Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ħal Qormi — Wied it-Tiġieġ

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se jitkompla t-tindif ta' Wied it-Tiġieġ f'Ħal Qormi (Il-Wied li jinsab biswit Triq l-Imdina u Tal-Ħandaq), liema tindif kien inbeda wara l-għargħar tal-15 ta' Settembru li għadda u baqa' ma tlestiex għaliex il-ħaddiema tal-Public Works li kienu assenjati fuq dan ix-xogħol ittieħdu fuq xogħol fuq il-proġett ta' Paceville? Jista' jagħti l-konferma tiegħu jekk dan ix-xogħol hux se jitlesta qabel Settembru li ġej?

Response (ZAMMIT, NINU)

L-Onor. Interpellant għandu jiftakar li x-xogħol ta' tisbiħ ta' Paceville kien ipprogrammat qabel il-15 ta' Settembru, liema xogħol kien jitlob ħaddiema tas-sengħa. Rigward ix-xogħol fil-Water Course tal-Marsa/Qormi, ix-xoghol ta' tindif li kien ilu jinġema għal dawn l-aħħar 30 sena inbeda mmedjatament hekk kif għaddiet il-maltempata. Sussigwentement ġie mfassal programm ta' manutenzjoni, bini ta' mollijiet, twessiegħ tal-Water course u saħansitra twaqqigħ u bini mill-ġdid ta' pontijiet, fost oħrajn, liema xogħlijiet fil-preżent għaddejjin kif ippjanati. It-tindif ta' Wied it-Tiġieġ, ta' Wied is-Sewda u ta' Wied il-Kbir huma parti minn dan il-programm estensiv ta' xogħlijiet.

Ħal Qormi — Wied is-Sewda

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se jinbeda x-xogħol ta' tindif u tħammil fl-inħawi ta' Wied is-Sewda f'Ħal Qormi (minn Ħ'Attard sa Triq il-Wied), liema xogħol kien imwiegħed lill-kunsill lokali Qormi f'Jannar li għadda? Jista' jgħid jekk hux se jiġu rranġati dawk it-toroq mhux urbani fosthom Triq tal-Ħlas u Triq Ħ'Attard li tkissru wara l-għargħar tal-15 ta' Settembru li għadda? Jista' jikkonferma jekk dawn ix-xogħlijiet hux se jinbdew qabel Settembru li ġej?

Response (ZAMMIT, NINU)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 6738.

Ħal Qormi/Marsa — Xogħol konness mal-proġett ta' l-għargħar

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm, bejn wieħed u ieħor, se jdum sejjer ix-xogħol konness mal-proġett ta' l-għargħar fl-inħawi ta' Ħal Qormi u l-Marsa, peress li milli jidher dan ix-xogħol jinsab lura ħafna u l-partijiet fil-widien tan-naħiet ta' fuq għadu ma nbediex? Jista' jgħid jekk, bħala parti minn dawn ix-xogħlijiet, huwiex se jnaddaf il-Menqa fil-Marsa biex l-ilma tax-xita ikun jista' jmur lejn il-baħar mingħajr ebda problema?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi x-xogħol konness mal-proġett ta’ l-għargħar fl-inħawi ta’ Ħal Qormi u l-Marsa jikkonsisti fit-twessiegħ tal-korsa ta’ l-ilma tax-xita bejn Triq Manwel Dimech, Ħal Qormi u Triq Aldo Moro, Marsa. Qed isir ukoll it-twessiegħ tal-pont ta’ Triq l-Iljun biex jitnaqqsu l-ostakli għall-passaġġ ta’ l-ilma tax-xita. Dan ix-xogħol mistenni li jkun lest matul din is-sena. Rigward it-tindif tal-Menqa fil-Marsa ninforma lill-Onor. Interpellant illi x-xogħol ingħata b’offerta u dan mistenni li jinbeda fil-futur qarib.

PBS — Programm "Istrina" - Fondi lill-għaqdiet volontarji

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi għaqdiet volontarji li qed jaħdmu b'risq l-annimali li bbenefikaw minn fondi li nġabru mill-programm tal-PBS "Istrina"? Jekk iva, liema kienu dawk l-għaqdiet u kemm kien l-ammont ta' fondi li ngħataw?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li ebda għaqda volontarja li taħdem b'risq l-annimali ma bbenefikat mill-fondi li nġabru mill-programm tal-PBS L-Istrina.

