Legislature:
Category:
Reset
Active:

Pilloli "Cisapride"

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li persuni li kienu jieħdu l-pilloli Cisapride mill-isptar San Luqa għadhom kif ġew mgħarrfa li dawn mhumiex se jibqgħu jinġiebu mill-gvern? Jikkonferma li persuna li tieħu dawn il-pilloli tliet darbiet kuljum issa se jkollhom tonfoq bejn Lm1 u Lm1.25c aktar kull ġurnata?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Minħabba raġunijiet ta' sigurta fuq is-saħħa tal-pazjenti (possibilita' ta' effetti fuq il-qalb li jistgħu jkunu fatali) il-mediċina Cisapride ma baqgħetx liċenzjata fuq is-suq dinji. Għaldaqstant il-produzzjoni tal-preparazzjonijiet li fihom din il-mediċina twaqqfet. Konsegwentament il-pazjenti relevanti ġew mgħarrfa biex jinfurmaw lit-tabib kuranti tagħhom biex jirrakkomanda mediċina alternattiva fejn ikun il-każ.

Skejjel — Lezzjonijiet ta' l-edukazzjoni fiżika

Question

Jista’ il-Ministru jgħid jekk huwiex sodisfatt bil-mod kif qed isiru l-lezzjonijiet ta' l-edukazzjoni fiżika fl-iskejjel primarji u sekondarji? Jista’ jgħid jekk dawn il-lezzjonijiet hux qed isiru kif suppost? Jista’ jgħid liema huma dawk l-iskejjel primarji u sekondarji li m'għandhomx faċilitajiet adegwati għal dawn il-lezzjonijiet?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li matul din is-sena skolastika id-Dipartiment tal-Kurrikulu ma' rċieva ebda ilment dwar il-mod kif qed isiru l-lezzjonijiet ta' l-edukazzjoni fiżika fl-iskejjel primarji u sekondarji. L-għalliema fil primarji qed jingħataw l-appoġġ ta' 21 għalliem peripatetiku li jżuru l-iskejjel u jagħtu lezzjonijiet skond skeda li titfassal fil-bidu tas-sena. Għalliema oħra ta' l-edukazzjoni fiżika huma Activity Teachers . Informat ukoll li din is-sena, id-Dipartiment tal-Kurrikulu ma' rċieva l-ebda tagħrif li f'xi skola primarja jew sekondarja m'għandhomx il-faċilitajiet adegwati għal dawn il-lezzjonijiet. Kien hemm ilment wieħed dwar il-wiċċ lixx tal-bitħa fi skola primarja. B'danakollu nemmen li hemm ħafna aktar x'isir biex it-tfal u ż-żgħażagħ tagħna japprezzaw aħjar il-benefiċċju ta' l-edukazzjoni fiżika. Jiena qed nappoġġa lill-kunsill Malti għall-Sports fil-ħidma tiegħu biex ixettel l-imħabba għall-sports sa minn eta bikrija fit-tfal.

Skejjel — Għalliema ta' l-Edukazzjoni Fiżika

Question

Jista’ il-Ministru jgħid kemm hemm bħalissa għalliema ta' l-Edukazzjoni Fizika fl-iskejjel primarji u sekondarji separatament? Kemm minn dawn jgħallmu f'aktar minn skola waħda? Kemm huma nisa u kemm irġiel?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fl-iskejjel primarji hemm 14 Activity Teacher ta' l-edukazzjoni fiżika li 12 minnhom huma rġiel u 2 nisa. Informat ukoll li fl-iskejjel sekondarji hemm 94 għalliem ta' l-edukazzjoni fiżika b' 51 huma rġiel u 43 huma nisa. Minn dawn hemm 4 li jgħallmu f'aktar minn skola waħda.

