Jista’ il-Ministri jgħid jekk id-Dipartiment tas-Saħħa u dak tal-kunsilli lokali jkollhomx kuntatti regolari dwar mard li jaffettwa l-komunita' bħal l-obesita'? Isiru taħditiet fil-komunita' għall-ġenituri u mexxejja fil-komunita' dwar dan? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid fejn u meta saru minn Jannar sa l-aħħar ta' Mejju ta' din is-sena?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ il-Ministru jgħid x' kontroll jinżamm mid-Divizjoni ta' l-Edukazzjoni biex jiġi żgurat li l-iskejjel kollha li jorganizzaw skejjel fis-sajf jitmexxew kif suppost?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li s'issa m'hemmx regolamenti dwar l-iskejjel tas-Sajf. L-għażla li jintbgħatu t-tfal fihom hija fid-diskrezzjoni tal-ġenituri.
Il-MEPA tirregola u tinforza fuq kull binja fl-użu taghħa inklużi dawk skop edukattiv.
L-iskejjel ta' l-Istat li jipprovdu Skola Sajf huma sorveljati mid-Dipartiment għas-Servizz ta' l-Istudent u Relazzjoni Internazzjonali tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni.
A.L.60 ta' l-1996 jirregola skejjel li jgħallmu l-Ingliż bħala lingwa barranija.
Dipartiment ta' l-artijiet — Inkwilini ta' post tal-gvern
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'possibbilta' hemm li koppja minn Bormla li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li jinsabu t-tnejn bla xogħol u huma inkwilini ta' post tal-gvern, jibdew iħallsu l-kont pendenti bin-nifs?
Response (BORG, TONIO)
Qatt ma kien hemm problemi li jintlaħaq ftehim ma' Dipartiment tal-Artijiet sabiex il-kera titħallas bin-nifs fejn ikun hemm problemi umanitarji.
Għaldaqstant l-inkwilini tal-post indikat mill-Onor. Interpellant huma mitluba biex jagħmlu kuntatt mas-Sezzjoni tal-Kera tad-Dipartiment tal-Artijiet.
Jista' il-Ministru jgħid fiex waslu l-pjani sabiex il-barrakka fuq is-Saqqajja r-Rabat, minn fejn kull sena fl-Imnarja jitqassmu l-paljijiet, mibnija minn Ġilormu Cassar, tiġi restawrata?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li l-Kunsill Lokali tar-Rabat kien għamel applikazzjoni mal-MEPA għar-restawr tal-barrakka. La darba jinħarġu l-permessi, dan ix-xogħol jiġi nklus fil-programm ta' restawr.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li tingħata l-attenzjoni meħtieġa lill-ġnien Howard fir-Rabat u jekk hemmx ukoll il-ħsieb li jiddawwal ftit aktar, peress li dan hu ġnien popolari f'Malta kemm mal-Maltin kif ukoll mal-barranin?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-ġnien Howard fir-Rabat, Malta jaqa' taħt ir-reponsabbilita' tal-Kunsill Lokali Mdina. Għalhekk, nitlob l-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' il-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb mill-awtorita' tat-trasport li jsir il-parkeġġ ta' ħdejn ir-Roman Villa magħruf bħala l-għalqa ta' Kola, fir-Rabat?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab informat illi l-area imsemmija mill-Onor. Interpellant taqa' taħt ir-responsabbilta' tax-xogħlijiet li jsiru mill-kunsill lokali. Għalhekk għal aktar informazzjoni, l-Onor. Interpellant huwa mitlub jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' il-Ministru jgħid meta hu previst li titlesta Triq l-Internati magħrufa aħjar bħala l-bypass ta' l-Imtarfa?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
L-ewwel fażi magħrufa bħala south bound(li tagħti mir-Rabat lejn Ta' Qali) ilha li tlestiet. Fit-tieni fażi magħrufa bħala north bound, (li tagħti mir-roundabout ta' l-Imtarfa lejn ir-Rabat) ix-xogħol hu maqsum f'diversi kuntratti. Jonqos biss jitlesta x-xogħol ta' l-asfalt, liema xogħol mistenni jitlesta fil-ġimgħat li ġejjin. Hekk kif dan jitlesta ikun jista' jinbeda x-xogħol tat-tielet u l-aħħar fażi li jkopri bini ta' retaining walls, tqegħid ta' servizzi u kisi bl-asfalt tan-north bound carriage way mill-pont tal-ferrovija sa Ta' Tabja.