Produzzjoni ta' ilma permezz tar-reverse osmosis

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hi l-ispiża għall-produzzjoni ta' l-ilma permezz tar-reverse osmosis għal kull metru kubu? Jista' jgħid ukoll kemm kienet l-ispiża globali għall-produzzjoni ta' l-ilma permezz tal-proċess ta' reverse osmosis għas-snin 2002 u 2003, u kemm minn din l-ispiża kienet sussidjata? Jista' jgħid ukoll kemm minn dan l-ilma li ġie prodott peremzz tar-reverse osmosis ġie mitluf?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Skejjel tas-sajf — Ħlas ta' 18% VAT

Question

Peress li issa ġie kkonfermat li trid titħallas VAT ta' 18% fuq kull tifel u tifla li jattendu skejjel tas-sajf, jista’ il-Prim Ministru jgħid jekk kull skola jew organizzazzjoni li torganizza dawn l-iskejjel tas-sajf trid tirreġistra bħala tali? Meta tkun mistennija li tagħmel il-ħlas tal-VAT?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qegħda tinġabar u tingħata tweġiba f'xi seduta oħra.

Skejjel tas-sajf — Ħlas ta' 18% VAT

Question

Peress li issa ġie kkonfermat li trid titħallas VAT ta' 18% fuq kull tifel u tifla li jattendu skejjel tas-sajf, jista’ il-Prim Ministru jgħid jekk kull skola jew organizzazzjoni li torganizza dawn l-iskejjel tas-sajf trid tirreġistra bħala tali? Meta tkun mistennija li tagħmel il-ħlas tal-VAT?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nixtieq ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li skejjel u entitajiet li jorganizzaw skejjel tas-sajf, fejn tkompli tingħata instruzzjoni f’materji li huma normalment mgħallma matul is-sena skolastika u li jifformaw parti mill-kurrikulu nazzjonali, mhux suġġetti għall-ħlas tal-VAT imam jkunu kkunsidrati bħala persuni eżentati mingħajr kreditu. Iżda, meta persuni jew entitajiet jagħmlu attivatijiet u jagħtu servizzi, bħal per eżempju jieħdu ħsieb tfal biex iderrulhom il-ħin, dawn huma suġġetti għar-rata normali tal-VAT ta’ 18%. Dawn ikunu meħtieġa li jirreġistraw għall-VAT. F’dan ir-rigward, dalwaqt ser jinħarġu struzzjonijiet lil dawk l-iskejjel u l-individwi biex ikun iċċarat kif għandhom jimxu meta jingħataw dawn it-tip ta’ servizzi matul is-sajf jew f’vaganzi oħra matul is-sena.

Minsiteru tal-Familja — Biljetti ta' l-ajru

Question

Tista' il-Ministru tgħid liema huma dawk id-dipartimenti, kumpanniji, awtoritajiet u korporazzjonijiet li f'dawn l-aħħar ħames snin għamlu użu jew għadhom jagħmlu użu mis-servizzi tal-kumpannija li isimha qed jintbagħat separatament? F'kull każ, kemm kien l-ammont totali involut u jekk intalbux kwotazzjonijiet mingħand aġenti oħra? Jekk intalbu kwotazzjonijiet, liema kienu l-aġenti l-oħra li mingħandhom intalbu l-kwotazzjonijiet?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li ma kien hemm ebda dipartiment jew entita' oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi li f'dawn l-aħħar ħames snin għamlu użu jew għadhom jagħmlu użu mis-servizzi tal-kumpanija ndikata mill-Onor. Interpellant. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija naħseb li la jkun prudenti u lanqas prattiku li nipprovdi l-ismijiet kollha ta' dawk l-aġenziji/kumpanniji li minn għandhom intalbu kwotazzjonijiet f'dawn l-aħħar ħames snin.

Ministeru għall-Kompetittivita' u Komunikazzjoni — Biljetti ta' l-ajru

Question

Jista' il-Ministru jgħid liema huma dawk id-dipartimenti, kumpanniji, awtoritajiet u korporazzjonijiet li f'dawn l-aħħar ħames snin għamlu użu jew għadhom jagħmlu użu mis-servizzi tal-kumpannija li isimha qed jintbagħat separatament? F'kull każ, kemm kien l-ammont totali involut u jekk intalbux kwotazzjonijiet mingħand aġenti oħra? Jekk intalbu kwotazzjonijiet, liema kienu l-aġenti l-oħra li mingħandhom intalbu l-kwotazzjonijiet?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li s-servizzi tal-kumpanija msemmija fil-Mistoqsija Parlamentari sar użu minnhom f'okkażżjoni waħda mill-Malta Maritime Authority u l-ammont kien ta' Lm143.70. Dwar l-aħħar parti tal-mistoqsija naħseb li la jkun prudenti u lanqas prattiku li nipprovdi l-ismijiet kollha ta' dawk l-aġenziji/kumpaniji li minn għandhom intalbu kwotazzjonijiet f'dawn l-aħħar ħames snin.

