Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 10 PQ #6541 Sitting 155 2004-07-21 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Ambaxxata Maltija fil-Ġermanja

Question

L-Ambaxxata Maltija fil-Ġermanja kellha xi forma ta' tweġiba mid-Dresdner Bank wara li saru rappreżentazzjonijiet lill-uffiċċju tagħhom fi Frankfurt sabiex jippromwovu lil Malta bħala ċentru għas-servizzi finanzjarji kif ukoll bħala hub finanzjarju fil-Mediterran?

Response (FRENDO, MICHAEL)

S'issa ma kienx hemm tweġiba mid-Dresdner Bank għall-ittra li ntbagħtet fis-27 ta' Mejju 2004.

Polish Law Enforcement Agencies — Membri li jiġu Malta biex jitgħallmu l-Ingliż

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'kien l-eżitu tal-proposta li saret lill-awtoritajiet Pollakki sabiex jibagħtu membri tal-Polish Law Enforcement Agencies f'Malta sabiex jitgħallmu l-Ingliż?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li s'issa ma saret l-ebda talba bil-miktub dwar dan.

Investment guarantee agreement

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid x'kienet ir-reazzjoni tal-Gvern Daniż għat-talba tal-Gvern Malti sabiex jiġi ffirmat investment guarantee agreement mad-Danimarka?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Peress li Malta issa hija stat membru ta’ l-Unjoni Ewropea, kemm il-Gvern Malti u kemm il-Gvern Daniż huma tal-fehma li ma hemmx ħtieġa ta’ investment guarantee agreement bejn żewġ pajjiżi membri minħabba li l-garanziji li għalihom jipprovdi ftehim bħal dan huma diġà parti integrali mill-acquis communautaire.

San Ġiljan — Triq San Ġorġ - asfaltar

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se tiġi asfaltata mill-Gvern Ċentrali St. George's Road, San Ġiljan minħabba l-kondizzjoni ħażina li tinsab fiha?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab informat illi Triq San Ġorġ hija triq asfaltata u tinsab f'kondizzjoni tajba, għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant biex jivverifika l-isem tat-triq li għaliha qed jagħmel il-mistoqsija parlamentari.

Sigurta' Soċjali — Allowance ta' l-għoli tal-ħajja

Question

Tista' il-Ministru ġentilment tinvestiga għaliex il-koppja li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, għadhom ma rċevewx l-allowance supplimentari għall-għoli tal-ħajja?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Id-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali għaddej bil-proċess biex jirrevedi 'l-fuq minn 29,000 applikazzjoni għall-Allowance Supplimentari u sa l-10 ta' Lulju tħallsu madwar 17,000 benefiċjarju. Hu maħsub li dan l-eżerċizzju jkun lest sa l-aħħar ta' dan ix-xahar u l-applikazzjoni tal-koppja ndikata mill-Onor. Interpellant tkun ġiet ipproċessata u tirċievi l-pagament jekk ikun dovut.

Servizz Ċivili — Ħaddiema sospiżi minn fuq il-post tax-xogħol

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema tal-gvern sospiżi minn fuq il-post tax-xogħol u xi grad kellhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed nassumi li l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għal uffiċjali pubbliċi li bħalissa jinsabu interdetti mill-eżerċizzju tas-setgħat u tal-funzjonijiet tal-kariga tagħhom. Ninsab infurmat li bħalissa hemm 42 uffiċjal pubbliku li jinsabu interdetti mill-eżerċizzju tas-setgħat u tal-funzjonijiet tal-kariga tagħhom. L-informazzjoni l-oħra mitluba mill-Onorevoli Interpellant tinsab fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Reġistru Pubbliku — Żwieġ biċ-ċivil

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm saru żwieġ biċ-ċivil sena b'sena, mill-2000 sa l-2004 s'issa?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi n-numru ta' żwieġijiet li saru biċ-ċivil fis-snin indikati mill-Onor. Interpellant hu kif ġej:- Sena Malta Għawdex 2000 449 32 2001 455 19 2002 544 41 2003 747 65 2004* 376 21 *Sat-13 ta' Lulju.