Tas-Sliema — Skema taż-żgħażagħ fil-kunsilli

Question

Jista' il-Ministru jinformani għaliex tħalla barra l-kunsill lokali ta' Tas-Sliema fl-iskema taż-żgħażagħ fil-kunsilli li twaqqfet ftit ilu? Hemm xi raġuni partikolari għal din, ġaladarba li din kienet indikata bħala parti minn programm tal-kunsill lokali ta' Tas-Sliema mill-2003?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fis-27 ta' Frar 2004, il-Kunsill Nazzjonali Żgħażagħ bagħat ittra lill-Kunsilli Lokali kollha ta' Malta u Għawdex, li fiha stedinhom jattendu laqgħa biex jittwaqqaf dan il-proġett. Il-Kunsill Nazzjonali Żgħażagħ baqa' jirċievi applikazzjonijiet mingħand dawk il-Kunsilli Lokali li kienu interessati li jieħdu sehem f'dan il-proġett pilota sas-7 ta' April 2004. Applikaw 11-il lokalita'. Ma jirriżultalix li l-Kunsill Lokali ta' Tas-Sliema kien fost dawk li applikaw.

Reġistrazzjoni ta' vapuri

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ġie reġistrat fi gross tonnage vapuri fis-snin 2002, 2003 u 2004 s'issa?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li matul l-2002 ġew reġistrati 4,577,839 tunellaġġ gross, matul l-2003 4,201,347 tunellaġġ gross u bejn Jannar u Marzu ta' l-2004 ġew reġistrati 1,046,177.

Trattat ta' l-EU — Tradutturi

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid min kienu t-tradutturi u kemm tħallsu fir-reviżjoni tat-Trattat ta' l-EU?

Response (BORG, TONIO)

It-Trattat ta' l-Unjoni Ewropea ġie tradott minn "lawyer linguists" Maltin li jaħdmu mall-Kunsill/Kummissjoni ta' l-Unjoni Ewropea u ma kien hemm l-ebda spiża għall-Gvern Malti. Dan it-Trattat ġie rivedut mit-Translation Unit - Dr Ugo Mifsud Bonnici u Dr Vanni Bruno, mis-Sur Victor Cauchi L.P. mill-Uffiċċju ta' l-Avukat Ġenerali u minn Dr C. Scicluna mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru, u dan b'ebda spiża għall-Gvern ħlief għas-salarji normali. It-Trattat reġa' ġie finalizzat mill-"lawyer linguists" fi Brussels imsemmija aktar qabel.

Sptar Ġenerali ta' Għawdex — Infermiera

Question

Peress li f'Għawdex jinħass il-bżonn ta' aktar infermiera, hemm xi ħsieb li jiżdied in-numru ta' infermiera fl-isptar Ġenerali ta' Għawdex?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma l-Onor. Interpellant li fil-preżent m'hemmx il-ħsieb li jintbagħtu infermiera fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex.

Torċa Olimpika

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk it-torċa Olimpika hijiex ser tgħaddi minn Malta fi triqta lejn il-Greċja? Jekk iva meta ser tkun f'pajjiżna u jekk le għaliex pajjiżna ma ġiex inkluż fil-lista' ta' pajjiżi li minnhom ser tgħaddi it-torċa olimpika?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li ma saritx stedina mill-Kumitat Olimpiku Malti biex it-torċa Olimpika iżżur Malta minħabba l-ispiża konsiderevoli involuta.

Malta Enterprise — Uffiċini Ġodda

Question

Jista' il-Ministru jgħid fuq liema kriterji fl-area fejn hemm uffiċċini l-ġodda tal-Malta Enterprise fl-Industrial Estate, San Ġwann, ittieħed spazju kbir għal reserved parking għal din l-interpriża, bil-konsegwenza li nħolqu problemi għal impjegati ta' kumpaniji oħra li mhux isibu spazju għall-parking tal-vetturi tagħhom?

Response (FRENDO, MICHAEL)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 10 PQ #6343 Sitting 146 2004-07-05 Oral · Final From: FRANCO GALEA To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Sptar Ġenerali - Servizz ta' physio therapy

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk teżistix waiting list ta' persuni li qed jistennew is-servizz ta' physio therapy fl-isptar Ġenerali ta' Għawdex? Jekk iva, tista' il-Ministru tgħid kemm hu ż-żmien li wieħed irid idum jistenna biex jibda jingħata dan is-servizz?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata illi l-waiting list ta’ persuni li qed jistennew is-servizzi ta’ physiotherapy fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex hija ta’ ħdax. Iż-żmien ta’ stennija għall-appuntament ivarja minn tmienja sa ħmistax-il ġurnata minn meta l-pazjent jiġi riferut lid-Dipartiment tal-Fiżjoterapija, u dan jiddependi mill-ammont ta’ pazjenti li jkunu jistennew l-appuntament kif ukoll mill-każi li jiġu riferuti. Minkejja dan, jekk il-każ jitqies li jkun ta’ prijorita’ il-pazjent jingħata s-servizz fl-iqsar żmien possibbli, saħansitra ġie li jingħata s-servizz dak in-nhar stess.

