Legislature:
Category:
Reset
Active:

Djar privati ta' l-anzjani

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm fil-preżent hawn djar privati ta' l-anzjani li huma regolarment liċenzjati biex jiffunzjonaw bħala tali matul is-sena 2004? Liema huma dawn id-djar? Kull waħda minn dawn id-djar, x'inhu n-numru ta' sodod li hi liċenzjata li jkollha?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.

Anzjani — Servizz tat-telecare

Question

Jista' il-Ministru jgħid fit-30 ta' Ġunju, 2004 kemm kien hemm: a) anzjani li kienu qed jagħmlu użu mis-servizz tat-telecare u kemm minnhom kienu eżenti li jħallsu l-kera tiegħu; b) persuni bi bżonnijiet speċjali li kienu qed jagħmlu użu mis-servizz tat-telecare?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fit-30 ta' Ġunju 2004 kien hemm: 8837 anzjani li kienu qed jagħmlu użu mis-servizz tat-Telecare u minnhom 2403 anzjani kienu eżentati li jħallsu l-kera tiegħu. Fl-istess perjodu kien hemm 227 persuni bi bżonnijiet speċjali li kienu qegħdin jagħmlu użu mis-servizz tat-Telecare.

Toroq — Asfaltar

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamnetari 6211 u cioe' jista' jgħid jekk hemmx xi tender li qed tinħadem biex isiru aktar toroq bit-tarmac madwar Malta? Liema huma dawn it-toroq f'din it-tender?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Tender li qed tinħadem u lista ta' toroq: Advert Project Locality Type of work Domestic projects Construction of p/o Triq il-Kulleġġ Mosta Construction Construction of Triq Marju Pace Qormi Construction 9/04 Asphalting of Triq Pawlu Farrugia Qormi Surfacing 21/04 Road works at Triq Hurds Bank Marsascala Construction 30/04 Road works from Bidnija to Għajn Rihana Mosta Surfacing 39/04 Construction of part of Triq il-Greċja Naxxar Construction 46/04 Surfacing works at Triq il-Kapuċċini Floriana Re-surfacing 52/04 Construction of p/o Triq Znuber Mellieħa Construction

Servizz Ċivili — Ħaddiema

Question

Jista' il-Prim Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 6213 u cioe' jikkonferma li l-gvern m'għandu l-ebda pjan li jkeċċi ħaddiema minn mal-gvern?

Response (GONZI, LAWRENCE)

In-numru ta’ ħaddiema li hemm fis-settur pubbliku ilu jonqos għal dawn l-aħħar snin. Il-Gvern għandu jara kif dan in-numru jista’ jkompli jonqos anki b’konsultazzjoni sħiħa ma’ l-imsieħba soċjali.

Dipartiment tas-saħħa — Prodotti gluten free

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 6252 u cioe' jista' jgħid kemm intnefqu flus, fix-xahar jew fis-sena, mis-sena 2000 sal-lum fi prodotti gluten free? Jsita' jgħid kemm hemm persuni li jibbenefikaw minn din is-sistema? Jista' jaqsam din l-istatistika f'irġiel, nisa u persuni taħt it-18-il sena? Jara l-Ministru li s-sistema ta' kif jitqassmu dawn il-prodotti tista' titjieb? Jista' jgħid min jiġi kkonsultat fl-għażla tal-prodotti li jinxtraw? Jista' jgħid jekk il-Ministeru jew is-Segretarjat Parlamentari fl-istess ministeru rċeviex talba biex jiltaqa' mal-Coeliac Association? Jekk fl-affermattiv, meta saret din il-laqgħa? X'ġie diskuss?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Id-Dipartiment tas-Servizzi Farmaċewtiċi tal-Gvern nefaq l-ammonti kif ġej f'xiri ta' prodotti gluten free: Sena Lm 2000 65,188.09 2001 77,789.57 2002 71,169.82 2003 79,787.15 2004* 25,930.44 *In-numri għas-sena 2004 jirriflettu l-perjodu bejn Jannar u Mejju 2004. In-numru ta' pazjenti li jibbenifikaw minn din is-sistema ta' prodotti gluten free huwa 451. Nisa 316 Irġiel 135 In-numru ta' pazjenti taħt 18 -il sena huwa 60 Dawn il-prodotti jitqassmu kull xahar mill-Ispiżeriji kollha tal-Gvern skond ftehim li kien sar mas-Coeliac Association. L-għażla ta' prodotti li jinxtraw tiġi rakkomandata mill-persuna teknika tad-Diviżjoni tas-Saħħa i.e. Dietician Nikkonferma li saret lagħqa fejn saret talba lill-Assoċjazzjoni jgħidu kif tista' titjieb is-sistema saħansitra ladarba issir questionaire biex naraw kull pazjent x'jippreferi bħala prodott.

