Legislature:
Category:
Reset
Active:

Awtorita' tad-djar — Talba għal akkomodazzjoni alternattiva

Question

Tista' il-Ministru tgħid x'tama hemm li persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li qegħda fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordina u li ftit taż-żmien ieħor tkun skontat is-sentenza, jinstabilha post fejn tgħix?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Jien infurmata illi d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali qed jikkunsidra l-applikazzjoni ndikata flimkien ma' oħrajn simili.
Leg 10 PQ #6402 Sitting 148 2004-07-07 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Fabbriki f'Malta u Għawdex

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm fabbriki f'kull industrial estate f'Malta u Għawdex? Jista' jgħid ukoll x'inhu d-daqs tal-workforce li hemm f'kull estate, u possibilment kull fabbrika?

Response (FRENDO, MICHAEL)

Minħabba li l-materja issa għaddiet taħt ministeru ieħor, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Studenti universitarji — Summer work

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk ġewx ingaġġati studenti universitarji mill-Junior College jew MCAST bħala summer workers mal-ministeru jew aġenziji li jaqgħu taħtu dan is-sajf? Jista' jgħid kemm ġew ingaġġati?

Response (GALEA, LOUIS)

Iva, madwar 150 studenti universitarji se jingħataw opportunita' ta' esperjenza ta' xogħol fis-sajf l-aktar fi skola sajf.

Bormla — Triq l-Oratorju - ċangaturi taż-żonqor

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'sar minnhom iċ-ċangaturi taż-żonqor li kienu jiffurmaw taraġ fi Triq l-Oratorju, f'Bormla mal-ġenb tal-knisja? Jista' jgħid għaliex qed ikun permess li flokhom isir wiċċ tal-konkrit? Jista' jindaga x'sar minnhom dawn iċ-ċangaturi taż-żonqor? Jekk tkissru, jista' jgħid għaliex ma' ittieħdux il-prekawzjonijiet neċessarji?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li la l-Ministeru u lanqas il-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-Kottonera ma kienu nvoluti f'dawn ix-xogħlijiet.

Public transport directorate — Talba għal trasferiment ta' bus stop minn post għal ieħor

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk sarx xi progress fit-talba f'isem numru ta' residenti li saret minni lill-public transport directorate u dan sabiex jitmexxa bus stage minn post għall-ieħor?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jidentifika għal liema bus stage qiegħed jirreferi. Dan minħabba l-fatt illi minn riċerki li saru mid-Direttorat tat-Trasport Pubbliku, f'mistoqsijiet li saru fil-passat ma kien hemm l-ebda stage imsemmi. L-unika talba li saret fuq l-inħawi kienet sabiex issir devjazzjoni tar-Rotta 22 minn Triq W. Rosato, f'Bormla.

WSC — Kont tad-dawl u l-ilma

Question

Jista' il-Ministru jara li jkun verifikat il-kont ta' anzjan li ismu qed jintbagħat separatament, li jgħix waħdu u li l-kont tad-dawl u l-ilma tiegħu minn Lm22.05 ta' 212-il ġurnata issa sploda għal Lm84.27 ta' 170 ġurnata? Jista' jindaga peress li din iż-żieda tidher li hi esaġerata u qed tkun ta' piż ġdid fuq l-anzjani tagħna?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li l-kont huwa mill-10 ta' Novembru 2003 sat-28 ta' April 2004 u huwa ta' LM5.59 ilma u LM78.68 dawl. Il-qari tad-dawl ġie verifikat, għalhekk huwa korrett. Mill-qari li ttieħed fil-5 ta' Lulju 2004, jidher li l-konsum tiegħu reġa nieżel, għalhekk l-unika konklużjoni plawsibli hi, li l-konsumatur kellu konsum ta' l-elettriku aktar mis-soltu fil-perjodu msemmi.

Vetturi bil-"Y" u "K" plate

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hawn karozzi bil-"Y" u bil-"K" plate? Min hu intitolat li jkollu karozza ta' dan it-tip?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

In-numru ta' karozzi bil-'Y' u bil-'K' plate sa l-aħħar ta' Mejju 2004 hu kif ġej: 'Y' - 1,333 vettura 'K' - 6,402 vettura Kull min għandu liċenzja biex jopera ta' public service garage hu intitolat li jkollu karozzi ta' dan it-tip.

Rabat — Asfaltar fit-triq prinċipali f'Santa Katerina

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li tiġi mogħtija t-tarmac it-triq prinċipali f'Santa Katerina, l/o Rabat?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab informat illi t-triq imsemmija mill-Onor. Interpellant taqa' taħt ir-responsabbilta' tal-kunsill lokali. Għalhekk għal aktar informazzjoni, l-Onor. Interpellant hu mitluba jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-ministru konċernat.

