Huwa minnu li l-Gvern Malti qed jitlob estensjoni ta' l-implimentazzjoni tal-Financial Protocol ma' l-Italja b'sentejn? Jekk iva, fiex waslet din it-talba?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Nikkonfermaw li l-Gvernijijet ta’ Malta u ta’ l-Italja skambjaw Noti Diplomatici bejniethom fl-14 ta’ Gunju li ghadda, fejn intalbet estensjoni ta’ sentejn ghall-implimentar tal-Hames Protokoll Finanzjarju ffirmat ma’ l-Italja. Peress li din it-talba tifforma parti integrali minn dan il-Protokoll, ikun mehtieg li t-talba tkun ratifikata formalament mill-Italja. Il-Gvern Malti qed jaghmel dak kollu possibbli sabiex din ir-ratifika issehh fl-iqsar zmien possibbli.
Jista' il-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi żviluppi dwar ir-ratifika ta' l-Investment Promotion Guarantee Agreement bejn Malta u l-Libja?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Il-ftehim bejn Malta u l-Libja dwar il-Promozzjoni u l-Harsien ta’ l-Investiment, iffirmat f’Ottubru 2003, jidhol fis-sehh appena jkun ratifikat miz-zewg pajjizi. Malta irratifikat il-ftehim fi Frar ta’ din is-sena, filwaqt li l-Libja ghad trid tirratifikah.
Ministeru għal Għawdex — beach cleaning section - nuqqas ta' arja kkundizzjonata
Question
Peress li l-beach cleaning section fil-Ministeru għal Għawdex m'għandhomx air conditioning fl-uffiċini tagħhom, tista' il-Ministru tara li jiġi stallat l-air conditioning unit f'dawn l-uffiċini?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li l-uffiċċju ta' l-iskrivani tal-Beach Cleaning section huwa pprovdut b'arja kkundizzjonata. L-installazzjoni ta' apparat ta' arja kkundizzjonata f'uffiċċju ieħor ta' din is-sezzjoni tiġi kkunsidrata skond il-prioritajiet tad-Dipartiment.
Jista' il-Minsitru jgħid u jispjega kif l-unika frekwenza tar-radju li kien hemm allokata għal Għawdex fuq bażi nazzjonali issa mhux se tibqa' tittrasmetti minn Għawdex?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat illi s-sid ta' Radju Calypso qiegħed fi proċeduri biex ibiegħ il-kumpanija Radju Calypso Ltd. lill-kumpanija oħra. Jien infurmat ukoll li l-Awtorita' tax-Xandir kellha talba quddiemha f'dan is-sens u li hija approvata. Peress li l-istazzjonijiet tar-radju joperaw fuq bażi kummerċjali, s-sid ta' dan l-istazzjon m'għandu l-ebda obbligu li jbiegħ lil xi operatur ieħor ġewwa Għawdex għaldaqstant wieħed għandu dritt li jiddisponi mill-istazzjon skond ir-regoli tas-suq. L-approvazzjoni tal-bejgħ ta' dan l-istazzjon skond l-artiklu 16 ta' l-Att dwar ix-xandir.
Jista' il-Ministru jgħid x'futur għandha l-kumpannija Kalaxlokk u l-ħaddiema tagħha?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Gvern ser jitratta s-sitwazzjoni tal-kumpanija Kalaxlokk eżatt bħal ma' tratta s-sitwazzjonijiet fl-entitajiet l-oħra. Il-futur ta' kumpanija li mhux strateġika jiddependi mill-vijabilita' finanzjarja tagħha.
Possibbli jittieħdu passi biex il-car park ta' Għar Dalam fejn ta' kuljum imorru għadd ta' turisti, jitnaddaf għax ilu fuq xahar biż-żibel miġbur gozz f'nofs il-car park u tħalla hemm?
