Legislature:
Category:
Reset
Active:

PBS — Co-ordinator finance/co-ordinator administration

Question

Jista' il-Ministru jgħid xi kriterji ntużaw fl-intervisti għall-ħatriet ta' co-ordinator finance u co-ordinator administrationfil-PBS? Kemm kienu jġorru marki kull wieħed minn dawn il-kriterji? Kemm ġabu marki l-kandidati li applikaw għal dawn iż-żewġ postijiet għal kull kriterju? X'kienu r-rakkmandazzjonijiet tal-bord ta' l-għażla għal dawn iż-żewġ gradi?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

PBS — Co-ordinator news

Question

Jista' il-Ministru jgħid xi kwalifiċi akkademiċi għandha s-sinjura li għadha kif ingħatat il-ħatra ta' co-ordinator news fil-PBS? Kemm-il sena ilha taħdem fil-PBS din il-persuna? Kemm ilha tagħmel xogħol ta' aħbarijiet fl-istess kumpannija? X'kien il-grad ta' din l-istess persuna qabel ingħatat il-kariga ta' co-ordinator news?

Response (GATT, AUSTIN)

Is-sejha għall-applikazzjoni talbet jew għal kwalifiċi akkademiċi jew għall-esperjenza. Din is-sejha qatt ma qiset kwalifiċi akkamdemiċi bħala mandatorji għall-ħatra. Il-kriterji l-oħra kienu dawk diġa msemmija fit-tweġiba 6645. Ma nistax nifhem kif l-Onorevoli Interpellanta qed titlob għal informazzjoni fuq kriterju wieħed minn ħafna li ntuzaw għall-għażla. L-impjegata li qed tirreferi għaliha l-Onor. Interpellanta ilha taħdem max-xandir mill-1 ta' April 1987 u minn dejjem ħadmet fid-departiment ta' l-aħbarijiet. Il-grad tagħha kien ta' News Executive.

PBS — Ħaddiem

Question

Jista' il-Ministru jgħid xi kwalifiċi akkademiċi għandu l-ħaddiem tal-PBS li ismu qed jintbagħat separatament? Kemm-il sena ilu jaħdem fil-PBS u kemm ilu jagħmel xogħol fil-qasam ta' l-aħbarijiet fl-istess kumpannija? X'inhu l-grad fil-PBS ta' din il-persuna?

Response (GATT, AUSTIN)

Is-sejħa għall-applikazzjoni talbet jew għal kwalifiċi akkademiċi jew għall-esperjenza. Din is-sejha qatt ma qiset kwalifiċi akkademiċi bħala mandatorji għall-ħatra. Ma nistax nifhem kif l-Onorevoli Interpellanta qed titlob għal informazzjoni fuq kriterju wieħed minn ħafna li ntużaw għall-għazla. Il-persuna msemmija beda jaħdem max-xandir fil-15 ta' Marzu 1976, u minn dejjem għamel xogħol fit-taqsima ta' l-aħbarijiet. Il-kariga tiegħu hija ta' Assistant Manager Current Affairs.

Dipartiment ta' l-aħbarijiet — Persuni nkarigati biex jagħmlu l-intervisti

Question

Jista' il-Ministru jgħid min kienu l-persuni mqabbda sabiex jagħmlu l-intervisti fid-dipartiment ta' l-aħbarijiet fil-PBS? Xi kwalifiċi u esperjenzi għandhom dawn il-persuni fil-qasam ġurnalistiku? Fuq liema kriterji ġew assessjati u sussegwentement magħżula mill-istess bord ta' l-għażla, il-persuni li se jibqgħu fil-kamra ta' l-aħbarijiet tal-PBS? X'relazzjoni diretta jew mhux, kellhom dawn il-persuni maċ-ċentru ta' l-aħbarijiet?

Response (GATT, AUSTIN)

Il-persuni mqabbda sabiex jagħmlu l-intervisti fid-dipartiment ta' l-aħbarijiet kienu dawn: Josef Said - HR Consultant - MISCO Oliver Lautier - MIMCOL Michael Gonzi - MIMCOL Laurence Mizzi - Persuna b'esperjenza twila fil-qasam tax-xandir Andrew Psaila - Chief Executive - PBS Il-kriterji li fuqhom ġew magħżula l-persuni li se jibqgħu fil-Kamra ta' l-Aħbarijiet huma dawk imsemmija fit-tweġiba għal mistoqsija nru. 6645.

Dipartimenti tal-PBS — Persuni nkarigati biex jagħmlu l-intervisti

Question

Jista' il-Ministru jgħid min kienu l-persuni mqabbda sabiex jagħmlu l-intervisti fid-dipartimenti kollha tal-PBS? Xi kwalifiċi u esperjenzi għandhom dawn il-persuni f'kull qasam relattiv? X'relazzjoni diretta jew mhix kellhom dawn il-persuni mad-dipartimenti konċernati fil-PBS?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

PBS — Manager news and registered editor

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li ma nstab ħadd b'esperjenza ġurnalistika sodisfaċenti minn dawk kollha li applikaw biex jieħdu l-kariga ta' manager news and registered editor fil-PBS?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li l-informazzjoni li għandha l-Onor. Interpellant mhix korretta.