Jista' il-Ministru jgħid meta hu previst li jitlesta x-xogħol fir-Roman Villa, ir-Rabat u x'sar sa llum?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li x-xogħlijiet fir-Roman Domus bdew fi Frar 2002 bl-intenzjoni li il bini jingħata tibjida. Iżda wara kien deċiż li l-proġett jikber biex jirrifletti studju aktar profound tas-sinifikat tas-sit.
Ix-xogħlijiet li saru u għadhom għaddejjin huma:
· it-tibjid minn ġewwa tal-post kollu;
· bdil tal-madum ta’ l-art fis-sala ta’ fuq;
· xogħol ta’ restawr fuq it-twieqi u l-bibien u xogħol ta’ bibien ġodda;
· toilet ġdid għal nies bi htiġiet speċjali;
· qed jiġi nstallat platform lift għal nies bi ħtiġiet speċjali;
· sar uffiċċju ġdid għall-gwidi;
· biex sar dan ix-xogħol, l-artefacts kollha tneħħew minn fuq is-sit u/jew ġew maħżuna f’post adattat. Dawn l-oġġetti qed isirilhom restawr intensive miċ-Ċentru Malti għar-Restawr;
· inxtraw vetrini professjonali għas-sigurta` ta’ dawn l-oġġetti;
· ġew installati sistemi ġodda ta’ elettriku, ilma u drenaġġ kif ukoll sistema ta’ intruder alarm u fire detection system;
· sar studju għal raised flooring fis-swali t’isfel madwar il-mosaics antiki;
· hemm ħsieb li ssir sistema ta’ ventilazzjoni fuq is-sit biex ikompli jgħin il-konservazzjoni tal-mosaics. Ċertu xogħol diġa` sar;
· qed titfassal esibizzjoni ġdida li tħalli l-pubbliku japprezza u jifhem il-perjodu Ruman u dan bil-għajnuna ta’ interpretation panels; u
· is-sit se jinkorpora wkoll ħanut biex ibiegħ oġġetti speċjalizzati lill-pubbliku.
Is-sit mistenni li jinfetaħ għall-pubbliku għall-aħħar ta’ din is-sena wara li l-problema ta’ walkways għal nies bi ħtiġiet speċjali tiġi solvuta.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jara li jitneħħew tliet vetturi (żewġ vannijiet u karozza bla numru ta' identifikazzjoni) kollha fi Triq iż-Żebbuġ, Rabat u dan peress li l-istess vetturi ilhom abbandunati għal diversi xhur?
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid meta ser jingħataw il-ħatra dawk il-pulizija li f'Marzu 2004 għamlu l-eżami u f'April 2004 ġew mgħarrfa li għaddew għall-surġenti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-ħatriet imsemmija jingħataw meta l-esiġenzi tas-servizz ikunu jippermettu.
Jista' il-Ministru jgħid jekk saritx xi applikazzjoni mal-Unjoni Ewropea għall xi fondi sabiex isiru xi xogħlijiet fuq Dock No 1?
Response (GATT, AUSTIN)
Peress li Dock No.1 m'għadux taħt ir-responsabilta' tal-Malta Shipyards, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hawm fabbriki f'Malta u Għawdex imqassma skond l-Estates li qegħdin fihom? Jista' jgħid kemm minnhom huma okkupati u kemm minnhom vojta? Jista' jgħid kemm minnhom ma jistgħux jiġu allokati għax maqbuda f'xi problema legali?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi l-proċedura meta xi ħaddiema tal-Air Malta jinqabdu jabbużaw minn xogħlhom? Kemm hemm ħaddiema tal-Air Malta sospiżi u għaliex huma sospiżi?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninform lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm ħaddiema mal-MDC, METCO u IPSE f'Jammar 2003? Jista' jgħid kif tqassmu dawn il-ħaddiema wara t-twaqqif tal-Malta Enterprise? Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew impjegati persuni ġodda minn barra dawn it-3 entitajiet mal-Malta Enterprise? Xi kwalifiki għadu kull wieħed minnhom?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' il-Ministru jgħid kemm jimpjega nies is-settur tal-manifattura maqsum skond id-daqs (numru ta' impjegati 1-10, 10-50, 50 -100, 100 - 500 u 500 u aktar)?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif mitlub għadu ma wasalliex, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Revizjoni fil-pensjoni ta' dawk li jaqbżu is-sebgħin sena
Question
Tista' il-Minsitru tgħid jekk hemmx xi tip ta' reviżjonji fil-pensjoni għal dawk li jaqbżu s-70 sena? Jekk fl-affermattiv liema kategorija ta' ħaddiema huma eliġibbli?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-Liġi dwar is-Sigurta' Soċjali tipprovdi li ssir reviżjoni tal-pensjoni kontributorja kull sena.