Pulizija — Sejba tal-moon rock

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kienx hemm żviluppi fuq is-sejba tal-moon rock li nsterqet mill-mużew? Kien hemm surveillance recording equipment u cameras?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-investigazzjoni tal-Pulizija dwar il-każ imsemmi mill-Onorevoli Interpellant, għadha għaddejja. Għal aktar tagħrif dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ġentilment nissuġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Dipartiment ta' l-artijiet — Konċessjonijiet għal skopijiet rikreattivi

Question

Fid-dawl tal-konċessjonijiet li jingħataw minn naħa tal-gvern għal skopijiet rikreattivi bħal sports u scouts, peress li min talab l-art spjega għal xiex iridha, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-gvern hux qed jagħmel hu impact assessment?

Response (BORG, TONIO)

Peress li l-għotja ta' proprjeta' tal-gvern lill-għaqdiet sportivi ssir fuq rakkomandazzjoni tal-Kunsill Malti Sports, l-Onorevoli Interpellant huwa mitlub jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru tal-Edukazzjoni, Żagħżagħ u Xogħol li huwa responsabbli minn dan il-Kunsill.

MEPA — Applikazzjonijiet għal żviluppi pendenti

Question

Mill-applikazzjonijiet li hemm għal żviluppi pendenti mal-MEPA, jista' il-Ministru jgħid kemm jirriflettu f'impjiegi jekk dawn jiġu mwettqa?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li fis-sentejn li għaddew ġew approvati 19,000 metru kwadru ta' art industrijali, 60,000 metru kwadru ta' ħwienet, u madwar 80,000 metru kwadru ta' uffiċini. Jekk din l-art kollha tiġi żviluppata, dan jammonta għall-ħolqien ta' madwar 1,600 impjieg. (Ir-ratios ta' art għal impjiegi huma konservattivi ħafna). Dan l-ammont ma jieħux konsiderazzjoni ta' art bil-permess għal faċilitajiet soċjali, faċilitajiet ta' rikrejazzjoni w użi oħrajn. Mhuwiex possibbli li jiġi stmat kemm sejrin jiġu ġġenerati mpjiegi minn applikazzjonijiet pendenti quddiem l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) għax l-ammont ta' art jista' jiġi kkalkolat biss meta l-applikazzjoni tingħata permess. Biss, tajjeb li wieħed isemmi li sa Mejju 2004 kien hemm, fil-major projects, 27 applikazzjoni fil-qasam ta' produzzjoni diretta (industrija), u 57 applikazzjoni fil-qasam tal-market services (uffiċini, ħwienet, akkomodazzjoni għat-turisti, ħażna, ristoranti u skejjel). Il-MEPA ħejjiet numru ta' development briefs, eżempju Luqa Park, Ta' Qali Craft Village, Valletta Cruise Terminal Development, White Rocks u Pender Place, li lkoll għandhom potenzjal li jiġġeneraw iżjed impjiegi. Dan minbarra proġetti oħra identifikati fil-pjanijiet lokali, eżempju Marsa Park fil-pjan lokali għal-Port il-Kbir, li għandu potenzjal biex jiġġenera ma' 4000 impjieg meta jitwettaq mill-privat.