Ministeru għall-Iżvilupp Urban u t-Toroq — biljetti ta' l-ajru

Question

Jista' il-Ministru jgħid liema huma dawk id-dipartimenti, kumpanniji, awtoritajiet u korporazzjonijiet li f'dawn l-aħħar ħames snin għamlu użu jew għadhom jagħmlu użu mis-servizzi tal-kumpannija li isimha qed jintbagħat separatament? F'kull każ, kemm kien l-ammont totali involut u jekk intalbux kwotazzjonijiet mingħand aġenti oħra? Jekk intalbu kwotazzjonijiet, liema kienu l-aġenti l-oħra li mingħandhom intalbu l-kwotazzjonijiet?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Infurmat li l-Awtorita' dwar it-trasport għamlet użu mis-ervizzi tal-kumpanija imsemmija kif indikat. Sena finanzjarja 2002/2003 - nefqa totali Lm2,469 li jkopru l-ispejjeż tal-biljetti. L-ammonti totali ta' spejjeż konnessi kien ta' Lm28,180. Sena finanzjarja 2003/2004 - nefqa totali Lm11,957 li jkopru l-ispejjeż tal-biljetti. L-ammonti totali ta' spejjeż konnessi kien ta' Lm38,486. Sena finanzjarja tagħlaq f'Settembru, 2004. Dwar l-aħħar parti tal-mistoqsija naħseb li la jkun prudenti u lanqas prattiku li nipprovdi l-ismijiet kollha ta' dawk l-aġenziji/kumpaniji li minn għandhom jintalbu kwotazjonijiet f'dawn l-aħħar ħames snin.

Uffiċċju tal-Prim Ministru — Biljetti ta' l-ajru

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid liema huma dawk id-dipartimenti, kumpanniji, awtoritajiet u korporazzjonijiet li f'dawn l-aħħar ħames snin għamlu użu jew għadhom jagħmlu użu mis-servizzi tal-kumpannija li isimha qed jintbagħat separatament? F'kull każ, kemm kien l-ammont totali involut u jekk intalbux kwotazzjonijiet mingħand aġenti oħra? Jekk intalbu kwotazzjonijiet, liema kienu l-aġenti l-oħra li mingħandhom intalbu l-kwotazzjonijiet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qegħda tinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.

Ministeru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent — Biljetti ta' l-ajru

Question

Jista' il-Ministru jgħid liema huma dawk id-dipartimenti, kumpanniji, awtoritajiet u korporazzjonijiet li f'dawn l-aħħar ħames snin għamlu użu jew għadhom jagħmlu użu mis-servizzi tal-kumpannija li isimha qed jintbagħat separatament? F'kull każ, kemm kien l-ammont totali involut u jekk intalbux kwotazzjonijiet mingħand aġenti oħra? Jekk intalbu kwotazzjonijiet, liema kienu l-aġenti l-oħra li mingħandhom intalbu l-kwotazzjonijiet?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li fl-aħħar ħames snin kien hemm okkażjoni waħda meta sar użu mis-servizzi ta' l-aġenzija msemmija sabiex żewġ uffiċċjali, wieħed mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti u l-ieħor mid-Dipartiment għall-Politika u Ippjanar, ipparteċipaw f' Konferenza tat-World Trade Organisation (WTO) f 'Settembru, 2003, li saret f' Cancun, il-Messiku. L-ammont kien ta' Lm 1,080.60. Din kienet l-iktar waħda vantaġġjuża minn fost kwotazzjonijiet li nġabru.
Leg 10 PQ #6534 Sitting 153 2004-07-20 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma li l-Gvern Malti kien talab lill-ODIHR tal-OSCE-Organisation for Security and Co-operation in Europe) sabiex jibagħtu osservaturi għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, liema talba kienet ġiet irrifjutata?

Response (FRENDO, MICHAEL)

Nikkonferma li l-Gvern Malti kien talab lill-ODIHR ta' l-OSCE (Organisation for Security and Co-operation in Eujrope) sabiex jibagħtu osservaturi għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. Invit simili sar minn numru ta' Stati Membri ta' l-Unjoni Ewropea. L-ODIHR ddeċidiet li fiċ-ċirkustanzi jkun aktar utili li ssegwi l-proċess fuq perspettiva aktar wiesgħa ta' l-Unjoni flok fuq bażi nazzjonali. In vista ta' dan l-ODIHR iddeċidiet li ma tilqax l-inviti li sarulha mill-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea.

