Jista' il-Viċi Prim Ministru ġentilment jgħid: 1) kemm ġew towed vetturi fiż-Żejtun nhar il-Ħadd 20 ta' Ġunju, 2004?
2) Mil-liema toroq ġew towed u kemm-il vettura ġiet towed minn kull triq?
3) Bejn wieħed u ieħor, x'ħin ġew towed dawn il-vetturi?
4) Jista' ġentilment iwieġeb dawn il-mistoqsijiet waħda waħda?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi nhar il-Ħadd 20 ta' Ġunju 2004, nhar il-festa fiż-Żejtun, ġew irmunkati ħames vetturi li kienu pparkjati fir-rotta tal-purċissjoni fi Triq Sta. Monika. Infurmat ukoll illi dawn ġew irmunkati bejn is-6.30pm u s-7.15pm.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid: 1) kemm saru raids mill-pulizija fil-lokalita' ta' Wied il-Għajn minħabba rapporti ta' prostituzzjoni minn tfajliet barranin?
2) Kemm tressqu nies il-qorti minn din il-lokalita' fuq l-istess akkużi?
3) Mingħajr ma jsemmi ismijiet, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hemmx xi stabbiliment fejn il-pulizija sabu għal aktar minn darba tfajliet barranin li kienu qed jintużaw għal skopijiet ta' prostituzzjoni?
4) Jekk ir-risposta għall-mistoqsija nru. 3 hi fl-affermattiv, kemm-il darba?
5) Jista' ġentilment iwieġeb għal dawn il-mistoqsijiet waħda waħda?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul l-ewwel sitt xhur ta' din is-sena, il-Pulizija għamlet tlett tfittxijiet fl-inħawi ta' Wied il-Għajn minħabba prostituzzjoni. B'riżultat ta' dan, tressqu l-Qorti erba' persuni. Infurmat ukoll illi kien hemm stabbiliment wieħed fejn is-sena l-oħra kien instabu nisa barranin bi skop ta' prostituzzjoni.
Belt Valletta — Bastjun ta' Santa Barbara - ħsara lis-siġar
Question
B'riferenza għall-massakru tas-siġar li għandhom mijiet ta' snin fuq il-Bastjun ta' Santa Barbara, il-Belt, fejn kellu jintervjeni l-Prim Ministru wara protesti mir-residenti biex titwaqqaf il-ħsara li kienet qed issir, kif ukoll il-massakru fuq linji simili li qed issir bħalissa fil-Buskett fuq siġar protetti b'detriment għas-siġar infushom kif ukoll għall-għasafar indiġeni li jbejtu fihom f'dan iż-żmien tas-sena u għalhekk bi ksur tad-Direttiva ta' l-Għasafar ta' l-Unjoni Ewropea, jista' il-Ministru jispjega lill-Kamra lil min jirrapporta l-Konsorzju li qed iwettaq dawn il-massakri?
Jista' ukoll il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra rendikont dettaljat tal-flus li qed jingħataw mill-gvern lil dan il-Konsorzju u kif qed jintnefqu dawn il-flus tal-poplu?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Il-konsorzju, Embellishment Landscaping Consortium, jirraporta direttament lill-Monitoring Board li twaqqaf apposta mill-Gvern. Dan il-Bord għandu fi ħdanu unit ta' esperti li kien responsabbli mix-xogħol anke qabel twaqqfet il-Public Private Partnership.
Rigward is-siġar tas-Sur ta’ Santa Barbara, nassigura li mhux minnu li twettqu xi 'massakri' kif imsemmi mill-Onor. Interpellant. Iż-żbir li sar, għad li jidher ikrah, sar mingħajr ebda ħsara lis-siġar.
Rigward iż-żbir tas-siġar tal-Buskett, jien infurmat li saru laqgħat għal koordinazzjoni aħjar bejn il-Malta Environment & Planning Authority (MEPA) u l-Monitoring Board, dejjem sabiex filwaqt li jsir ix-xogħol meħtieġ, dan isir fl-ambitu ta' l-Avviż Legali Nru. 12 ta' l-2001. Infatti sar qbil li jkun hemm Memorandum of Understanding bejn il-MEPA u l-Monitoring Board li jiddefinixxi l-kontrolli u l-implementazzjoni meħtieġa.
Fis-sena 2004 il-flus allokati mill-Gvern lill-Public Private Partnership huma ta' Lm2,491,000, li minnhom Lm 2.3 miljun imorru għas-salarji, bonuses, national insurance, etc, u l-kumplament jintefqu fil-proġetti li qed jiġu mfaħħra minn kullħadd.