Pilloli Cisapride

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 6297, jista' il-Ministru jgħid jekk ġewx irtirati provvisti ta' din il-mediċina Cisapride mill-ispiżeriji? Ġew informati dwar dan l-iżvilupp il-general practitioners? Jaf il-Ministru li lill-pazjenti qalulhom biss li dawn il-pilloli kienu waqqfuhom mingħajr ma qalulhom għalfejn? Saru testijiet fuq il-pazjenti li kienu qed jieħdu ic-Cisapride regolarment mill-isptar biex jaraw jekk dawn kellhomx xi after effects fuqhom?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-informazzjoni li l-mediċina Cisapride setgħet tagħmel xi effetti ħżiena kienet evalwata u f'Malta kien ġie rrakomandat lit-tobba li din il-mediċina kellha tintuża biss f'ċertu każijiet u wara li jkun assigurat li l-pazjent kellu riskju baxx li jaqbduh dawn l'effetti. It-tobba kollha kienu ġew avżati b'dawn ir-rakkomandazzjonijiet permezz ta' ċirkulari. Minn dak iż-żmien il-mediċina baqgħet tintuża b'mod ristrett sakemm issa ma għadhiex tiġi f'Malta. Għaldaqstant ma kienx hemm bżonn li jiġu irtirati l-provisti ta' din il-mediċina mill-ispiżeriji.

Taqsima tal-Vice Squad — Sistema ta' arja kondizzjonata

Question

X'inhi r-raġuni li s-sistema ta' l-arja kondizzjonata fit-taqsima tal-Vice Squad u ta' l-Economic Crime għadha bil-ħsara bil-konsegwenza li l-pulizija f'dawn it-taqsimiet qed ikollhom jaħdmu fi sħana tremenda? Kemm ilha bil-ħsara u meta hemm il-ħsieb li tissewwa?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi ttieħdet l-azzjoni meħtieġa sabiex is-sistema ta' l-arja kondizzjonata imsemmija tiġi lura għan-normal kemm jista' jkun malajr.

MIA — Ajruplan KM615

Question

Jista' il-Ministru ġentilment iwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6428 u cioe' jista' jgħid jekk l-ajruplan li għamel it-titjira minn Ruma għal Malta KM615 ta' nhar is-Sibt 26 ta' Ġunju 2004 u li wasal Malta għall-ħabta tat-8.30 p.m. ġiex ipparkjat fil-parti ta' l-airport fejn proprju kien ġara l-inċident ta' ajruplan ieħor ta' l-Air Malta li kien ħabat ma' arblu u għamel ħsarat konsiderevoli? Jekk ir-risposta hi fl-affermattiv, x'inhi r-raġuni li pparkja hemm meta fl-inkjesta mmexxija mill-Maġistrat Saviour Demicoli kien ikkonkluda li din il-parti ta' l-ajruport hi nieqsa minn ċerti faċilitajiet u li setgħu wasslu għall-inċident imsemmi?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta tinghata f'xi seduta ohra.

Żejtun — Triq Santa Monika - No Parking signs

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru, permezz tal-pulizija, ġentilment jgħid jekk fil-festa taż-Żejtun li saret il-Ħadd 20 ta' Ġunju 2004 sarux tabelli tan-No Parking mill-pulizija tal-lokal fi Triq Santa Monika, Żejtun? Jekk iva, meta saru?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi għalkemm ma tpoġġewx tabelli tan-no parking, ir-rotta minn fejn kull sena tgħaddi l-purċissjoni kienet ġiet dikjarata bħala żona ta' rmonk fil-Gazzetta tal-Gvern tal-4 ta' Ġunju 2004. Infurmat ukoll li l-Pulizija qed tinvestiga dan l-ilment u f'każ ta' nuqqas, ser jittieħdu l-passi opportuni.
Leg 10 PQ #6509 Sitting 149 2004-07-12 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Konslu Ġenerali ta' Malta fi Tripli

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hux se jżomm lill-Konslu Ġenerali ta' Malta attwali fi Tripli bħala l-bniedem responsabbli mill-ħruġ tal-visas liċ-ċittadini Libjani li jkunu ġejjin Malta?

Response (FRENDO, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li malli tkun f'posta s-Segretarju Permanenti l-ġdida l-Ministeru se jagħmel review tal-postings eżistenti u tal-policy marbuta ma' dawn il-postings.

