Peress illi qed ikun hemm ilmenti kontinwi dwar l-ambulanzi li m'għandhomx arja kondizzjonata, tista' il-Ministru tara li din is-sitwazzjoni tiġi rimedjata a benefiċċju tal-ħaddiema u tal-pazjenti li jinġarru lejn Malta ta' kuljum għal trattamenti li ma jsirux Għawdex minħabba nuqqas ta' faċilitajiet fl-isptar Ġenerali ta' Għawdex?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata illi qegħdin isiru l-arranġamenti meħtieġa sabiex isiru t-tiswijiet ta’ l-air conditioning ta’ l-ambulanzi ta’ l-Isptar Ġenerali t’Għawdex.
Fir-rigward ta’ dawk l-ambulanzi li ma fihomx air conditioning m’huwiex possibli li jiġi nstallat l-air conditioning fihom.Kull meta hu possibbli l-ġarr ta' pazjenti bejn l-Isptar Ġenerali ta' Għawdex u l-Isptar San Luqa isir bl-ambulanzi li fihom l-arja kondizzjonata.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għala xi drabi x-xogħol li ngħatat id-ditta Kalaxlokk din ta' l-aħħar tagħtih b'sub contract lil terzi? Kemm għamlet telf il-kumpannija matul is-sena li għaddiet (2003)?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li fl-okkazzjonijiet ta' meta il-kumpanija tirrikorri għall-terżi huwa meta l-kompetenzi u r-rizorzi interni tal-Kumpanija ma jippermettux li x-xogħol isir mill-Kumpanija.
Fis-sena finanzjarja li għalqet fl-2003, il-Kumpanija għamlet telf ta' LM17,470.
Jista' il-Ministru jgħid x'tip ta' allowances (inkluż tat-trasport) igawdu l-konsulenti, iċ-chairman u l-managers tal-kumpannija Kalaxlokk?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li l-Kumpanija m'għandha l-ebda konsulent, għajr li tagħmel użu minn servizzi professjonali ta' accountant u żewġ periti. Dawn ma jirċievu l-ebda allowance.
Iċ-Ċhairman u l-Manager m'għandhom l-ebda allowance għajr li jirċievu transport allowance ta' mitt lira maltija fix-xahar.
Jista' il-Ministru jivverifika kif ħaddiema tal-kumpannija Kalaxlokk qegħdin jintbagħtu għall-interviews permezz ta' sempliċi telefonata minflok b'avviż miktub? Jaf il-Ministru li l-jobs li qegħdin jiġu offruti m'għandhom x'jaqsmu xejn max-xogħol li normalment jagħmlu?
Response (GATT, AUSTIN)
L-Onorevoli Interpellant ghandu jkun infurmat li dawk l-impjegati li jigu identifikati sabiex jattendu ghal xi "interview" dawn jigu ikkuntattjati bit-telephone sabiex jattendu laqgha mal-Management biex jispjega verbalment in-natura tax-xoghol li qed jigi offrut.
Prezentament il-Kumpanija ghaddejja minn perjodu ta nuqqas ta' xoghol u ghaldaqstant il-Management qed jipprova li jsib xoghol alternattiv lill-haddiema minflok ma jittiehdu mizuri ohra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm fadal ħaddiema ma' Kalaxlokk, inkluż dawk on loan? X'inhu l-grad ta' dawn il-ħaddiema? Kif inhuma maqsuma u x-xogħlijiet qegħdin jagħmlu dawn il-ħaddiema? Kemm hemm managers u x'inhu s-salarju tagħhom? Kemm hemm periti, min huma u kif qegħdin jitħallsu? Min hu l-konsulent finanzjarju u kemm qiegħed jitħallas? Min hu l-konsulent legali u kemm qiegħed jitħallas?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li l-Kumpanija Kalaxlokk ghandha fuq il-kotba taghha 127 haddiem.
Is-snajja tal-haddiema u gradi jinkludu Labourers, Constuction Tradesman u Technical Officers li jammontaw ghal 121 haddiem kif ukoll nukleu ta' 6 haddiema fl-Amministrazzjoni u Middle Management. Il-haddiema huma mqassma fuq diversi lantijiet tax-xoghol, progetti ta' kostruzzjoni, tindif u xoghol iehor f'enitajiet pubblici.
Il-Kumpanija ghandha Manager wiehed u s-salarju tieghu jilhaq Lm6360 fis-sena.
Il-Kumpanija m'ghandhiex Periti mpjegati maghha izda qed taghmel uzu minn zewg periti li ghalihom qed thallas Lm600 kull wiehed fix-xahar. Il-Periti huma s-Sinjuri Joseph Grech u Philip Mifsud.