Skejjel ta' l-Istat — Letteratura Ingliża

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-Letteratura Ingliża huwiex suġġett obbligatorju fl-iskejjel ta' l-Istat? Kemm kien hemm studenti subien u bniet li qagħdu għall-eżami f'dan is-suġġett fis-SEC f'Mejju li għadda?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li il-Letteratura Ingliża huwa suġġett obligatorju fl-iskejjel ta' l-Istat. Dan japplika għall-Junior Lyceums kif ukoll għall-Area Secondaries. Fil-każ tal-Junior Lyceums l-istudenti jagħmlu l-eżami tal-Letteratura tas-SEC waqt li fil-każ ta' l-Area Secondaries dawn għandhom sillabu differenti fejn is-suġġett tal-letteratura huwa obbligatorju wkoll iżda l-livell tiegħu huwa aċċessibli għall-istudenti ta' dawn l-iskejjel. Informat ukoll li fil-Forms 1 - 3 tal-Junior Lyceum u fil-Forms 1 - 5 tal-Area Secondary il-Letteratura Ingliża tkun parti integrali mill-lezzjonijiet kif ukoll mill-eżami tal-lingwa Ingliża. Ninsab informat ukoll li F'Mejju 2004 kien hemm 1137 subien u 1637 bniet li qagħdu għall-eżami fil-Letteratura fil-Livell tas-Sec.

Skejjel ta' l-Istat — Tagħlim tal-lingwa Ingliża lill-barranin

Question

Jista' il-Ministru jgħid liema huma dawk l-iskejjel ta' l-Istat li se jintużaw minn organizzazzjonijiet biex jiġi mgħallem l-Ingliż lill-barranin f'dan is-sajf? F'kull każ, kemm hu l-ħlas li ntalab u x'kondizzjonijiet oħra jridu jitħarsu?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li t-tagħrif mitlub ma laħaqx wasal, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Skejjel tal-Knisja/Skejjel indipendenti — Kapijiet

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx kapijiet ta' l-iskejjel tal-Knisja u dawk indipendenti li m'għandhomx ir-rekwiżiti rikjesti mil-liġi biex ikollhom din il-kariga? Jekk iva, jista' jelenka l-iskejjel konċernati u jgħid għaliex dawn in-nies ġew mogħtija din il-kariga? Jista' jgħid ukoll jekk warrant temporanju huwiex suffiċjenti għal kariga ta' kap jew deputat kap ta' skola?

Response (GALEA, LOUIS)

Sa fejn jirriżultali t-tweġiba għall-ewwel żewġ partijiet tal-Mistoqsija hi fin-negattiv. Warrant Temporanju mhuwiex meqjuż suffiċjenti għal-kariga ta' kap jew assistent kap ta' skola.

Skejjel — Bejgħ ta' ikel mit-tuck shops

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 6302 li oriġinarjament saret lill-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunita' u cioe' peress li qed ikolli diversi lmenti minn ġenituri li jibagħtu lit-tfal tagħhom fid-diversi skejjel ta' l-istat, privati u tal-knisja, fejn dawn jilmentaw minn ikel u xorb li jevitaw id-dar, iżda li jinbiegħ f'tuck shops u canteens ta' l-iskejjel, jista’ jgħid għaliex minflok linji gwida ma toħroġx ordni biex ċerti ikel, xorb u ħelu ma jkunux jistgħu jinbiegħu? Ma jaħsibx li dan jgħin bil-kbir biex jevita l-obesita' fit-tfal u b'hekk jgħin inaqqas l-ispiża fil-kura?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li t-tagħrif mitlub għadu ma wasalx, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Kummissjoni Elettorali — Każ dwar votazzjoni

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 6308, jista' il-Prim Ministru jgħid x'inhi d-diffikulta' li l-Kummissjoni Elettorali ma tieħux inizjattiva hi sabiex tirranġa din l-istramberija?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-Uffiċċju Elettorali jieħu l-passi meħtieġa malli jkollu rapport. F’dal-każ partikolari malli waslet l-informazzjoni permezz tal-mistoqsija parlamentari numru 6308, saret spezzjoni fuq il-post. Il-persuni konċernati ġew avżati verbalment u b’ittra reġistrata biex jibdlu l-indirizz fuq il-karta ta’ l-identita u fir-reġistru elettorali.

Skejjel tas-sajf — Ħlas ta' 18% VAT

Question

Jista' il-Prim Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 6307 u cioe' peress li issa ġie kkonfermat li trid titħallas VAT ta' 18% fuq kull tifel u tifla li jattendu skejjel tas-sajf, jista’ jgħid jekk kull skola jew organizzazzjoni li torganizza dawn l-iskejjel tas-sajf trid tirreġistra bħala tali? Meta tkun mistennija li tagħmel il-ħlas tal-VAT?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 6307 f’din l-istess seduta.