Sigurta' Soċjali — Benefiċċji soċjali

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm hemm persuni li għandhom xi benefiċċju tal-gvern wieqaf u x'tip ta' benefiċċju huwa?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għall-benefiċċji mħallsa taħt l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali għandi ninfurmah li dawn il-benefiċċji jistgħu jkunu wieqfa għal diversi raġunijiet, fosthom li l-benefiċjarju stess jkun irrapporta bdil fiċ-ċirkostanzi u l-każ ikun qed jiġi rivedut, il-każ ikun qed jiġi nvestigat, id-Dipartiment ikun qed jistenna li jirċievi nformazzjoni mill-applikant jew il-benefiċjarju ma jkollux dritt aktar għall-benefiċċju skond il-liġi. Ninsab infurmata li ma tinżammx statistika dwar benefiċċji wieqfa u l-uniku mezz biex tingħata l-informazzjoni mitluba hu li jiġu eżaminati manwalment il-każijiet kollha individwalment. Ma nħossx li eżercizzju bħal dan, li jirrikjedi ħafna żmien u riżorsi kemm finanzjarji kif ukoll umani, hu ġustifikat li jsir, partikolarment meta d-Dipartiment għandu jikkonċentra biex jipproċessa t-talbiet għall-benefiċċji.

Reġistru Pubbliku — Żwieġijiet biċ-ċivil

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm saru żwieġijiet biċ-ċivil minn Maltin ma' nisa/irġiel barranin mill-01/01/2004 sal-lum u ta' liema nazzjonalita' huma?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi n-numru ta' żwiegijiet biċ-ċivil minn Maltin ma' nisa/irġiel barranin bejn l-1 ta' Jannar u t-13 ta' Lulju 2004 kien ta' 174 (171 f'Malta u 3 f'Għawdex). Il-barranin kienu ġejjin mill-pajjiżi li jidhru fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Qrati — Traffikar ta' persuni bi skop ta' prostituzzjoni

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm-il persuna tressqet il-qorti f'dawn l-aħħar ħames snin, mill-1999 'il hawn dwar traffikar ta' persuni bi skop ta' prostituzzjoni? F'liema sena? Minn fejn kienu l-persuni barranin li dwarhom saru l-akkużi?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi minn meta daħlu fis-seħħ f'Mejju 2002, l-emendi għall-Kodiċi Kriminali (artikolu 248B ta' Kap. 9) dwar traffikar ta' persuni għal prostituzzjoni, kien hemm 14-il persuna li ġew akkużati quddiem il-Qorti b'dan ir-reat. Il-persuni li dwarhom saru l-akkużi huma mir-Russja u mill-Ukrajna.

Pulizija — Nies li ma tħallewx jidħlu f'Malta

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien hemm nies li f'dawn l-ewwel sitt xhur ta' din is-sena ma tħallewx jidħlu fil-port u fl-ajruport separatament u x'kienu r-raġunijiet prinċipali għal dan? Tinżamm statistika kemm kien hemm irġiel u kemm kien hemm nisa? Mil-liema pajjiżi kienu prinċipalment?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fl-ewwel sitt xhur ta' din is-sena kien hemm 240 persuna li ma tħallietx tidħol wara li waslet Malta. Minn dawn 7 waslu fil-baħar filwaqt li 233 waslu bl-ajru. Ir-raġunijiet li għalihom dawn in-nies intbagħtu lura kienu prinċipalment li: Ma jkollhomx id-dokumenti kollha neċessarji Ikollhom dokumenti falsifikati Ma jkollhomx mezzi biżżejjed biex imantnu lilhom infushom f'Malta Jiġi stabbilit li ma jkunux ġew Malta għal skop ġenwin ta' turiżmu Ma jkollhomx biljett għar-ritorn Ikunu suġġetti ta' xi struzzjonijiet biex ma jitħallewx jidħlu Malta minħabba xi każ preċedenti jew xi raġuni oħra. Dawn kienu minn dawn il-pajjiżi: Algeria Chad Guatemala Moldovia Pakistan Sri Lanka Angola China India Morocco Philippines Syria Belgium Colombia Kenya Nepal Romania Turkey Bulgaria Egypt Libya Nigeria Russia Ukrania Cameroon Yugoslavia

