Legislature:
Category:
Reset
Active:

Taxxi Interni — Ħlas ta' taxxa fuq reġistrazzjoni ta' konvenji

Question

Jista' il-Prim Ministru jispjega x'kienet ir-raġuni li l-obbligazzjoni li jiġu reġistrati l-konvenji u titħallas 1% bħala taxxa provizjonarja giet proposta sa Ottubru 2004? Jista' jispjega għaliex sa l-aħħar minuta n-nutara ma ġewx informati bl-arranġament il-ġdid? Jista' jagħti dettalji nutar, nutar ta' kemm ġew reġistrati konvenji taħt dawn ir-regolamenti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-estensjoni ngħatat fuq talba ta’ diversi avukati minħabba kawżi pendenti u proċeduri fil-Qrati u fuq talba tan-Notarjat in ġenerali. Id-deċiżjoni ttieħdet fl-aħħar ġimgħa ta’ Ġunju u n-nutara interessati ġew avżati. In-numru ta’ konvenji ta’ bejgħ jew ta’ trasferiment ta’ proprjetà immobbli sal-1 ta’ Lulju, 2004 li bihom kien avżat il-Kummissarju tat-Taxxi Interni għall-fini tar-regoli ta’ l-Att dwar it-Taxxa fuq Dokumenti u Trasferimenti (Kap. 364) kien ta’ ħamest elef, tlett mija u sitta u tletin (5,336) li minnhom erbat elef, tmien mija u tnejn u sittin (4,862) kellhom bħala xhud tal-firem tal-partijiet in-Nutara kif muri fil-lista annessa.

Sewege treatment plant

Question

Jista' il-Ministru jgħid għalfejn il-kuntratt għas-sewage treatment plant tat-Tramuntana ta' Malta ma ingħatax bit-tender meta dak l-istess servizz f'Għawdex ingħata b'tender? Jista' il-Ministru jgħid kemm jiswa' dan il-kuntratt?

Response (GATT, AUSTIN)

Nirreferi lill-Onor Interpellant ghat- twegibiet li ngħataw ghall-Mistoqsijiet Parlamentari 5401,5658,5976 u 6090. Il-procedura li ntużat fil-kaz tas-sewage treatment plant tat-tramuntana hi bhal dik li qed tintuża fil-kaz ta' kuntratti oħra li ser jithallsu mill-protocol Taljan. L-istima tal-proġett tas-sewage treatment plant tat-tramuntana ta' Malta tammonta ghal madwar 11.3 miljun Euro.

Produzzjoni tal-bajd frisk

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kienet il-produzzjoni tal-bajd frisk matul l-ewwel sitt xhur tas-sena xahar b'xahar separatament? Jista' jipprovdi l-istess informazzjoni għall-istess perjodu għal dawn l-aħħar ħames snin sena b'sena?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Drama Unit

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhu l-involviment tas-Sur Mario Azzopardi fid-Drama Unit? Jista' jgħid jekk hemmx xi persuni oħra minbarra l-persuna imsemmija? Jekk iva, jista' jgħid x'inhu x-xogħol li qed jagħmlu?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li is-Sur Mario Azzopardi huwa inkarigat mit-tmexxija ta' l-iskola tad-Drama li torganizza korsijiet ta' filgħaxija. Fit-Taqsima tad-Drama ( Drama Unit ) hemm Uffiċjal Edukattiv, s-Sur John Suda, li jmexxi t-Taqsima, kif ukoll dsatax-il għalliem Peripatetiku u Koordinatur tas-Suġġett. Hemm ukoll żewġ għalliema tad-Drama f'Għawdex. Ix-xogħol tagħhom huwa fl-iskejjel kif ukoll fil-produzzjoni ta' " Theatre In Education" , li huma rappreżentazzjonijiet b'suġġett edukattiv.

Little Armier — Servizz ta' drenaġġ u ilma f'beach rooms

Question

Jista' il-Ministru jgħid xi pjani għandha l-korporazzjoni għas-servizzi ta' l-ilma biex twassal is-servizzi tad-drenaġġ u l-ilma lill-iżjed minn 1,500 beach room li saret applikazzjoni għalihom biex jinbnew fl-inħawi tal-Little Armier? Kemm hi stmata li se tkun in-nefqa għal kull wieħed minn dawn is-servizzi u min se jġorr l-ispiża biex dawn is-servizzi jiġu estiżi f'dawn l-inħawi?