Dipartiment tas-saħħa — Każi ta' mard infettiv

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hawn każi ta' mard infettiv is-sena l-oħra, kemm mietu nies b'dan il-mard u x'tip ta' mard kien?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant tinsab fir-Rapport Annwali 2003 dwar Mard Infettiv, liema Rapport qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Xiri ta' oqbra

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hawn persuni li qed jistennew biex jixtru qabar illum?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru t'applikazzjonijiet pendenti għal xiri ta' oqbra f'Ċimiterji tal-Gvern huma ta' 5614. Peress li wħud mill-applikanti jkollhom applikazzjonijiet għall-oqbra f'Ċimiterji diversi dan in-numru ma jkunx reali.

Qrati — Reati waqt attivitajiet sportivi

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm tressqu nies il-qorti din is-sena għal reati li saru waqt attivitajiet sportivi? X'kien ir-reat u fejn sar?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul l-ewwel ħames xhur ta' din is-sena kien hemm 37 persuna li tressqu l-Qorti għal reati mwettqa waqt xi attivita' sportiva. Kien hemm 27 persuna li tressqu fuq inċidenti li nqagħlu waqt logħob tal-football, filwaqt li l-10 l-oħra tressqu fuq inċidenti li nqagħlu fil-korsa taż-żwiemel. L-allegati reati kienu jinkludu dagħa; kliem u/jew ġesti oxxeni; insulti u theddid; ksur tal-bon ordni w imġieba abbużiva.

Awtorita' tad-djar — Skema care & repair

Question

Tista' il-Ministru tgħid għaliex persuna anzjana ta' madwar 82 sena li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, ġiet imċaħħda milli tibbenefika mis-servizz care & repair ta' l-awtorita' tad-djar, għaliex l-awtorita' qed tissuġġerixxi lil din l-applikanta biex tapplika taħt skema 'W' (sussidju fuq xogħlijiet ta' irranġar u titjib f'residenzi)?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-ewwel parti tat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 6225 f'Seduta Nru. 145. Ninsab infurmata li waqt l-ispezzjoni li saret fuq il-post, it-tifel tal-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant, li kien preżenti, ddikjara li kien jippreferi li x-xogħolijiet isiru minn kuntrattur imqabbad minnhom taħt Skema W milli jistennew li x-xogħolijiet isiru minn kuntratturi wara l-ħruġ ta' tender taħt l-inizjattiva tal-care and repair.

Djar — Post tal-gvern fi stat perikoluż

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 5912, tista' il-Ministru tgħid x'passi ħa d-dipartiment tal-construction & maintenance (Bini u Tiswijiet tad-Djar) biex jitneħħa l-periklu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li d-Dipartiment tal-Bini u Tiswija tad-Djar għamel ix-xogħol meħtieġ biex jitneħħa l-periklu fil-post indikat mill-Onor. Interpellant.

Applikazzjoni għal skema ta' l-awtorita' tad-djar

Question

Tista' il-Ministru tgħid għaliex il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li applikat għal skema ta' l-Awtorita' tad-Djar u t-talba tagħha biex tibbenefika minn din l-iskema għadha ma ġietx milqugħa? X'qed iżomm lill-awtorita' milli toħroġ approval?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-Awtorita' tad-Djar ma għandha l-ebda file li jġib ir-referenza kkwotata mill-Onor. Interpellant.

Awtorita' tad-Djar — Skema dwar tibdil ta' gallarija

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li bbenefikat mill-iskema ta' tibdil ta' gallarija "għotja ta' flus għall-konservazzjoni ta' bini storiku" mill-MEPA, u din l-istess gallarija għadha ma tlestietx minħabba negliġenza tal-mastrudaxxa, jista' il-Ministru jgħid jekk din il-persuna hijiex se titlef din il-grant peress li għaddiet iżjed minn sena li din il-grant ġiet approvata?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) ser tikteb lill-persuna kkonċernata fuq il-każ.