Jista' jgħid min hu responsabbli li jitnaddaf dan il-post?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li r-responsabbilta` tat-tindif tal-car park ta' Għar Dalam jaqa' taħt il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura. Ninsab infurmat ukoll li d-dipartiment konċernat ġie mgħarraf bis-sitwazzjoni preżenti.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm twieldu trabi fil-gżejjer Maltin, sena b'sena, għal dawn l-aħħar għaxar snin?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fir-Reġistru Pubbliku ma tinżammx statistika tat-tagħrif kif mitlub mill-Onor. Interpellant.
Din l-informazzjoni toħroġ mill-Uffiċċju Nazzjonali ta' l-Istatistika li ma jaqax taħt id-dekasteru tiegħi. Madanakollu dawn infurmawni li n-numru ta' "live births" fil-Gżejjer Maltin, sena b'sena, għal dawn l-aħħar għaxar snin kien kif ġej:-
Sena Numru
1994 4,826
1995 4,613
1996 4,944
1997 4,835
1998 4,488
1999 4,308
2000 4,255
2001 3,859
2002 3,805
2003 3,902
Uffiċċju nazzjonali ta' l-istatistika — Popolazzjoni
Question
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm tgħodd il-popolazzjoni fil-gżejjer Maltin u Għawdxin preżentement?
Jista' jingħata breakdown skond is-sessi u l-age groups (maqbudin għaxar snin għaxar snin mit-twelid sa l-eta' ta' 80 sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif mitlub jinsab fit-tabelli 3A u 3B. It-total tal-popolazzjoni jinkludi anke barranin li kienu qed jgħixu Malta sal-31 ta’ Diċembru 2003.
Dipartiment tat-taxxi interni — Ħlas ta' NI contributions
Question
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm hemm nies li qed iħallsu NI contributions bħalissa? Kemm hemm kategoriji differenti ta' NI? Kemm hemm nies f'kull kategorija?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li n-numru ta’ persuni li ħallsu l-kontribuzzjoni tas-Sigurtà Soċjali matul is-sena 2003 huwa dan:
Self-Employed 19,371
Impjegati 128,329
Għar-rigward ta’ kategoriji differenti, it-tagħrif jinstab fil-website tad-Dipartiment tat-Taxxi Interni. Ninforma wkoll li d-Dipartiment ma jżommx record tan-nies li hemm f’kull kategorija.
Jista' il-Ministru jgħid meta reġa' ġie kostitwit il-kunsill mediku?
Jista' jgħid x'inhuma l-kriterji li dan il-kunsill iħaddem meta jiġbor il-lista ta' każi pendenti mressqin quddiemu?
Jista' jgħid x'tagħrif jagħti lura lil min jiktiblu dwar il-modus operandi tiegħu?
Jista' jgħid x'tagħrif jagħti lura lil min jiktiblu dwar xi membru tal-professjoni tiegħu?
Jekk il-kunsill ma jagħti ebda tagħrif, għal liema raġuni jagħmel hekk?
Jista' jgħid x'rikors ikollhom il-membri tal-pubbliku meta jidħlu f'korrispondenza mal-kunsill mediku u ma jkunux sodisfatti bit-tweġibiet xotti li jingħataw?
Jista' jgħid jekk il-kwerelant għandux dritt għall-aċċess għat-tweġiba mogħtija mill-membri tal-professjoni medika?
Fin-nuqqas ta' rappreżentanza legali, x'għamla oħra ta' protezzjoni jista' ikollhom il-membri tal-pubbliku f'każ li jħossuhom imweġġgħin b'xi għamla ta' abbuż minn membri tal-professjoni li taqa' taħt il-kunsill mediku?
F'dan ir-rigward, xi protezzjoni jagħtihom id-dipartiment u l-ministeru li jaqa' taħt id-dikasteru tal-Ministru tas-Saħħa?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-Kunsill Mediku preżenti ġie kostitwit fil-21 ta' Novembru 2003 (Avviż Legali 357 ta' l-2003). Il-kompożizzjoni tal-Kunsill imbagħad ġiet kompletata fit-22 ta' Marzu 2004 wara li kienu ġew maħtura u eletti l-membri kollha tiegħu (artikolu 9 ta' l-Att ta' l-2003 dwar il-Professjonijiet tas-Saħħa).
