Legislature:
Category:
Reset
Active:

Pulizija — Każ ta' dixxiplina

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhu jżomm milli tiġi segwita d-dixxiplina fil-każ li hemm rappurtat fil-file tal-pulizija li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, meta fil-każ in eżami tneħħa mix-xogħol ta' xufier?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-każ imsemmi mill-Onorevoli Interpellant ġie investigat u jinsab appuntat għas-smigħ f'waħda mis-seduti tad-dixxiplina li jmiss.

MEPA — Arei li nħakmu mill-għargħar

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-MEPA ħaditx miżuri jew policies neċessarji fir-rigward tal-widien u l-areas li nħakmu mill-għargħar fil-15 ta' Settembru li għadda? Hemm ħsieb li jkun hemm xi pjan jew policy paper li tiggwida l-iżvilupp f'dawn l-areas?

Response (PULLICINO, GEORGE)

It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f’ seduta oħra.

Ħal Qormi — Asfaltar ta' toroq

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma meta se jinbeda x-xogħol fuq Triq in-Nassab u Triq Marko Montebello, f'Ħal Qormi wara li t-tenders għal dawn ix-xogħlijiet ħarġu madwar tmien xhur ilu? Jista' jgħid għaliex qed jittieħed dan id-dewmien kollu fl-għoti ta' dawn it-tenders?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab informat illi f'Settembru 2003 kienet ħarġet tender sabiex isiru toroq: Triq in-Nassab u triq Marco Montebello, hekk kif imsemmi mill-Onor. Interpellant. Dawn it-tenders ma kienux ingħataw minħabba li l-prezzijiet mitluba mill-kuntrattur kienu konsiderevolment ogħla mil-limiti stabiliti mid-direttorat. Madanakollu, l-imsemmija tenders reġgħu inħarġu fi Frar 2004 u fil-preżent għadhom qed jiġu aġġudikati.

Tiġrija taż-żwiemel — Permess

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 6274, jista' il-Ministru jgħid għaliex ma ngħatax il-permess għat-tiġrija taż-żwiemel fit-triq ( by-pass ta' l-Imrieħel) organizzata fl-okkażjoni tal-festa ta' San Ġorġ, f'Ħal Qormi?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li ma kien hemm l-ebda applikazzjoni bil-miktub għal dan l-permess.

Ikel fid-djar ta' l-anzjani

Question

X'tip ta' skrutinji qed isir fuq l-ikel li jiġi servut fid-djar ta' l-anzjani, kemm dak li jiġi preparat u msajjar inhouse,kif ukoll ta' l-outside caterers?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħal ma kien isir qabel sew nies mid-Dipartiment kif ukoll l-Ispettur mill-Public Health Unit jagħmlu l-iskrutinji neċessarji fuq l-ikel kollu li jiġi servut fid-Djar ta' l-Anzjani, kemm dak li jiġi ppreparat u msajjar in house, kif ukoll dak ipprovdut mill-outside caterers.

VAT fuq id-dawl u l-ilma

Question

Jista' il-Prim Ministru jassigura li l-VAT fuq id-dawl u l-ilma mhux se tgħaddi fuq il-konsumatur?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-mistoqsija hi ipotetika. F’materja ta’ tassazzjoni ebda Gvern responsabbli ma jista’ jagħti xi assigurazzjoni bħal ma qed tintalab. Madanakollu żgur li dan il-Gvern mhux ser jagħmel bħal ma għamel il-Gvern Laburista meta qabad u żied ir-rati tad-dawl u l-ilma bl-addoċċ.

Imsida home — Airconditioners

Question

Jista' il-Ministru jgħid hux minnu li l-airconditioners fl-Imsida Home humiex bil-ħsara? Jekk iva meta se jissewwew?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li peress li ġrat xi ħsara fis-sistema ta' l-arja kondizzjonata fid-Djar ta' l-Anzjani ta' l-Imsida, d-Dipartiment ħa l-passi kollha meħtieġa biex kollox jiġi għan-normal fl-iqsar żmien possibli. Fil-frattemp, biex jittaffa l-inkonvenjent ġew mixtrija numru konsiderevoli (50) ta' fannijiet sakemm kollox jiġi għan-normal.