Il-Financial Controller tal-Kumpanija huwa s-Sur Saviour Agius li jithallas Lm670 fix-xahar.
Il-Kumpanija m'ghandhiex konsulent legali.
Jista' il-Ministru jindaga dwar dak li ġie saħansitra suġġerit minn uffiċjali għolja ta' l-Awtorita' dwar it-Trasport, cioe' li tingħalaq Triq il-Fuqqanija f'Ħaż Żebbuġ, fejn tispara għal Triq is-Siġġiewi minħabba l-periklu li jeżisti?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Il-kunsill lokali tas-Siġġiewi kien talab sabiex Triq il-Fuqqanija issir one way 'il barra għal fuq Triq is-Siġġiewi.
Id-Direttorat għall-Immaniġjar tat-Traffiku evalwa r-rikjesta u ssuġġerixxa lill-kunsill sabiex jikkonsidra Traffic Management Scheme għat-tliet junctions li huma Triq Ħal Mula, Triq il-Fuqqanija u Triq in-Newl ma Triq is-Siġġiewi minħabba li tibdil fi Triq il-Fuqqanija kienet taffettwa wkoll dawn iż-żewġ toroq l-oħra. Id-Direttorat ma qabilx li t-tibdil isir biss fi Triq il-Fuqqanija.
Fid-dawl tal-proġett ta' l-Italian Protocol fi Triq is-Siġġiewi, id-direttorat iddiskuta wkoll mad-direttorat tat-toroq.
Sadanittant, id-Direttorat għall-Immaniġjar tat-Traffiku ftehmu mal-kunsill lokali sabiex jiltaqgħu fuq il-post sabiex jiddiskutu dawn l-arranġamenti fis-sistema tat-traffiku.
Dipartiment tas-Saħħa — Pazjenti li jbatu minn central care disease
Question
Jista' il-Ministru jgħid għalfejn fil-każ ta' pazjenti li jbatu minn Central Core Disease, minn din is-sena l-gvern qed jgħid li mhux se jħallas għall-visti li dawn ikollhom jagħmlu kull sena fl-isptar Imperial College ġewwa Londra?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Pazjenti jintbagħtu barra minn Malta meta l-kura meħtieġa ma tkunx tista' ssir f'Malta la mill-konsulenti Maltin ulanqas mill-Speċjalisti barranin li jinġiebu regolarment f'Malta.
Wieħed mill-vantaġġi tas-sistema li naddottaw hu li konsulenti u speċjalisti Maltin jirċievu taħriġ fil-ħiliet meħtieġa sabiex noffru servizzi speċjaliżżati f'Malta mingħajr il-ħtieġa li nibagħtu l-pazjent barra.
Għaldaqstant ma jfissirx li għax pazjent jintbagħat xi drabi barra ghall-kura għandu jibqa jintbagħat dejjem barra għall-kura.
Jista' il-Ministru jgħid kemm-il CT Scan sar fil-privat tul is-sena 2003 u tul din is-sena sa l-ewwel ta' Lulju, 2004?
Jista' jgħid kemm kienet l-ispiża biex dawn is-CT Scans saru fil-privat?
Jista' jgħid f'liema kliniċi/sptarijiet privati saru dawn is-CT Scans?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-CT Scans ta' natura urġenti biss isiru fil-privat meta s-CT Scan ta' l-isptar San Luqa tkun bil-ħsara.
Matul is-sena 2003 ma saru l-ebda CT Scans fil-privat. Sa 1 ta' Lulju ta' din is-sena saru total ta' 75 CT Scans fil-privat li minnhom 47 saru f'St.James Clinic u 28 saru fis-St.Mark's Clinic.
L-ispiża totali għal dawn l-iscans tammonta għal Lm5,250.
Jista’ il-Ministru jgħid jekk meta xi grupp jew organizzazzjoni, li mhux skola liċenzjata, jorganizza skola tas-sajf, għandux l-ewwel japplika għal liċenzja biex topera bħala tali? Jekk fl-affermattiv, kemm kien hemm li applikaw biex joperaw fis-sajf li ġej?
Response (GALEA, LOUIS)
Nifhem li l-Onor. Membru qed jirreferi għal skejjel tas-Sajf privati.
Għalkemm il-programmi ta' l-iskola sajf ma jifformawx parti mill-istess proċess ta' l-edukazzjoni obbligatorja, u allura t-tfal jintbagħtu fihom skond id-deskrizzjoni u l-għażla tal-ġenituri, l-Ministeru ta' l-Edukazzjoni għandu interess isegwi l-iżvilupp ta' dawn il-prorammi biex naraw li l-programmi huma validi edukativament.