WSC — Kontijiet tad-dawl u l-ilma

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb li l-kontijiet tad-dawl u l-ilma jibdew jaslu b'mod aktar regolari lill-konsumatur? Jaf li l-fatt li qed ikun hemm dewmien, xi kultant esaġerat, dan qed jikkawża tbatija f'ċertu familji?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li d-dewmien fil-qari ta' l-arloġġi ta' l-ilma u l-elettriku (u allura d-dewmien fil-ħruġ tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma) kien riżultat ta' diffikultajiet inizjali biex tkun introdotta sistema kompjuterizzata għal qari ta' dawn l-arloġġi. Permezz ta' din is-sistema, il-qari ta' l-arloġġ issa qed jiddaħħal direttament fuq strument żgħir li l-meter reader iżomm f'idejh. B'hekk il-qari ta' l-arloġġ jista' jiġi vverifikat fuq il-post. Il-korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma diġa ħadet passi biex fix-xhur tas-sajf jiżdied il-qari tal-meters biex b'hekk is-sistema terġa tiġi għan-normal. Konsumaturi li jkollhom diffikultajiet billi l-ħlas mitlub ikun għal-perjodu itwal minn normal jistgħu jagħmlu arranġament mal-Korporazzjoni biex il-kont ma jitħallasx f'daqqa.

Enemalta — Qtugħ fis-servizz kawża ta' kontijiet pendenti

Question

Jista' il-Ministru jgħid fl-ewwel sitt xhur ta' din is-sena, kemm kien hemm każi fejn inqata' id-dawl lil xi djar jew stabbiliment talli kienu lura fil-ħlasijiet tal-kontijiet? F'liema lokalitajiet kienu dawn?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li fil-perjodu bejn Jannar '04 u Mejju '04 kien hemm madwar 412 każ ta' sospenzjoni fi djar u stabbilimenti minħabba kontijiet pendenti skond kif jidher fit-Tabella li se npoġġi fuq il-mejda tal-Kamra. L-informazzjoni għal Ġunju għada qed tinġabar.

Enemalta — Ħlasijiet pendenti ta' servizzi

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhu l-ammont totali li għandha tieħu l-korporazzjoni Enemalta sa l-aħħar ta' Ġunju 2004 minħabba nuqqas ta' ħlas ta' kontijiet? Jista' jgħid kemm għandu jingħata minn konsumaturi privati, kemm minn stabbilimenti turistiċi (lukandi, ristoranti, barijiet, eċċ.), kemm mill-fabbriki u minn azjendi oħra nklużi kumpanniji fejn għandu sehem l-Istat?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Maltacom — Qtugħ fis-servizz kawża ta' kontijiet pendenti

Question

Jista' il-Ministru jgħid sa l-aħħar ta' Ġunju ta' din is-sena, x'kien l-ammont totali li jrid jitħallas minħabba kontijiet tat-telefon li ma tħallsux lill-Maltacom? Kemm kien hemm każijiet fejn inqata' it-telefon? Jista' jelenka kemm hu dovut minn konsumaturi privati, stabbilimenti turistiċi, fabbriki u minn azjendi oħra, inkluż kumpanniji fejn għandu sehem l-Istat? Jista' jagħti dawn ta' l-aħħar separatament?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari Nru. 1130.

Dwana — Kuntrabandu tad-diesel

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid fiex waslu l-investigazzjonijiet tad-dwana flimkien mal-pulizija dwar allegat kuntrabandu tad-diesel? Meta mistenni li Malta jkollha l-apparat meħtieġ sabiex tinduna b'dan id-diesel illegali fil-pront?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nixtieq ninforma l-Onorevoli Interpellant li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin minħabba l-komplessità tal-kwistjoni. Għat-tieni parti tad-domanda għandi informazzjoni li dan l-apparat huwa mistenni li jasal Malta fil-ġimgħat li ġejjin.