Sptar Ġenerali ta' Għawdex — Għoti ta' promotions

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ingħataw promotions lill-istaff ta' l-isptar ġenerali ta' Għawdex kif ukoll jgħid x'tibdil, jekk kien hemm fil-postings wara li ngħataw dawn il-promotions?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Nitlob l-Onor. Interpellant jagħmel id-domanda lill-Ministru kkonċernat.

Għawdex — Ċentru ta' Arbitraġġ

Question

Invista ta' l-emendi proposti dwar l-arbitraġġ mandatorju u peress li f'Għawdex m'hemmx Ċentru ta' l-Arbitraġġ, jikkonsidra li huwa opportun li f'Għawdex ikollna jew altrimenti tinħoloq xi fergħa f'Għawdex biex l-arbitraġġ ta' l-Għawdxin jintħadmu f'Għawdex stess?

Response (BORG, TONIO)

Is-suġġeriment ta' l-Onor. Interpellant ser jittieħed in konsiderazzjoni meta tiġi biex titħaddem dik il-parti ta' l-abbozz tal-Liġi li qiegħed jiġi preżentement dibattut.

MTA — Uffiċjali

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 6203 u ċioe' jgħid min huma l-Uffiċjali kollha tal-MTA u x'pożizzjoni qed jokkupaw? Jista' jgħid ukoll min huma l-impjegati kollha tal-MTA? Fiż-żewġ każi, jista' jgħid meta dawn ġew impjegati u x'salarju qed jirċievu anwalment?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra informazzjoni b'referenza għall-Mistoqsija Parlamentari ta' l-Onor. interpellant. Ma naħsibx li jkun etiku li nagħti aktar informazzjoni minn dak li jidher fid-dokument li qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.

MTA — Uffiċċjali li joperaw barra Malta

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 6202 u ċioe jgħid kemm-il uffiċċju tal-MTA hemm jopera barra minn Malta? Jista' jgħid kemm ilu jopera u kull sena, separatament, f'dawn l-aħħar 4 snin kemm laħqet l-ispiża biex kull uffiċċju jopera? Jista' jgħid għall-istess perjodu kemm kien hemm u kemm hemm impjegati illum f'kull uffiċċju u kemm minnhom huma Maltin u kemm minnhom huma barranin? Jista' f'kull każ jgħid kemm huwa s-salarju li dawn irċevew u qed jirċievu?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-Awtorita` Maltija għat-Turiżmu għandha għadd ta' uffiċċji joperaw barra minn Malta. Hemm dawk li huma uffiċċji tagħha u oħrajn li huma uffiċċji rappreżentattivi. Fil-każ ta' Diretturi ta' nazzjonalita` Maltija, li huma bbażżati barra minn Malta, iċ-ċifra tas-salarju li qegħda tingħata fit-tabelli relevanti tinkludi overseas allowances kif stabbilit għall-uffiċjali tal-Gvern Malti, li jkunu jservu mal-Ministeru għall-Affarjiet Barranin. Dawn l-allowances ikopru aspetti bħal akkomodazzjoni eċċ. Qed inqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra id-dettalji mitluba.

Kamra ta' reklamar fuq il-buses — Ingilterra

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 6201 u ċioe' jgħid kemm ġiet tiswa l-kampanja ta' reklamar fuq il-buses fl-Ingilterra? Jista' jgħid kemm ġranet din damet sejra u kemm-il bus saru reklami fuqhom? Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pagamenti li saru lil din il-kampanja?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-kampanja ta' reklamar fuq il-buses fl-Ingilterra ġiet tiswa ₤Stg 233,433. Il-kampanja damet sejra għal tliet gimgħat: mid-19 ta' April sad-9 ta' Mejju 2004. Ta' min jgħid li sas-17 ta' Ġunju 2004 kien għadu jidher ir-riklam dwar Malta fuq 179 buses, u dan sar mingħajr ħlas. Ir-riklami saru fuq 2,145 buses. Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pagamenti kif mitlub mill-Onor. interpellant.