Awtorita' tad-Djar — Każ dwar garage

Question

Tista' il-Ministru tgħid x'wassal lill-Awtorita' tad-Djar biex tiddiskrimina ma' persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, biex ma tingħatax garage li għalih ġie offrut l-ogħla prezz? X'passi se tieħu l-awtorita' rigward din l-inġustizzja?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Waħda mill-kundizzjonijiet tat-tender għal bejgħ ta' garages mill-Awtorita' tad-Djar hi li jingħata d-dritt ta' l-ewwel rifjut lit-tenderer li tkun mill-istess lokal fejn ikun il-garage, sakemm dik il-persuna tħallas is-somma ta' l-għola offerta mitfuha. Ninsab infurmata li l-Awtorita' rċeviet żewġ offerti dwar il-garage li rrefera għalih l-Onor. Interpellant. It-tnejn kienu minn persuni li jgħixu fl-istess lokal, saħansitra fl-istess blokk ta' appartamenti. Peress li hu diffiċli jiġi stabbilit min mit-tenderers joqgħod l-aktar viċin tal-garage, u jkollu d-dritt ta' l-ewwel rifjut, l-Awtorita' ħasset li l-aktar mod ekwu biex tiddetermina min għandu dan id-dritt hu li ssir polza bejn iż-żewġ tenderers. Iż-żewġ tenderers ġew infurmati b'dan iżda l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant fetħet korrispondenza ma' l-Awtorita' permezz ta' l-Avukat tagħha dwar is-suġġett. Għal din ir-raġuni l-polza għadha ma saritx. Minn dan ma jirriżultax li l-Awtorita' għamlet xi diskriminazzjoni mal-persuna ndikata.

Universita' — Eżamijiet tal-MATSEC u tas-SEC

Question

Jista’ il-Ministru jara li wara li jkunu saru l-eżamijiet tal-MATSEC u SEC, il-karti ta' kull suġġett ikunu fuq il-website ta' l-Universita' jew fuq website apposta biex b' hekk għalliema jkunu jistgħu jaraw x' ikun ħareġ u dan speċjalment peress li hemm karti li l-istudenti jiktbu fuqhom u b'hekk ma jittieħdux id-dar? Għalkemm wara xi xhur dawn jiġu ppublikati fi ktejjeb għal kull suġġett, ma jaħsibx li jkun aħjar li jidhru fuq website b'mod immedjat?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li bħalissa l-Bord tal-Matsec jippubblika l-karti kollha ta' l-eżamijiet tas-Sec u taċ-Ċertifikat tal-Matrikola mar-rapporti ta' l-eżaminaturi u jibgħat kopji fl-iskejjel u fil-libreriji pubbliċi tal-Belt, il-Floriana, Victoria u l-librerija ta' l-Universita'. Filwaqt li mhix il-prattika li l-karti jidhru fuq il-websiteperess li l-karti kollha jkunu ippublikati mill-Universita' u jitqassmu għall-bejgħ mill-ħwienet tal-kotba, ser ngħaddi s-suġġeriment lill-grupp li qed jagħmel l-analiżi kritika fuq is-sistema tal-MATSEC għall-konsiderazzjoni tagħhom.

Universita' — Eżamijiet tas-SEC u tal-MATSEC

Question

Jista’ il-Ministru jgħid għaliex fl-eżamijiet tas-SEC u l-MATSEC tal-Letteratura Ingliża hemm kotba li jibqgħu bħala texts għall-eżami għal snin sħaħ? Jista’ jgħid kif jintgħazlu l-kotba għal dan is-suġġett? Ma jaħsibx li kotba bhal Lord of the Flies'ta Golding jew Dr. Jekyll u Mr. Hyde ta' R.L. Stevenson issa għadda zmienhom u jistgħu jinstabu kotba aktar moderni?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Skejjel — Ikel u xorb li jinbiegħ fit-tuck shops

Question

Peress li qed ikolli diversi lmenti minn ġenituri li jibagħtu lit-tfal tagħhom fid-diversi skejjel ta' l-istat, privati u tal-knisja, fejn dawn jilmentaw minn ikel u xorb li jevitaw id-dar, iżda li jinbiegħ f'tuck shops u canteens ta' l-iskejjel, jista’ il-Ministru jgħid għaliex minflok linji gwida ma toħroġx ordni biex ċerti ikel, xorb u ħelu ma jkunux jistgħu jinbiegħu? Ma jaħsibx li dan jgħin bil-kbir biex jevita l-obesita' fit-tfal u b'hekk jgħin inaqqas l-ispiża fil-kura?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel id-domanda lill-Ministru kkonċernat.

Tfal li jbatu minn obesita

Question

Jista’ il-Ministru jgħid kemm huwa stmat li matul din is-sena finanzjarja jintnefaq fuq kura minħabba obesita' fi tfal? Isiru taħditiet fl-iskejjel għall-għalliema u studenti minn esperti tan-nutrizzjoni? Jekk fl-affermattiv, fejn saru u meta matul din is-sena skolastika?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.