Imsida Home

Question

Jista' il-Ministru jgħid xi proċedura tiġi segwita dwar ilmenti li jitressqu quddiem min hu in charge fl-Imsida Home?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħal ma kien jiġri sal-lum kull ilment li jitressaq quddiem l-persuna in-charge fl-Imsida Home jiġi trattat skond il-gravita tiegħu. Dawk l-ilmenti li jitqiesu bħala minuri jiġu trattati immedjatament mill-persuna in-charge innifsu Meta l-persuna in-charge mill-Home iqis l-ilment imressaq huwa aktar serju, dan jirreferi l-ilment bil-miktub lid-Direttur għall-Anzjani u Kura fil-Komunita' biex jikkonsidra l-każ u eventwalment tittieħed deċiżjoni. Madankollu, jista' jagħti l-każ fejn id-Direttur jordna li jsiru aktar investigazzjonijiet meta l-każ involut jimmerita din l-attenzjoni.

Mediċini — Out of Stock

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex mhux tingħata garża (gauze) miċ-Ċentru tas-Saħħa u l-Isptar lil dawk li huma eliġibbli biex jieħdu mediċini b'xejn? Jista' jgħid għaliex dan ir-rekwiżit bażiku għal kura huwa out of stock ukoll f'SVDP Residence?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba għada qed tinġabar, risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Rekluti — Forzi Armati

Question

Peress li ħafna mill-applikazzjonijiet għar-rekluti mal-Forzi Armati ta' Malta li għalqu dan l-aħħar ġew rifjutati minħabba kontravenzjonijiet tat-traffiku li tniżżlu fuq il-kondotti, ma jaħsibx il-Prim Ministru li l-applikanti ma kellhomx jiġu mċaħħda minħabba dawn il-multi tat-traffiku?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li l-proċess ta’ reklutaġġ fil-Forzi Armati, bħal kull eżami pubbliku ieħor, qiegħed jitmexxa mid-Dipartiment ta’ l-Eżamijiet u għaldaqstant l-Onorevoli Membru għandu jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Gozo Channel — Ħaddiema

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta ser jiġi rivedut il-ftehim dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema tal-Gozo Channel?

Response (GATT, AUSTIN)

Il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema huma regolati b'żewġ Ftehim Kollettivi. Il-Ftehim Kolletiv li jirregola l-ħaddiema li jaħdmu fuq il-baħar (minbarra l-uffiċċjali) u n-nies li jaħdmu x-xatt, u li skada fl-aħħar ta' Settembru 2002, preżentament qed jiġi negozjat . Il-Ftehim Kollettiv mal-uffiċċjali li jaħdmu fuq il-vapuri jiskadi fl-aħħar ta' Diċembru 2004.