Jista' il-Ministru jinforma lill-Kamra meta se titwettaq ir-riforma fl-Arkivji u l-Libreriji msemmija minnu diversi drabi, fosthom kif rappurtat f'The Times, tat-3 ta' Awissu 1999, paġna 12, kif ukoll fid-diskors tal-President mit-Tron fil-bidu ta' din il-leġislatura?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li l-abbozzi ta' żewġ liġijiet diġa ġew diskussi fil-Kabinett u ntbagħtu lura għal rikonsiderazzjoni fuq numru ta' punti, beħsiebni nuża x-xhur tas-sajf biex ix-xogħol fuqhom mid-Dipartiment tal-Libreriji u l-Arkivji u l-Ministeru jitlesta biex jerġgħu jintbagħtu lill-Kabinet għall-konsiderazzjoni tiegħu.
Jista' il-Ministru jgħid fil-preżent min qed imexxi d-Drama Unit? Jista' jgħid ukoll x'ħidma qed iwettaq dan l-istess unit? Kemm hemm persuni jaħdmu f'dan il-unit? Jista' jgħid ukoll x'inhi l-politika tal-gvern għad-Drama Unit?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-persuna li qed tmexxi d-Drama Unit hija s-Sur John Suda, Uffiċjal Edukattiv fid-Dipartiment tal-Kurrikulu. Ilu jmexxi dan il-Unit għal dawn l-aħħar tmien snin.
Id-Drama Unit ipproduċiet programmi teatrali fl-edukazzjoni bl-isem ta' Theatre in Education (T.I.E.). Tnejn minn dawn il-prorammi ttellgħu fl-iskejjel waqt ħames programmi oħra ttellgħu fiċ-Ċentru tad-Drama, l-Blata l-Bajda.
Studenti mill-ewwel sena ta' l-iskola Primarja sa l-aħħar sena ta' l-iskola Sekondarja ġew milħuqa b'dawn il-programmi. Ipparteċipaw 'il fuq minn 20,000 tifel u tifla mill-Iskejjel ta' l-Istat, tal-Knisja w Indipendenti.
Id-Drama Unit għenet ukoll fil-produzzjoni ta' l-Għoti tal-Premijiet ta' diversi skejjel ta' l-istat, sew Primarji kif ukoll Sekondarji.
Il-Unit ħadem ukoll biex ipproduċa l-ewwel sillabu tad-Drama għall-iskejjel Primarji.
Hemm 22 persuna jaħdmu fid-Drama Unit, inkluż l-Uffiċjal Edukattiv.
Il-politika tal-Gvern dwar id-Drama Unit hija li l-ewwel jiġi mplimentat il-Kurrikulu Minimu Nazzjonali speċjalment fl-aspett kreattiv, kritiku, soċjali u kulturali. Huwa maħsub ukoll li l-impatt li jħalli fl-iskejjel dan il-Unit jiżdied fis-sena skolastika li ġejja kif ukoll ikomplu ix-xogħol fuq Theatre in Education (T.I.E.). Barra minn hekk qed nikkonsidra proposti għal diskussjoni dwar kif l-aktar l-iskejjel speċjali tad-Drama, Arti u Mużika jaħdmu aħjar f'qafas ta' sinerġija.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' sejħiet li saru għall-bomb disposal squads u x'kien ir-riżultat ta' kull sejħa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat li sa l-20 ta’ Mejju 2004, in-numru ta’ sejħiet li saru lis-sezzjoni tal-Bomb Disposal ta’ l-Armata kien ta’ sbatax. Sittax kienu sejħiet ta’ theddid ta’ bomba u li fihom ma rriżulta xejn, filwaqt li sejħa oħra kienet ta’ Bomb Hoax. F’din ta’ l-aħħar nstab oġġett li jixbah bomba iżda l-ebda splussiv ma nstab.
(Tweġiba mogħtija: 05/07/2004PM)
(Seduta Numru: 146)
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hawn persuni ta' nazzjonalita' barranija li għandhom permess jgħixu u jaħdmu f'Malta illum u minn liema pajjiż ġejjin?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li skond l-aħħar lista aġġornata li dehret fuq l-internet (website tad-Dipartiment ta' l-Informazzjoni) in-numru ta' persuni barranin li bħalissa għandhom liċenzja ta' impjieg u għalhekk jistgħu jgħixu u jaħdmu Malta huwa kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Persuni li jabbużaw mid-droga — Tqassim ta' siringi
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm tqassmu siringi lil dawk li jabbużaw mid-droga din is-sena u minn fejn?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li t-total ta' siringi li tqassmu lil dawk li jabbużaw mid-droga minn Jannar sa April 2004 hu kif ġej.
Floriana
12645
Qormi
6225
Gżira
13103
Paola
21500
Bormla
4862
Mosta
5944
Rabat
2116
Jsita' il-Ministru jgħid kemm saru tests għall-HIV minn mindu sirna nafu bil-marda u kemm minnhom kienu fil-pożittiv? Kemm mietu nies bl-HIV s'issa?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ testijiet li ttieħdu kienu 68,279 li minnhom kien hemm 235 test pożittiv. In-numru ta’ testijiet pożittivi jistgħu jkunu ripetuti. Dawn il-figuri jkoppru minn Ġunju ta’ l-1985 sa l-aħħar ta’ April ta’ l-2004. Skond l-informazzjoni miġbura mid-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika mill-1986 s’issa mietu 49 persuna bl-AIDS.
Dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali — Talba għal akkomodazzjoni alternattiva
Question
Tista' il-Ministru tgħid x'tama hemm li xebba omm b'206 punti li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, tiġi allokata fond mid-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali qed jikkunsidra l-applikazzjoni mill-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant flimkien ma' oħrajn simili.
Tista' il-Ministru tara li persuna anzjana li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, tibbenefika mill-iskema/servizz care & repair ta' l-awtorita' tad-djar?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li fil-25 ta' Ġunju 2004, l-Awtorita' tad-Djar għamlet spezzjoni tal-fond indikat u issa qed jitħejja r-rapport tekniku.
Dipartiment ta' l-akkomodazzjoni soċjali — Talba għal akkomodazzjoni alternattiva
Question
Tista' il-Ministru tgħid x'tama hemm li familja ta' tmienja minn nies mill-Fgura u tarbija fil-futur li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, tiġi allokata fond alternattiv?
Awtorita' tad-djar — Post tal-gvern - sussidju fuq il-kera
Question
Tista' il-Ministru tgħid għaliex persuna separata bi tlett itfal ġiet imċaħħda milli tieħu sussidju fuq il-kera f'fond tal-gvern li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant qed tieħu sussidju fuq il-kera tal-fond indikat, liema sussidju jkun rivedut kull sentejn skond kif provdut fil-kuntratt relattiv.
Dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali — Talba għal akkomodazzjoni alternattiva
Question
Tista' il-Ministru tgħid x'tama hemm li persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament li tgħix f'post mhux addattat għal dawn iż-żmienijiet, tiġi allokata fond mid-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali? Jekk fin-negattiv, id-dipartiment x'soluzzjoni qed joffri?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali qed jikkunsidra l-applikazzjoni mill-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant flimkien ma' oħrajn simili.
Tista' il-Ministru tgħid jekk il-ministeru tagħha għandux il-ħsieb li jbiddel il-lift antik fil-binja li d-dettalji dwarha qed jntbagħtu separatament, wara li inġinier iċċertifika li dan il-lift f'post tal-gvern huwa perikoluż għal min jużah?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-iskema ta' l-Awtorita' tad-Djar għal stallar ta' lifts, (Skema V) hi ntiża għall-blokki tal-Gvern fejn joqgħodu inkwilini li għandhom diżabilita' ta' mobilita'.
Ninsab infurmata li l-Awtorita' tad-Djar ma għandha ebda applikazzjoni biex jiġi stallat jew jinbidel lift taħt din l-iskema fil-binja ndikata mill-Onor. Interpellant.
Jista' il-Ministru jirrispondi t-tieni u t-tielet mistoqsija ta' mistoqsija parlamentari 5510?
Response (GALEA, LOUIS)
L-uffiċċjal imsemmija fil-Mistoqsija ġiet ingaġġata fil-pożizzjoni ta' Uffiċjal Koordinatur fis-Segretarjat Privat tal-Ministeru b'kuntratt definit effettiv mill-1 ta' Jannar, 2004. Din l-uffiċjal hi gradwata fil-kommunikazzjoni minn Universita' tar-Renju Unit. Il-ħlas u l-benefiċċji huma dawk imsemmija fid-dokument "Engagement of Staff for Ministers' Secretariats" kif maħruġ fit-12 ta' Mejju, 2003.
Jista' il-Ministru jgħid x'kien is-sehem tal-MIMCOL fin-negozjati dwar ix-xiri ta' l-ambaxxata Maltija ġdida fi Brussels li ġiet tiswa Lm6.5 miljun? Min irrappreżenta lill-MIMCOL f'dawn in-negozjati?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li l-MIMCOL intalbet tagħti s-servizzi tagħha mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru, u r-rwol prinċipali tagħha kien li tiffaċilita l-għażla tal-post, in-negozjati bejn il-partijiet u l-preparazzjoni tal-kuntratt.
Il-MIMCOL kienet rappreżentata minn -
Ivan Falzon
Mario Mizzi
Vincent Mifsud
Ministeru tal-Finanzi — Xiri ta' ambaxxata ġdida fi Brussels
Question
Jista' il-Prim Ministru jgħid x'kien is-sehem tal-Ministeru tal-Finanzi fid-deċiżjoni li wasslet għax-xiri ta' l-Ambaxxata ġdida ta' Malta fi Brussels li tiswa Lm6.5 miljun? Kien hemm senserija involuta? Kif ġiet identifikata l-proprjeta' mixtrija?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qegħda tinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.
(Tweġiba mogħtija: 05/07/2004PM)
(Seduta Numru: 146)