Response (GATT, AUSTIN)

IL-KSI m'ghandha l-ebda applikazzjoni ghall-provista ta' ilma f'1500 beach room fl-Little Armier. Madwar sentejn u nofs ilu l-Works Division fi hdan il-Ministeru ghall-Ambjent talab stima fuq l-infrastruttura necessarja biex jigi provdut is-servizz ta' l-ilma ghal zvilupp imsejjha "Armier Develoment Project". Din l-istima saret u ntbagħtet lill-Works Division fis 27 ta' Marzu 2002. Dak iz-zmien din kienet tlaħħaq bejn Lm180,000 u Lm235,000. Dak iz-zmien, meta il-possibilita' ta' dan l-izvilupp kienet qed tigi kkunsidrata, id-Dipartiment tad-Drenaġġ kien parti mill-istess Ministru ghall-Ambjent u mhux parti mill-KSI.

Fondazzjoni għas-servizzi edukattivi

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'rapporti saru s'issa mill-fondazzjoni għas-servizzi edukattivi biex jevalwaw ix-xogħol tagħha? Min għamel dawn ir-rapporti? Kemm sewa kull rapport? Jista' ipoġġi kopja tar-rapporti kollha fuq il-mejda tal-Kamra? X'passi prattiċi ttieħdu dwar dawn ir-rapporti?

Response (GALEA, LOUIS)

L-ewwel nixtieq nirreferi lill-Onor. Evarist Bartolo għall-Mistoqsija Parlamentari numru 988 dwar l-istess suġġett li twieġbet fis-Seduta Nru 21 tas-7 ta' Lulju 2003 . Fl-2002, il-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi ikkummissjonat evalwazzjoni tal-parteċipazzjoni tal-ġenituri fl-attivitajiet ta' Klabb Ħilti. Din l-evalwazzjoni ġiet ikkumissjonata 4 xhur biss mill-ftuħ ta' l-ewwel sitt ċentri ħilti sabiex jiġu identifikati, fil-fażi bikrija ħafna, dawk l-elementi li jinħtieġu tisħiħ jew bidla. L-evalwazzjoni saret fiċ-Ċentri l-aktar vulnerabbli sabiex setgħet tittieħed azzjoni korrettiva immedjatament. L-evalwazzjoni twettqet minn Dr. Carmel Borġ u Dott. Denise Chircop. Qed inpoġġi kopja tas-Suċċint ta' l-evalwazzjoni minħabba li r-rapport jagħmilha faċli li jiġu identifikati skejjel u persuni. L-evalwazzjoni qamet Lm984. Il-Fondazzjoni qiegħda fil-proċess li tevalwa żewġ servizzi: (a) Il-Programm Nwar u (b) wieħed mill-programmi marbuta mal-Proġett PEFAL (Parent Emplowerment for Family Literacy). Ir-rapport ta' dawn iż-żewġ evalwazzjonjiet għandhom ikunu lesti f'Settembru 2004. Barra minn dawn, internament, il-Fondazzjoni kontinwament tevalwa ħidmiet bl-użu ta' diversi għodod. L-evalwazzjoni interna hi parteċipativa u tinvolvi ġenituri, ħaddiema ta' l-FES, l-għalliema u Kapijiet ta' skejjel. Ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra id-dokument "Evaluation of the Id f'Id f'Hilti Programme".

Freeport — Privatizzazzjoni

Question

Jista' il-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess tal-privatizzazzjoni tal-Freeport ta' Malta? X'passi qed jittieħdu biex meta l-Freeport jgħaddi għand tmexxija privata barranija jitħares l-interess komuni ta' pajjiżna u nkunu moqdija sew għal skop ta' importazzjoni u esportazzjoni?

Response (GATT, AUSTIN)

Nixtieq ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li dħalna fil-fażi finali ta' dan il-proċess. Il-ħarsien ta' l-interess ta' l-ekonomija Maltija huwa wieħed mill-objettivi primarji ta' dan l-eżerċizzju u se jiġi trattat f'wieħed mill-kuntratti konnessi mal-privatiżżazzjoni.

MEPA — Bini fuq il-lukanda ex Cavalieri f'San Ġiljan

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'passi ttieħdu biex f'dawn l-aħħar xahrejn jiġi żgurat li l-bini li qed isir fuq il-lukanda ex Cavalieri fi Triq Spinola, f'San Ġiljan qed isir skond l-obbligi li ħarġu l-MEPA dwar l-istrutturi li jistgħu jsiru?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li numru ta' spezzjonijiet saru mit-taqsima ta' l-infurzar ta’ l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) tul dawn l-aħħar xahrejn. Mill-aħħar spezzjoni li saret ma jirriżulta li hemm l-ebda struttura li m' hix skond il-pjanti approvati.