Għalkemm s'issa dawn l-iskejjel mhux qed jiġu liċenzjati, ġie miftiehem mal-Prim Ministru u l-Ministru tal-Finanzi li min irid jopera Skola Sajf privata, u jkun rikonoxxut mill-Ministeru ta' l-Edukazzjoni, għandu jinforma lil dan il-Ministeru billi jimla formola apposta ta' reġistrazzjoni. Il-formoli jinsabu mill-uffiċju tal-Customer Care tal-Ministeru fil-Floriana . Ser issir ukoll stqarrija pubblika f'dan is-sens. Il-materja li fost oħrajn li qed jiġi diskussi fil-kuntest ta' tibdil fl-Att dwar l-Edukazzjoni.
Peress li issa ġie kkonfermat li trid titħallas VAT ta' 18% fuq kull tifel u tifla li jattendu skejjel tas-sajf, jista’ il-Prim Ministru jgħid jekk kull skola jew organizzazzjoni li torganizza dawn l-iskejjel tas-sajf trid tirreġistra bħala tali? Meta tkun mistennija li tagħmel il-ħlas tal-VAT?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qegħda tinġabar u tingħata tweġiba f'xi seduta oħra.
Jista’ il-Prim Ministru jara li tiġi rranġata l-istramberija li membri ta' familja, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li joqogħdu fl-istess dar jivvotaw f’lokalitajiet differenti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-Onorevoli Interpellant hu mitlub jgħid lil persuni konċernati biex javviċinaw lill-Kummissjoni Elettorali dwar il-każ.
Festi ċentinarji f'ġieħ Santa Katerina — Ħruġ ta' sett bolol
Question
Jista’ il-Ministru jgħid jekk l-awtorita` konċernata rċevitx talba sabiex għas-sena d-dieħla fil-festi ċentinarji f’ġieħ Santa Katerina jinħarġu sett bolol tifkira ta' dan l-avveniment? Jekk ir-risposta hija fl-affermattiv, jista’ jgħid fiex waslet din it-talba u jekk ġietx milqugħa jew le?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-Bord li jagħti pariri dwar disinn tal-bolli rċieva talba biex il-festi ċentinarji f'ġieħ Santa Katerina jkunu mfakkra s-sena d-dieħla bil-ħruġ ta' bolla jew bolli. Din it-talba għad trid tiġi evalwata mill-Bord, flimkien ma' diversi talbiet oħrajn, meta jkun qed jitfassal il-programm għall-ħruġ ta' bolli għas-sena d-dieħla.
Kunsill nazzjonali għall-kultura u arti — Konkors kitba għall-palk
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 4871, jista' il-Ministru jinforma lill-Kamra kif intagħżlu d-drammi ġodda qosra bil-Malti li se jkunu fil-festival imsemmi u li se jifforma parti mill-Festival ta’ l-Arti li se jinżamm matul is-sajf li ġej? Jista’ jghid jekk saritx sejħa pubblika, sew għall-kittieba tad-drammi u sew għall-kumpaniji li se jeħduhom?
Jista’ jgħid ukoll x’arranġamenti finanzjari saru biex dan il-festival ikun jista’ isir u xi ħlasijiet se jingħataw lill-awturi tad-drammi u lill-kumpaniji magħżula?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li bħala waħda mill-attivitajiet kulturali għas-sajf 2004 il-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti nieda festival ta' produzzjonijiet minn gruppi teatrali Maltin. Dan il-festival bl-isem ta' DramaFest se jsir bejn il-5 u l-10 ta' Awissu fiċ-Ċentru għal Kreativita`, Kavallier ta' San Ġakbu.
Ta' min jgħid li dan il-festival mhuwiex jissostitwixxi l-Konkors Kitba għall-Palk Premju Francis Ebejer iżda qed jagħti opportunita` lill-gruppi teatrali sabiex juru produzzjonijiet oriġinali tagħhom.
Il-gruppi ġew magħżula wara li saret sejħa fost gruppi magħrufa fil-qasam tal-produzzjonijiet teatrali li normalment jesperimentaw b'idjoma innovattiva. Saret ukoll laqgħa, forma ta' intervista, mal-parteċipanti kollha li applikaw sabiex jiġi diskuss il-proġett.
Il-Grupp Organizzattiv se jipprovdi t-teatru, l-użu tad-dawl u sound system, kif ukoll nies tekniċi. Kull kumpanija magħżula tingħata Lm 300 bħala kumpens għall-produzzjoni finali.