Meta persuna li tilħaq l-eta' ta' 72 tkun tirċievi wkoll pensjoni tas-servizz li tkun ikkomutat parti minnha, ir-reviżjoni tkun tinkludi wkoll li 50 fil-mija ta' dik il-parti ikkomutata ma tiġix ikkalkulata aktar għal fini tal-pensjoni tas-Sigurta' Soċjali
Tista' il-Ministru tgħid meta se jsiru l-aġġustament fil-pensjoni u jingħataw l-arretrati lill-pensjonanti, ex ħaddiema tal-korporazzjoni Enemalta, u dan skond l-aħħar ftehim kollettiv iffirmat bejn il-unions u l-kumpannija? Jista' jara li ma jkunx hemm dewmien biex dan isir?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li bħalissa d-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali għaddej bi proċess ta' reviżjonijiet ta' pensjonijiet b'riżultat ta' xi Ftehim Kollettiv ġdid ta' l-organizazzjonijiet li kienu mpjegati magħhom mill-pensjonanti. Dan l-eżerċizzju jinkludi wkoll ir-reviżjoni tal-pensjonijiet ta' l-ex impjegati tal-Korporazzjoni Enemalta.
Ninsab infurmata wkoll li d-Dipartiment qed jagħmel dak kollu meħtieġ biex dan il-proċess jitlesta fl-anqas żmien possibbli.
Żjara f'Malta ta' ħu il-Prim Ministru Silvio Berlusconi
Question
Jista' il- Ministru jgħid u jikkonferma li dawn l-aħħar ġranet kien hawn f'Malta ħu il-Prim Ministru Taljan Silvio Berlusconi? Jista' il- Ministru jgħid jekk il-viżita tiegħu kenitx waħda privata jew le? Jista' il- Ministru jgħid jekk kellux laqgħat mal-persuna imsemmija jew jekk din il-persuna kellhiex laqgħat ma' xi ministru, inkluż il-Ministru ta' l-Affarijiet Barranin, John Dalli? Jekk iva, jista' jgħid x'kienu s-suġġetti tal-laqgħat li ġew diskussi?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Nikkonferma li f'dawn l-aħħar ġranet kien hawn Malta ħu l-Prim Ministru Taljan Silvio Berlusconi fuq żjara privata. Il-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin u Promozzjoni ta' l-Investiment ma ġiex mitlub biex jirranġa laqgħat ma' xi ministri, inkluż mal-Ministru ta' l-Affarijiet Barranin u Promozzjoni ta' l-Investiment.
Jista' il-Ministru jgħid jekk l-ajruplan li għamel it-titjira minn Ruma għal Malta KM615 ta' nhar is-Sibt 26 ta' Ġunju 2004 u li wasal Malta għall-ħabta tat-8.30 p.m. ġiex ipparkjat fil-parti ta' l-airport fejn proprju kien ġara l-inċident ta' ajruplan ieħor ta' l-Air Malta li kien ħabat ma' arblu u għamel ħsarat konsiderevoli?
Jekk ir-risposta hi fl-affermattiv, x'inhi r-raġuni li pparkja hemm meta fl-inkjesta mmexxija mill-Maġistrat Saviour Demicoli kien ikkonkluda li din il-parti ta' l-ajruport hi nieqsa minn ċerti faċilitajiet u li setgħu wasslu għall-inċident imsemmi?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.