Sptar San Luqa — Gradwati fil-mediċina

Question

Jikkonferma l-Minsitru li din is-sena l-gradwati l-ġodda fil-mediċina se jibdew jaħdmu l-isptar mill-15 flok mill-1 ta' Lulju bħas-soltu? X'kienet ir-raġuni għal din il-bidla? Se jibda jiġri hekk kull sena jew din is-sena kienet eċċezzjoni? Fil-każ, għaliex?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li din ma hix l-ewwel darba li ngħatat konċessjoni bħal din. Dan sar fuq talba ta' l-istudenti nfushom permezz tar-rappreżentanti tagħhom stanti li r-riżultat finali ħareġ fil-25 ta' Ġunju 2004 u xtaqu li jkollhom ftit jiem mistrieħ wara l-istress ta' l-eżamijiet qabel jibdew ix-xogħol. Fil-fatt ser jsir induction programme fid-9 ta' Lulju u ser jibdew jaħdmu mit-12 ta' Lulju 2004.

MIA — Ajruplan KM615

Question

Jista' il-Ministru ġentilment iwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6428 u cioe' jista' jgħid jekk l-ajruplan li għamel it-titjira minn Ruma għal Malta KM615 ta' nhar is-Sibt 26 ta' Ġunju 2004 u li wasal Malta għall-ħabta tat-8.30 p.m. ġiex ipparkjat fil-parti ta' l-airport fejn proprju kien ġara l-inċident ta' ajruplan ieħor ta' l-Air Malta li kien ħabat ma' arblu u għamel ħsarat konsiderevoli? Jekk ir-risposta hi fl-affermattiv, x'inhi r-raġuni li pparkja hemm meta fl-inkjesta mmexxija mill-Maġistrat Saviour Demicoli kien ikkonkluda li din il-parti ta' l-ajruport hi nieqsa minn ċerti faċilitajiet u li setgħu wasslu għall-inċident imsemmi?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat illi l-ajruplan bit-titjira KM615 tas-26 ta' Ġunju ma kienx ipparkjat kif semma l-Onor. Interpellant fil-mistoqsija tiegħu.
Leg 10 PQ #6516 Sitting 151 2004-07-14 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Raħal Ġdid — Ġnien Qaddafi

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li l-Gvern Malti qed jitlob finanzjament Libjan sabiex jiġi refurbished Ġnien Qaddafi f'Raħal Ġdid?

Response (FRENDO, MICHAEL)

Il-Ministeru responsabbli mill-Agrikoltura u s-Sajd kien għamel talba lill-Gvern Libjan għall-assistenza biex jiġi stabbilit Ġnien Klassiku Għarbi. Ġnien Qaddafi huwa wieħed mis-siti suġġeriti.
Leg 10 PQ #6517 Sitting 151 2004-07-14 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

President Tuneżin — Żjara f'Malta

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi żviluppi dwar iż-żjara prospettiva tal-President Tuneżin f'pajjiżna?

Response (FRENDO, MICHAEL)

Il-Presidenza Tuneżina għadha ma għarrfitx lill-Gvern Malti bid-data proposta għal din iż-żjara.
Leg 10 PQ #6518 Sitting 151 2004-07-14 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Ambaxxatur Malti fl-Istati Uniti — Laqgħa mal-Viċi President tal-BOEING

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma jekk hux minnu li l-Ambaxxatur Malti fl-Istati Uniti kellu laqgħa mal-Viċi President tal-BOEING dwar l-interess tagħhom fil-Libja fost suġġetti oħrajn?

Response (FRENDO, MICHAEL)

Ninsab informat li l-Ambaxxatur Malti f'Washington waqt attivita soċjali, ġie introdott mal-Viċi President tal-Boeing Thomas Pickering. Din ma kenitx laqgħa informali.
Leg 10 PQ #6519 Sitting 151 2004-07-14 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

EUROMED Foundation — Executive Director

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma li kandidat Malti ġie short listed għall-kariga ta' Executive Director tal-EUROMED Foundation fo Inter Cultural Dialogue f'Lixandra, l-Eġittu?

Response (FRENDO, MICHAEL)

Nikkonferma li kandidat Malti kien wieħed minn 7 li ġew short-listed mill-Unjoni Ewropea minn fost 170 persuna li applikaw għall-post ta' Executive Director ta' l-"Anna Lindh Foundation for the Dialogue of Cultures". Jirriżulta iżda li l-kandidat Malti mhuwiex fost iż-żewġ persuni rakkomandati għall-għażla finali mill-kumitat tas-selezzjoni tal-Unjoni Ewropea.
Leg 10 PQ #6520 Sitting 151 2004-07-14 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

General Fisheries Commission for the Mediterranean — Segretarjat Permanenti

Question

Jikkonferma l-Ministru li Malta bħalissa qd tagħmel lobbying sabiex tospita is-Segretarjat Permanenti tal-General Fisheries Commission for the Mediterranean?