Eżamijiet tal-MATSEC

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm studenti għamlu l-eżamijiet tal-MATSEC, livell ordinarju din is-sena skond kull suġġett? Jista' jgħid kemm minn dawn l-istudenti għaddew u kemm m'għaddewx minn dawn l-eżamijiet skond kull suġġett? Jista' jaqsam l-informazzjoni fi studenti bniet u studenti subien?

Response (GALEA, LOUIS)

Infurmat li n-numru ta' studenti li għamlu l-eżamijiet fil-livell tas-Sec skond kull suġġett u kemm minnhom għaddew bi gradi 1 sa 5, jew bi gradi 1-7 u kemm ma għaddewx jidhru fit-Tabella1. Tabella 2 turi l-istess informazzjoni maqsuma bejn bniet u subien. It-tabelli qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.

Sliema — Triq il-Kulleġġ l-Antik

Question

Jista' il-Ministru jieħu l-passi kolha meħtieġa biex isiru l-ispezzjonijiet u t-tiswijiet kollha neċessarji fi Triq il-Kulleġġ l-Antik, f'Tas-Sliema minn bieb numru 3 sa 13, peress li r-residenti li joqogħdu f'dawn id-djar qed jidħlilhom ilma jew drenaġġ mil-ħitan tagħhom, liema ilma jew drenaġġ ġej minn xi leakage tas-sistemi ta' l-ilma jew drenaġġ li għaddejjin mill-istess triq jew f'xi triq fil-viċinanza?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li wara nvestigazzjonijiet preliminari li saru mill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma ġie stabbilit li l-ilma msemmi ġej mis-sistema tad-drenaġġ. Għaldaqstant se ssir investigazzjoni bis-CCTV biex tiġi lokalizzata l-ħsara fis-sistema tad-drenaġġ.

MEPA — Chalet tas-Sliema

Question

B'referenza għal proġett tax-Chalet tas-Sliema, jista' il-Ministru jgħid jekk ġietx sottomessa applikazzjoni lill-MEPA mill-iżviluppatur magħżul għal dan il-proġett? Jekk fl-affermattiv f'liema stadju wasal l-iproċessar ta' din l-applikazzjoni?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-applikazzjoni relattiva hija PA 486/02, u ġiet sottomessa f' Jannar 2002. Kif jista' japprezza l-Onor. Interpellant, l-iżvilupp propost hu f’ sit sensittiv, u n-negozjati ma' l-applikant għadhom għaddejjin.

Power station — Break water

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li jiġi rranġat il-break water tal-power station għax issa ilu mkisser? Billi hemm riskju li l-maltemp ikisser xi opri tas-sajd tas-sajjieda Xlukkajri, possibbli dan jingħata priorita'?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat illi dan il-moll kien inbena mill-Enemalta li allura hija responsabbli wkoll għall-manutenzjoni tiegħu. Għaldaqstant nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Żabbar — Garden Road - masġar taż-żebbuġ

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se jitkompla u jitlesta l-masġar taż-żebbuġ li hemm f'Garden Road, Żabbar? Billi jekk jiġi rranġat dan il-masġar ikun jista' jitgawda mhux biss miż-Żabbarin imma anke mill-komunita' tal-Kottonera, possibbli li jsir sforz biex dan jitlesta?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li dan il-masġar jaqa' taħt ir-responsabbilta' tal-Kunsill Lokali Żabbar. Għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Universita' — Fakulta' ta' l-Inġinerija Elettrika

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk ir-riċerki għat-teżijiet ta' l-istudenti tal-Fakulta' ta' l-Inġinerija Elettrika hux se jiġu ffinanzjati mill-Universita' ta' Malta, bħas-snin ta' qabel, jew hux se jiġu imposti fuq l-istudenti stess?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li t-tagħrif mitlub ma laħaqx wasalli fil-ħin, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Kummissjoni għall-Familja

Question

Tista il-Ministru tgħid kif inhi ffurmata il-Kummissjoni għall-Familja, x'inhu l-brief tagħha u għal kemm żmien; min huma l-membri u kemm jithallsu? Tista' il-Ministru tpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tar-Rapport li l-Kummissjoni għall-Familja għada kemm ippreżentat? Tista' tgħid min kiteb dan ir-rapport - jekk hux ibbażat fuq xi riċerka li saret? Jekk saret riċerka, min ordnaha? X'kien il-brief? Min għamilha u kemm tħallas biex saret?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba fl-ewwel ħames partijiet tal-Mistoqsija kif ukoll kopja tar-rapport, ippublikat mill-Kummissjoni Nazzjonali Familja, li għamlet referenza għalih l-Onor. Interpellanti. L-awturi ta' dan ir-rapport huma dawk murija f'paġna 4 u nkiteb wara proċess ta' konsultazzjoni ma' diversi entitajiet u dokumenti kif indikat fl-istess rapport. Ninsab infurmata li l-uniċi spejjeż biex inkiteb u ġie ppublikat ir-rapport kienu dawk marbuta ma' l-istampar, li sar l-Istamperija tal-Gvern.