Fis-smigħ ta' l-inkjesti l-Kunsill normalment isegwi l-ordni kronoloġiku skond id-data tal-kwerela. Mhux eskluż pero' li jqabbeż każi li fil-fehma tiegħu ikunu iktar urġenti minn każi oħra li l-kwerela dwarhom tkun saret qabel.
Il-Kunsill Mediku jibgħat lil kull min ikun interessat kopja tal-proċedura ta' l-inkjesti miżmumz minnu, flimkien ma' skjarimenti fejn iħoss li jkun meħtieġ.
It-tagħrif li jagħti l-Kunsill Mediku jiddependi minn dak li jikteb min ikun kiteb.
Il-Kunsill ma jagħti ebda tagħrif jekk ma jkollu ebda tagħrif x'jagħti.
F'dan il-każ il-membri tal-pubbliku jkunu jistgħu jitolbu spjegazzjoni mill-Kunsill. F'każ li wara tali talba jibqgħu mhux sodisfatti, allura jaraw jekk ikunux jistgħu jiksbu rimedju skond il-liġi.
Il-kwerelant ikollu d-dritt ikun preżenti matul il-proċeduri kollha ta' l-inkjesta relattiva, u għalhekk ikollu l-opportunita' jsegwi kull ma jintqal f'dik il-proċedura.
F'każ li l-Kunsill jiddeċidi li ma jagħmilx inkjesta, il-kwerelant jiġi mgħarraf b'din id-deċiżjoni u bir-raġuni li għaliha tkun ittieħdet id-deċiżjoni.
Kull membru tal-pubbliku li jilmenta mill-egħmil ta' xi tabib jew dentista jista' jippreżenta lill-Kunsill Mediku kwerela anki mingħajr l-assistenza legali. Il-Kunsill jipproċedi bl-istess mod fuq kwerela kemm jekk tkun saret bl-assistenza legali kemm jekk ma tkunx.
Minħabba li l-funzjoni tal-Kunsill hija awtonoma, il-Ministeru jew id-Diviżjoni ma għandhom l-ebda ġurisdiżjoni fuq każijiet bħal dawn.
Ministeru tal-Finanzi — Xiri ta' ambaxxata ġdida fi Brussels
Question
Jista' il-Prim Ministru jgħid x'kien is-sehem tal-Ministeru tal-Finanzi fid-deċiżjoni li wasslet għax-xiri ta' l-Ambaxxata ġdida ta' Malta fi Brussels li tiswa Lm6.5 miljun? Kien hemm senserija involuta? Kif ġiet identifikata l-proprjeta' mixtrija?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-involviment tal-Ministeru tal-Finanzi f’dan il-każ kien prinċipalment l-aspett finanzjarju tat-tranżazzjoni. F’dan ir-rigward, il-Ministeru tal-Finanzi hu responsabbli għall-finanzjament ta’ l-ispiża relatata.
Mid-dokumenti li għandu l-Ministeru tal-Finanzi, ma jirriżultax li kien hemm involuta senserija.
Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti — Ħaddiema ġodda
Question
Jista’ il-Ministru jinforma lill-Kamra jekk il-kunsill impjegax xi haddiema ġodda full time jew part-time miegħu? Jekk fl-affermattiv, min huma, kif ġew magħżula, kemm qegħdin jitħallsu, u jekk saritx sejħa pubblika għall-applikazzjonijiet? Jaħseb il-Ministru li l-ħatra tal-Professur Joe Friggieri bħala Chairman tal-Kunsill, issa li ħareġ bħala kandidat mal-Partit Nazzjonalista, għadhiex kompattibbli ma’ l-għanijiet nazzjonali u indipendenti li suppost iħaddan il-kunsill?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti ma mpjegax ħaddiema ġodda matul is-sena finanzjarja kurrenti li bdiet fl-1 ta' Ottubru 2003.