Xatt tas-Sliema — Bankina

Question

Jista' il-Ministru jieħu l-passi kollha meħtieġa biex il-bankina ta' max-Xatt tas-Sliema (in-naħa tal-baħar) fl-inħawi tas-Sliema Hotel, tiġi rranġata peress li parti minnha ilha maqlugħa għal diversi ġimgħat?

Response (BORG, TONIO)

Bħal ma jaf l-Onorevoli Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta' gvern lokali b'personalita' legali distinta u għalhekk nissuġerilu jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill ikkonċernat.

UE — GMO's

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'wassal għal pożizzjoni li ħa l-Gvern Malti fuq il-GMO's fil-livell ta' l-Unjoni Ewropea? Jista' jgħid x'inhi l-pożizzjoni u kif wasal għaliha?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Kif kien imħabbar fil-media, Malta ivvutat kontra tip ta’ qamħirrum ġenetikament modifikat [NK603 Maize] biex dan jitpoġġa fuq is-suq bħala ikel, kemm għan-nies kif ukoll għall-annimali. Din l-applikazzjoni intbgħatet lill-Pajjiżi Msieħba kollha ta’ l-Unjoni Ewropea, biex dawn ikunu jistgħu jgħatu il-opinjoni tagħhom. Il-Ministeru wasal għal din il-pożizzjoni ta’ Malta, wara li din l-applikazzjoni ġiet studjata fid-dettal mill-Biosafety Coordinating Committee (Kumitat Koordinattiv tal-Biosigurta’). Dan huwa Kumitat fi ħdan l-Awtorita ta’ l-Ambjent u ta’ l-Ippjanar ta’ Malta, (MEPA), li huwa fformat minn numru ta’ rappreżentanti ta’ entitajiet kemm governattivi, bħal ngħidu aħna d-Dipartiment ta’ l-Agrikultura, kif ukoll minn Awtoritajiet Statali oħra, bħal ngħidu aħna, Occupational Health and Safety Authority, kif ukoll minn konsulenta speċjalizzata f’ dan il-qasam tal-GMOs, li ukoll hija mgħejjuna minn kumitat xjentiku. Il-Kumitat Koordinattiv tal-Biosigurta’ ta l-parir tiegħu lill-MEPA, li wasslet dan il-parir lill-Ministru biex dan ikun jista’ jieħu din il-pożizzjoni. Din il-pożizzjoni ttieħdet minħabba li fl-applikazzjoni, sabiex dan il-prodott jitpoġġa fis-suq, ma kienx hemm pjanijiet ta’ monitoraġġi adekwati wara li dan jinħareġ fis-suq. Barra minn hekk, din l-applikazzjoni ma kelliex arranġamenti adekwati dwar tikketti li permezz tagħhom dan il-prodott seta’ jiġi misjub wara li jitpoġġa fuq is-suq. Il-Ministeru qabel ma dan il-parir għaliex jemmen li dan il-prodott seta’ kien ta’ ħsara, kemm għall-poplu Malti, kif ukoll għal dak ta’ l-Unjoni Ewropea, u għalhekk ingħaqad ma’ dawk il-pajjiżi l-oħra imsieħba fil-Komunita, bħal ngħidu aħna, l-Italja, id-Danimarka, l-Awstrija u l-Ungerija, fost oħran, li ħadu l-istess pożizzjoni.

Sigurta' Soċjali — Kontribuzzjonijiet ta' l-anzjani

Question

B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 4439 fis-seduta tat-23/02/04 dwar il-kontribuzzjonijiet ta' l-anzjani għas-sena 2002, tista' il-Ministru tgħid jekk il-verifika li kellha ssir inbdietx u jekk iva, fiex waslet?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-verifika li għaliha għamel referenza l-Onor. Interpellant għadha għaddejja.