Gozo Channel — Garr ta' luggage

Question

Jista' il-Ministru jgħid u jispjega għal-liema raġuni mhux qed ikun hemm ġarr ta' luggage mat-tripsta' wara nofs in-nhar fuq il-vapuri tal-Gozo Channel?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li l-UHM ordnat lill-membri tagħha ma jipprovdux is-servizz tal-ġarr tal-bagalji għat-turisti u l-passiġġieri, liema azzjoni mingħajr ġustifikazzjoni qed toħloq inkonvenjent għal xejn. Din id-direttiva ngħatat wara li l-Kumpannija ma' laqgħetx it-talba tal-UHM sabiex jiżdiedu l-ħaddiema li jieħdu ħsieb is-servizzi tal-bagalji -bl-iskuża li l-ħaddiema li qed jieħdu ħsieb dan ix-xogħol illum issa fis-sajf għandhom wisq x'jagħmlu. Il-kumpanija toffri servizz billi żewġ impjegati tagħha fiċ-Ċirkewwa u tnejn fl-Imġarr jgħabbu l-bagalji tat-turisti f'vettura apposta u mbagħad għal fuq il-vapur u mbagħad iħottu l-bagalji mal-wasla fid-destinazzjoni tal-vapur. Mir-records jidher li fil-fatt, it-traffiku tal-bagalji żdied bi ftit ħafna u din iż-żieda ma tiġġustifikax l-ispiża li jiżdiedu l-ħaddiema mal-bagalji. Minħabba l-insistenza tal-UHM, il-kumpanija iddeċediet, u fil-fatt implimentat il-proċedura li titlob lill-passiġġiera jkunu huma li jqiegħdu il-bagalji tagħhom fil-luggage trolleys ħlief għal passiġieri anzjani jew b'diżabilita' fejn għandha tibqa' l-għajnuna ta' l-impjegati tal-kumpanija. Dan il-bdil sar biex jassigura li l-passiġġieri jinqdew xorta waqt li l-ħaddiema ma jkollhomx għalfejn jgħidu li żdidilhom wisq ix-xogħol. Minkejja din is-soluzzjoni, il-UHM ordnat lill-ħaddiema jwaqqfu s-servizz tal-luggage trolleys.

Kunsill Lokali Rabat Għawdex — Temporary parking permit

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għal-liema raġuni l-awtoritajiet kompetenti f'Malta qegħdin idumu ħafna, anke sena biex jawtoriżżaw lill-Kunsill Lokali tar-Rabat Għawdex sabiex ibiddel temporary parking permit f'wieħed permanenti fl-iskema ta' pparkjar għar-residenti?

Response (BORG, TONIO)

Nifhem li l-mistoqsija ta' l-Onor. Membru tikkonċerna l-Controlled Parking Scheme fir-Rabat (Għawdex). Peress li din taqa' taħt il-kompetenza ta' l-Awtorita' dwar it-Trasport, nitlob lill-Onor. Interpellanti biex tirreferi l-mistoqsija tagħha lill-Ministru konċernat.

Għawdex — Frekwenza Nazzjonali tar-Radju

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 6554, peress li issa Għawdex ma għandhux frekwenza nazzjonali jista' il-Ministru jgħid hux ser tingħata frekwenza oħra minflok dik ta' Radio Calypso?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat illi fis-26 ta' Lulju l-Awtorita' tax-Xandir se tħabbar ir-riżultati ta' business study li se jitfa' dawl dwar is-sitwazzjoni tar-radju nazzjonali eżistenti u jekk għandhomx jiġu allokati frekwenzi ġodda għax-xandir. Dan il-Ministeru għalhekk qed jistenna li jirċievi r-rakkomandazzjonijiet ta' l-Awtorita' tax-Xandir qabel ma jiddeċiedi kif għandu jipproċedi f'dan il-qasam.

Awtorita' tax-Xandir — Frekwenzi Nazzjonali

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 6554 jista' il-Ministru jforni d-dettalji kollha dwra dan it-trasferiment u dwar il-mod ta' kif it-talba ġiet determinata mill-Awtorita' tax-Xandir?

Response (GALEA, ĊENSU)

Billi l-Awtorita' tax-Xandir mhiex parti mid-dikasteru li jaqa' taħt ir-responsabilta' tal-Ministeru għall-Kompetittivita' u Komunikazzjoni, nitlob lill-Onorevoli Interpellanta tagħmel id-domanda tagħha lill-Ministru kkonċernat.

Membru Parlamentari Ewropew — Impjegat mal-Bank of Valletta

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk Membru Parlamentari Ewropew elett riċentement għadhux jidher fuq il-kotba tal-Bank of Valletta bħala impjegat jew jekk huwiex qiegħed leave without pay?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minħabba in-natura kummerċjali tal-BOV, mhux fl-interess tal-kumpanija li jingħata it-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant.