Ma jidhirlix li l-kompatibbilta` tal-ħatra tal-Professur Joe Friggieri bħala Chairman tal-Kunsill ġiet b'xi mod effetwata meta huwa ħareġ bħala kandidat għall-Parlament Ewropew. Anzi, huwa dmir ta' kull ċittadin li jwieġeb għal sejħa li jagħmillu pajjiżna biex jaqdi l-poplu bl-abilita` li wieħed ikun jippossjedi.
Jista’il-Ministru jinforma lill-Kamra kemm-il darba iltaqa’ l-kunsill kemm ilu li ġie maħtur, f’liema dati u x’ kienet l-attendenza ta’ kull membru f’dawn il-laqghat?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Qed inqiegħed fuq il-mejda tal-kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
Jikkonferma l-Ministru li mis-sena akkademika li jmiss ma jkunx għadu rekwiżit l-Ingliż fil-livell avvanzat għad-dħul fil-kors tal-Ligi? Meta ttieħdet din id-deċiżjoni?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ir-rekwiżiti preżenti, applikabbbli minn Ottubru 2004 kienu ppublikati b'Avviż Legali 36 ta' l-2002 u jistabilixxi li biex student jidħol fl-ewwel kors tal-Liġi - Baccelerat fil-Liġi - jrid "jgħaddi f'żewġt suġġetti fil-Livell Avvanzat bi grad C jew aħjar magħżula mill-Gruppi 1,2,3 jew fil-Computing/Information Technology (Gruppp 4) ta' l-Eżami għaċ-Ċertifikat tal-Matrikola". Dan sar biex jippermetti li l-istudenti jkollhom aktar għażla wiesgħa ta' suġġetti li jistgħu jistudjaw flimkien mal-liġi fil-kors.
Informat ukoll li għad-dħul fit-tieni kors tal-Liġi (LL.D) l-istudenti irid ikollhom ukoll ċertifikat li għaddew fl-Ingliż u fil-Livell Intermedjarju jew ogħla.
Jista’ il-Ministru jgħid jekk fl-eżami tas-SEC ta' l-Ingliż f'Paper A, il-komponiment tnaqqas għal bejn 320 u 350 kelma waqt li dik ta' Paper B tnaqqsu għal bejn 180 u 200 kelma? Ma jaħsibx li dan ibaxxi l-livell ta' l-Ingliż? X' kien l-iskop wara din id-deċiżjoni?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ il-Ministru jgħid jekk ġiex deċiż in-numru ta' ġranet (jew sigħat) ta' skola għas-sena skolastika li jmiss u meta se jkun hemm il-vaganzi tal-mid-term?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' ġranet ta' skola għas-sena skolastika li jmiss huwa ta' 173 ġurnata u n-numru ta' sigħat hu 902.00.
Informat ukoll li l-vaganzi tal-mid-term huma mill-1 ta' Novembru 2004 sat-3 ta' Novembru 2004.
Paceville — Żgħażagħ taħt l-eta' fi stabbilimenti tax-xorb
Question
Peress li kelli ilmenti li f'Paceville kmieni wara nofsinhar il-Ħadd qed ikun hemm numru ta' żgħażagħ, anke ta' 13 u 14-il sena li jkunu qed jixorbu l-alkoħol f'bars fl-inħawi, jista' il-Viċi Prim Ministru jara li l-pulizija tagħmel ir-ronda wkoll f'dawn il-ħinijiet speċjalment bejn is-2.00 p.m. u l-5.00 p.m.?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija ser tkompli tagħmel ronda kif imsemmi mill-Onorevoli Interpellant.
Awtorita' tad-djar — Talba għal akkomodazzjoni alternattiva
Question
Tista' il-Ministru tgħid x'tama hemm li anzjana li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li għandha aktar minn 80 sena li tgħix f'post, li apparti li huwa sub-standard mhuwiex addattat għall-ħtieġijiet tagħha, tiġi pprovduta post alternattiv peress li f'dan il-post jgħixu wkoll numru kbir ta' nies?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Jien infurmata illi d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali qed jikkunsidra l-applikazzjoni ndikata flimkien ma' oħrajn simili.