Xogħol ta' drama bil-Malti — Programm Cultural Support
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 4871 għal dik il-parti tat-twegiba fejn il-Ministru qed jgħid li l-kunsill qed jipprovdi għajnuna finanzjarju u teknika lil xogħol ta’ drama bil-Malti fil-programm hekk imsejjaħ Cultural Support, jista’ il-Ministru jespandi aktar fiex tikkonsisti din l-iskema, kif u min qed iħaddimha, kif jintagħżlu x-xogħlijiet tad-drama bil-Malti li jibbenefikaw minnha, liema huma dawk id-drammi li s'issa bbenefikaw u kif ibbenefikaw?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
L-informazzjoni qed tinġabar u tingħata f'seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid għaliex il-kont anness ma' din id-domanda parlamentari qed jiġi għoli ħafna u l-konsumatur, għal diversi drabi, ilmenta ma' l-awtoritajiet u qed iħoss li l-ilment tiegħu qed jaqa' fuq widnejn torox?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li t-total pendenti ta' LM482.27 ikopri il-perjodu mit-2 ta' Mejju 2002 sas-6 ta' Marzu 2004. Dan it-total jiġbor fih 6 kontijiet. Il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-ilma ma għandiex 'records' li dan il-konsumatur qatt għamel xi lment matul dan iż-żmien.
Għalhemm, il-kontijiet prima facie ma jidħrux esagerati għal ħamsa minn nies. Naturalment, meta konsumatur idum ma jħallas kontijiet għal sena w nofs, iċ-ċifra ta' sitt kontijiet flimkien jkunu jidhru 'esagerati' ħdejn iċ-ċifra ta' kont f'perjodu wieħed.
Dipartiment ta' l-artijiet — Art tal-gvern għal skop ta' polo pitch
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jikkonferma jekk saritx talba quddiem id-dipartiment ta' l-artijiet biex fuq art tal-gvern, jiġifieri fil-limiti ta' San Pietru, Triq San Leonardu, Xgħajra, li fil-preżent qegħda f'idejn full time farmer, isir polo pitch? Jekk fl-affermattiv, u jekk il-permess tal-MEPA joħroġ, x'se jiġri mill-full time farmer?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li t-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern għandha quddiemha talba sabiex isir polo pitch fi proprjeta' tal-Gvern fi Triq San Leonardu fix-Xgħajra. It-Taqsima għada ma ħadet l-ebda deċiżjoni fuq din it-talba. Infakkar lill-Onorevoli Interpellant li t-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern ma tistax talloka art għal skop partikolari jekk dak l-iskop ma jkunx awtorizzat mill-MEPA. Sal-lum ma jidhirx li l-MEPA ħarġet xi permess għal polo pitch fuq din l-istess art.
Jista' il-Ministru jgħid u jikkonferma li l-MEPA għandha quddiemha applikazzjoni biex isir polo pitch fil-limiti ta' San Pietru, Triq San Leonardu, Xgħajra? Jekk fl-affermattiv tista' titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-pjanta, isem l-applikant u min hu s-sid ta' din l-art?
Jista' jgħid meta mistennija jiġu issued il-permessi għall-polo pitch?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li hemm applikazzjoni numru PA 02752/03 li l-proposta tagħha hija "Formation of polo pitch and ancillary facilities". Il-kumplament ta’ l-informazzjoni għat-tieni part ital-mistoqsija hija aċċessibbli għall-pubbliku. Id-deċiżjoni fuq din l-applikazzjoni ġiet deferita sakemm issir konsultazzjoni tal-Heritage Advisory Committee (HAC) u mas-Supretendent tal-fortifikazzjonijiet.
Jista' il-Ministru jgħid x'tama hemm li anzjana li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, u li hi senili, tiġi ammessa f'dar ta' l-anzjani?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li l-applikazzjoni ta' l-anzjana li d-dettalji ntbagħtu separatament qegħda quddiem l-Admissions Board biex tittieħed deċiżjoni jekk tiġi ammessa f'Dar ta' l-Anzjani jew le.
Awtorita' tad-djar — Talba għal akkomodazzjoni alternattiva
Question
Tista' il-Ministru tgħid x'tama hemm li ġenitur wieħed li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, jiġi pprovdut post alternattiv biex jipprova jrabbi t-tarbija tiegħu ta' erba' xhur f'ambjent diċenti?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali qed jikkunsidra l-applikazzjoni tal-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant flimkien ma' applikazzjonijiet oħrajn simili.
Ta' min jgħid li d-Dipartiment ma ġiex notifikat bit-twelid reċenti ta' tarbija.