Local Cruising — Vapuri

Question

Jista' il-Ministru jgħid liema huma l-vapuri li qed joperaw preżentament fl-ibħra Maltin inkonnesjoni mas-settur turistiku Local Cruising? Jista' il-Ministru jgħid liema minn dawn huma mixtrija, charteredjew mod ieħor? F'kull każ kemm tħallset VAT u liema minn dawn ġew eżentati u f'kull każ kemm kien il-valur imħallas jew eżentat? Jista' jgħid ukoll separatament kemm inxtraw u jew inkrew vapuri minn sidien Maltin u barranin f'dawn l-aħħar sentejn biex joperaw għall-Boat Tripstat-Turisti f'ibħra lokali? Jista' jgħid liema huma dawn il-vapuri?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Postijiet turistiċi — Xogħol ta' bini u kostruzzjoni

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'qed isiri biex fiż-żoni turistiċi, speċjalment fis-sajf (bejn Mejju u Ottubru) ma jħallix jew jirristrinġi u jwaqqaf, bħal ma huma qed jagħmlu pajjiżi kompettivi tagħna fis-settur turistiku, xogħol ta' bini u kostruzzjoni u dehera ta' krejnijiet, li huma eye sore f'dawn iż-żoni b'mod partikolari viċin il-lukandi? Jafx jew le l-Ministru li t-tour operators fid-dinja kolla jikkonsidraw li ma jibagħtux turisti fil-lukandi fejn ikun qiegħed isir xogħol ta' bini li jidher mil-lukandi? Jafx ukoll li dan kollu qed ikun ta' detriment għall-proffitibilita' ta' diversi lukandi totali? Jafx ukoll li wħud minn dawn il-lukandi għandhom ban totali mit-tour operators u li dan ifisser theddida fuq l-impjieg tal-ħaddiema? Japprezza l-Ministru li pajjiżna qed jikkompeti mal-pajjiżi tad-dinja kollha għat-turiżmu u jekk il-Gvern jaddotta l-politika li kulħadd jagħmel li jrid, kif irid u fejn irid mingħajr ebda protezzjoni għall- industrija turistika, allura t-turiżmu tagħna ser ikompli jiġi affettwat negativament?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' l-istqarrija għall-istampa numru 872 li titkellem dwar xogħlijiet ta' kostruzzjoni f'żoni turistiċi. Din l-istqarrija tirrifletti il-ftehim milħuq bejn il-Ministeru u d-diversi entitajiet li jirrapreżentaw lill-kuntratturi biex, kemm jista' jkun, jitnaqqas l-inkonvenjent għat-turisti kif ukoll għar-residenti f'dawn l-inħawi. Filwaqt li napprezza u nifhem l-ispirtu ta' din il-mistoqsija, naħseb li l-Onor Membru japprezza wkoll li jrid ikun hemm bilanċ bejn iż-żewġ industriji - dik tat-turiżmu u dik tal-kostruzzjoni. Dak li qed jiġri llum bil-ftehim imsemmi hawn fuq hu pass fid-direzzjoni it-tajba u intiż biex l-għanijiet taż-żewġ industriji jintlaħqu bl-inqas xkiel possibbli.

Sliema — Triq il-Kulleġġ l-Antik

Question

Jista' il-Ministru jieħu l-passi kolha meħtieġa biex isiru l-ispezzjonijiet u t-tiswijiet kollha neċessarji fi Triq il-Kulleġġ l-Antik, f'Tas-Sliema minn bieb numru 3 sa 13, peress li r-residenti li joqogħdu f'dawn id-djar qed jidħlilhom ilma jew drenaġġ mil-ħitan tagħhom, liema ilma jew drenaġġ ġej minn xi leakage tas-sistemi ta' l-ilma jew drenaġġ li għaddejjin mill-istess triq jew f'xi triq fil-viċinanza?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.