Ħal Għaxaq — Qasam Ħal Dmikki - Manutenzjoni fi Blokk A

Question

Tista' il-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni illi l-partijiet komuni formanti Blokk A, Qasam Ħal Dmikki, Għaxaq ilha s-snin ma tiġi mantenuta meta blokok oħra viċin ġew ikkurati?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Għaddejt it-talba ta' l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar għall-azzjoni meħtieġa.

Pulizija — Rapporti dwar każi ta' serq

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew imwettqa serqiet matul Ġunju, 2004? Jista' jikklassifika s-serq? Jista' jgħid kemm ġew solvuti serq matul Ġunju, 2004?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul Ġunju 2004 il-każi ta' serq li ġew irrapurtati lill-Pulizija kienu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, filwaqt li matul l-istess xahar il-Pulizija solviet 37 każ ta' serq.

Pulizija — Rapporti dwar reati

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew imwettqa reati matul Ġunju 2004? Jista' jikklassifika r-reati? Jista' jgħid kemm ġew solvuti reati matul Ġunju, 2004?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub fl-ewwel u fit-tieni tal-Mistoqsija Parlamentari huwa kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija ninsab infurmat illi matul Ġunju 2004 kien hemm 280 persuna misjuba ħatja ta' reati kriminali.

Awtorita' tad-Djar — Każ dwar kera

Question

Tista' il-Ministru tgħid għaliex il-kera residenzjali ta' l-inkwilin li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, ġiet riveduta u miżjuda minn Lm34 għal Lm51 fis-sena?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Jien infurmata illi s-sussidju fuq il-kera tal-post indikat inħadem sewwa skond il-kuntratt iffirmat mill-inkwilin meta ngħata l-post.

Tarzna/Malta Shipbuilding — Ex-ħaddiema

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk fil-kuntratt li ffirmaw l-ex ħaddiema tat-Tarzna/Shipbuilding obbligawx ruħhom li jridu jew ma jridux ikollhom imorru jaħdmu ta' bilfors ma' entitajiet privati?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta tinghata f'xi seduta ohra.

Gudja — Asfaltar ta' toroq

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex Triq il-Palazz u s-service road ta' biswit Vjal it-Torri, Gudja mhux se jiġu mogħtija t-tarmac bħal kumplament tat-toroq fl-area Tax-Xlejli? Jidhirlu li jkun aħjar li dan il-proġett li ilu mistenni ħafna snin jitlesta darba għal dejjem?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab informat illi kien sar ftehim bejn il-kunsill lokali tal-Gudja u l-Awtorita' dwar it-Trasport sabiex ikunu jistgħu jsiru diversi toroq fil-lokalita' li huma ta' priorita' għall-kunsill, sabiex dawn isiru mill-fondi tal-kunsill lokali bil-patt li l-ispejjeż jitħallsu lura mill-awtorita' f'perijodu ta tlett snin. It-toroq stabbiliti mill-kunsill lokali tal-Gudja kienu Triq il-Barunessa, Triq ix-Xlejli, Trejqet H. Pigot, Triq iż-Żogħżija, Triq dorellu Triq il-Markiża. Fir-rigward ta' toroq oħra fil-lokalita', dawn ikunu jistgħu jsiru aktar 'il quddiem skond il-bżonn.

Anzjani — Karta anzjan

Question

Jista' il-Ministru jelenka kemm-il tip ta' karta anzjan differenti jeżistu u fl-istess waqt jgħid x'tip ta' vantaġġi/benefiċċji jeżistu ma kull waħda?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jeżistu żewġ tipi ta' Kartanzjan. Dawn huma Kartanzjan 60+ u Kartanzjan 75+. Il-benefiċċji fuq il-Kartanzjan 60+ huma roħs fuq it-trasport pubbliku, skontijiet fuq il-vapur t'Għawdex, roħs fuq il-biljetti ta' Tradefair u roħs fuq it-telefon (karta roża). Il-Kartanzjan 75+ qegħdha għal persuni li għalqu l-75 sena, għandhom l-istess konċessjonijiet u jiġu ppreferuti fil-queues fl-isptar u kliniċi tas-saħħa.