Response (FRENDO, MICHAEL)

Nikkonferma illi Malta wriet l-interess li tospita is-Segretarjat Permanenti tal- General Fisheries Commission for the Mediterranean. Min-naħa tat-Taqsima tas-Sajd saru ħafna kuntatti waqt laqgħat fuq sajd fil-Mediterran fejn il-ħidma u l-futur tal-Kummissjoni ġiet diskussa. Barra minn hekk, il-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent kiteb ukoll lill-Organiżżazzjoni Amministrattivi tas-Sajd fil-Mediterran fejn ġie espress l-interess ta' Malta biex tospita din l-Kummissjoni. L-Ambaxxati intalbu wkoll jagħtu l-assistenza tagħhom f'din il-materja.

Ministeru tal-Ġustizzja u Intern — Biljetti ta' l-ajru

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid liema huma dawk id-dipartimenti, kumpanniji, awtoritajiet u korporazzjonijiet li f'dawn l-aħħar ħames snin għamlu użu jew għadhom jagħmlu użu mis-servizzi tal-kumpannija li isimha qed jintbagħat separatament? F'kull każ, kemm kien l-ammont totali involut u jekk intalbux kwotazzjonijiet mingħand aġenti oħra? Jekk intalbu kwotazzjonijiet, liema kienu l-aġenti l-oħra li mingħandhom intalbu l-kwotazzjonijiet?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-uniku dipartiment li jaqa' taħt id-dekasteru tiegħi li għamel użu mill-kumpanija li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant hu dak tal-Pulizija. Infurmat ukoll illi: 1. Bħala proċedura, fir-rigward ta' safar uffiċċjali minn membri tal-Korp tal-Pulizija, il-biljetti tal-ajru jinxtraw mingħand il-kumpanija Air Malta. Rigward safar ieħor, u ċioe', dak relatat mar-ripatriazzjoni ta' l-immigranti illegali, bħala proċedura, id-Dipartiment tal-Pulizija jiddeċiedi mnejn jixtri l-biljetti ta' l-ajru wara li jintalbu 'quotations' mingħand diversi aġenziji ta' l-ivjaġġar, u tiġi aċċettata l-irħas offerta. Il-kumpanija Tourist Resources Ltd. kienet l-irħas offerta aċċettabli fil-każijiet li ġiet magħżula. 2. L-ammonti li ntefqu bejn l-1999 u l-2003 kienu kif ġej: Sena Tourist Resources Ltd. Lm Air Malta Lm Oħrajn Lm 1999 1,705 21,063 14,060 2000 2,867 9,056 3,371 2001 1,865 11,149 632 2002* 2,835 150,669 18,286 2003* 12,301 87,868 24,065 * L-ammont għal dawn is-snin jinkludi spejjeż biex ġew ripatrijati immigranti llegali. 3. Huwa konfermat li din is-sena ma nxtara l-ebda biljett mingħand it-Tourist Resources Ltd. Anki matul din is-sena, ntużat l-istess proċedura msemmija fir-risposta numru 1. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija naħseb li la jkun prudenti u lanqas prattiku li nipprovdi l-ismijiet kollha ta' dawk l-aġenziji/kumpaniji li minn għandhom intalbu kwotazzjonijiet f'dawn l-aħħar ħames snin.

Tarzna/Malta Shipbuilding — Ex-ħaddiema

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk fil-kuntratt li ffirmaw l-ex ħaddiema tat-Tarzna/Shipbuilding obbligawx ruħhom li jridu jew ma jridux ikollhom imorru jaħdmu ta' bilfors ma' entitajiet privati?

Response (GATT, AUSTIN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għal dak li hemm miftiehem fil-ftehim bejn il-Gvern u l-GWU, u cioe, "(f) Ix-Xogħol li jista' jkun identifikat ser ikun (i) mal-gvern stess (ii) ma' entitajiet tal-Gvern inklużi Kunsilli Lokali (iii) ma' PPP eżistenti jew ġodda (iv) mal-Privat fuq bażi volontarju jew wara konsultazzjoni effettiva mal-Unions."

Korp tal-pulizija — Membri

Question

Jista’ il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' pulizija bħalissa? Jista’ jgħid ukoll kif inhuma mqassma skond ir-ranks tagħhom? Kemm hemm vakanzi bħalissa f' kull rank?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fil-preżent hemm 1,820 membru fil-Korp tal-Pulizija. Dawn huma mqassma kf ġej: Kummissarju 1 Deputat Kummissarju 1 Assistent Kummissarju 9 Supretendent 24 Spettur 95 Surġent Maġġur 1 Surġent 271 Kuntistabbli 1,418 Infurmat ukoll illi fil-ġimgħat li ġejjin ser tkun pubblikata sejħa għall-reklutaġġ ta' kuntistabbli.