweġiba mogħtija: 30/06/2004PM) (Seduta Numru: 145)

Dipartiment tal-Lottu Pubbliku — Infiq ta' flus fuq logħtob

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid fl-ewwel erba' xhur tas-sena, minn Jannar sa April separatament, kemm intlagħbu flus fil-lottu tas-Sibt, fis-Super 5 u fit-Tiritombla? Kemm kien ir-rebħ li s'issa ġie msarraf għall-istess żmien?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-informazzjoni mitluba.

Safar mill-Prim Ministru

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm-il darba siefer f'dawn l-aħħar ħames snin, kemm swiet kull safra u għalfejn sar dan is-safar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra skeda li turi l-informazzjoni mitluba. (Tweġiba mogħtija: 30/06/2004PM) (Seduta Numru: 145)

Persuni quddiem il-PSC

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm hawn persuni quddiem il-PSC illum u għaliex? Minn liema dipartiment kienu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-każijiet tad-dixxiplina li nbdew taħt ir-Regolamenti tad-Dixxiplina ta’ l-1999 m’għadhomx jgħaddu mill-Uffiċċju tiegħi. Dwar id-Dipartimenti li jaqgħu taħt l-Uffiċċju tiegħi ninsab infurmat li bħalissa hemm sittax-il każ li huma pendenti quddiem il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku. It-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant dwar dawn il-każijiet jinsab fit-tabella A li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Fir-rigward tal-Ministeri l-oħra nistieden lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel l-istess mistoqsija lill-Ministri rispettivi. Dwar il-każijiet tad-dixxiplina li kienu nbdew taħt ir-Regolamenti tad-Dixxiplina ta’ l-1977, ninsab infurmat li bħalissa hemm tletin każ pendenti quddiem il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku. Dawn il-każijiet huma ta’ uffiċjali pubbliċi li għandhom każ kriminali li għadu pendenti kontrihom fil-Qorti. It-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant dwar dawn il-każijiet jinsab fit-Tabella B li wkoll qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. (Tweġiba mogħtija: 30/06/2004PM) (Seduta Numru: 145)

Servizz Pubbliku — Tkeċċija ta' ħaddiema

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm tkeċċew impjegati taċ-ċivil f'dawn l-aħħar ħames snin u għaliex? Minn liema dipartimenti kienu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li f’dawn l-aħħar ħames snin kien hemm sebgħa u erbgħin uffiċjal pubbliku li tkeċċew mis-Servizz Pubbliku. It-tagħrif l-ieħor mitlub mill-Onorevoli Interpellant jinsab fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. (Tweġiba mogħtija: 30/06/2004PM) (Seduta Numru: 145)

Armata — patrol boats

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm hemm patrol boats li huma serviceable illum? Kemm ilhom ma jintużaw il-kondors u x'beħsiebu jagħmel bihom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li fil-preżent hemm ħames Patrol Boats li huma serviceable. Barra minn hekk l-Armata għandha wkoll żewġ laneċ ta’ tfittxija u salvataġġ (SAR launches) li huma wkoll serviceable. Żewġ Kondors m’għadhomx serviceable ; waħda minnhom qed tistenna biex tiġi mibjugħa filwaqt li l-oħra beda l-proċess biex eventwalment tiġi mibjugħa wkoll. It-tielet waħda titħaddem b’ċerta restrizzjoni. Tajjeb li wieħed isemmi li patrol boat ġdida ser tasal Malta fi żmien qrib, filwaqt li patrol boat oħra ta’ daqs akbar mistennija li tasal Malta fl-2005. (Tweġiba mogħtija: 30/06/2004PM) (Seduta Numru: 145)

Armata — Klandestini mitlufa fuq il-baħar

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk fl-armata tnedietx inkjesta dwar dak li ġara dan l-aħħar meta l-armata waqfet it-tfittxija għal 100 klandestin mitlufa fuq il-baħar għax qalet li huma mejta meta fil-fatt instabu sitt sigħat wara mill-armata Taljana?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li l-Forzi Armati nvestigaw dak li ġara waqt it-tfittxija għal dgħajsa b’madwar 100 immigrant li eventwalment instabet fil-punent tal-gżira Taljana ta’ Lampedusa fis-16 ta’ April 2004. Mhux korrett li jingħad illi l-Forzi Armati qalu li l-klandestini “huma mejta” kif qed jallega l-Onorevoli Interpellant. Nikkonferma però li l-Forzi Armati kienu esprimew dubju serju dwar il-ħajja ta’ l-immigranti li sa dak il-ħin kienu għadhom mitlufa. Il-Forzi Armati bbażaw id-dubji tagħhom fuq l-informazzjoni li kienet daħlitilhom sa dak il-ħin u li kienu flew bir-reqqa qabel ma ddeċidew f’liema roqgħa baħar kellhom ifittxu għall-immigranti, u wara li kienu aċċertaw ruħhom li t-tfittxija ntensa kemm b’bastimenti kif ukoll b’ajruplani fir-roqgħa baħar imsemmija ma tat ebda frott. (Tweġiba mogħtija: 30/06/2004PM) (Seduta Numru: 145)

Armata — Bomb hoaxes

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm saru bomb hoaxes din is-sena u fejn saru?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li sa l-20 ta’ Mejju 2004, is-sezzjoni tal-Bomb Disposal ta’ l-Armata ġiet imsejħa darba biss fuq każ ta’ Bomb Hoax. Il-post kien fil-Qala Għawdex. (Tweġiba mogħtija: 30/06/2004PM) (Seduta Numru: 145)

Dipartiment ta' l-akkomodazzjoni soċjali — Talba għal akkomodazzjoni alternattiva

Question

Tista' il-Ministru tgħid x'tama hemm li applikanta quddiem id-dipartiment ta' l-akkomodazzjoni soċjali, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, tiġi allokata post alternattiv? Jekk m'hemmx tama, x'soluzzjoni qed joffri d-dipartiment?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali m'għandux applikazzjoni pendenti minn xi persuna li tgħix fl-indirizz indikat mill-Onor. Interpellant.

Awtorita' tad-djar — Skema 'R'

Question

Tista' il-Ministru tgħid għaliex l-awtorita' tad-djar ċaħħdet talba għas-sussidju fuq il-kera għal xebba omm meta din applikat għal skema R?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ma tissodisfax il-kundizzjoni dwar l-assi kapitali marbuta ma' Skema R.