Tista' il-Ministru tara li tinħadem ir-reviżjoni tal-pensjoni tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jivverifika d-dettalji tal-persuna ndikata għax ninsab infurmata li n-numru ta' l-identita' u l-isem indikati ma jikkorrispondux.
Tista' il-Ministru tinvestiga għaliex is-sinjura li isimha qed jintbagħat separatament, mhux tirċievi pensjoni u dan meta hi ħadmet mis-sena 1958 sa l-1969? X'jiġri fil-każ li employer ikun ġabar il-bolol pero' ma ħallasx lid-dipartiment (bla ebda referenza għal dan il-każ)? Jeħel ta' kollox l-impjegat?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata direttament u bil-miktub dwar il-każ tagħha.
Dwar il-kumplament tal-Mistoqsija, jekk persuna tipprova, għas-sodisfazzjon tad-Direttur tas-Sigurta' Soċjali, li kienet impjegata u li l-prinċipal kien naqqas mill-paga s-sehem tagħha tal-kontribuzzjoni tas-Sigurta' Soċjali dovuta, id-Direttur jista' jikkunsidra dawk il-kontribuzzjonijiet bħala mħallsa minkejja li l-prinċipal fil-fatt ma jkunx għadda dawn il-flus, flimkien mas-sehem tiegħu tal-kontribuzzjoni, lid-Dipartiment tat-Taxxi Nterni. Dan b'ebda mod ma jipprekludi li jittieħdu l-passi kontemplati fil-liġi għal ġbir tal-flus dovuti mingħand il-prinċipal.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jara li l-għalqa li hemm fi Triq Wied Glavan fix-Xgħajra titnaddaf u jinbena ċint skond il-liġi (kopja tal-pjanta qed tintbagħat separatament? Jaf li f'din l-għalqa qed jintrema' ammont ta' skart li qed joħloq inkonvenjent filwaqt li qed ikun ta' periklu għas-saħħa tar-residenti ta' l-istess triq? Jaf li għalkemm saru diversi ilmenti ma' l-awtoritajiet konċernati baqa' ma sar xejn u dan bl-iskuża li s-sidien ta' l-għalqa mhumiex magħrufa?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-art li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant fil-fatt mhux proprjeta' tal-Gvern u ma taqax f'"Registration Area" u għalhekk ma tinsab l-ebda informazzjoni dwarha fir-Reġistru ta' l-Artijiet.
Nissuġerixxi li din il-Mistoqsija tiġi riferuta lill-Ministru ikkonċernat.
Local cruising — Vapuri li qed joperaw fl-ibħra Maltin
Question
Jista' il-Ministru jgħid liema huma l-vapuri li qed joperaw preżentement fl-ibħra Maltin in konnessjoni mas-settur turistiku local cruising? Jista' jgħid liema minn dawn huma mixtrija, chartered jew mod ieħor? F'kull każ , kemm tħallset VAT u liema minn dawn ġew eżentati u f'kull każ kemm kien il-valur imħallas jew eżentat? Jista' jgħid ukoll separatament kemm inxtraw u/jew inkrew vapuri minn sidien Maltin u barranin f'dawn l-aħħar sentejn biex joperaw għall-boat trips tat-turisti f'ibħra lokali? Jista' jgħid liema huma dawn il-vapuri?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li hemm 187-il bastiment li huma liċenzjati biex iġorru passiġieri skond ir-regolamenti ta' l-2002 dwar il-bastimenti kummerċjali.
Minn dawn hemm:
16 il-dgħajsa tal-pass
8 dgħajjes li joperaw fid- Dwejra - Għawdex
76 dgħajsa li joperaw ġo Wied iż-Żurrieq
87 li joperaw f'żoni u minn siti differenti.
Il-partijiet l-oħra tal-mistoqsija ma tinżammx mill-Awtorita' Marittima.
Tas-Sliema — Triq il-Kulleġġ l-Antik - Dħul ta' drenaġġ f'residenzi privati
Question
Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 6701 u cioe' jista' jieħu l-passi kollha meħtieġa biex isiru l-ispezzjonijiet u t-tiswijiet kollha neċessarji fi Triq il-Kulleġġ l-Antik, f'Tas-Sliema minn bieb numru 3 sa numru 13, peress li r-residenti li joqogħdu f'dawn id-djar qed jidħlilhom ilma jew drenaġġ mill-ħitan tagħhom, liema ilma jew drenaġġ ġej minn xi leakage tas-sistemi ta' l-ilma jew drenaġġ li għaddejjin mill-istess triq jew f'xi triq fil-viċinanza?
Jista' il-Prim Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 6698 u cioe' jista' jgħid separatament kemm tħallset VAT fuq kull xiri jew kirja ta' vapuri li nxtraw jew inkrew f'dawn l-aħħar sentejn biex joperaw għall-boat trips tat-turisti f'ibħra lokali? Jista' jgħid kemm tħallset VAT f'dawn l-aħħar sentejn mill-operaturi tal-boat trips mill-operazzjoni tagħhom? Jista' jgħid min huma dawn l-operaturi u l-ammont li ħallsu kull sena sal-lum?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma tinżammx informazzjoni separata dwar VAT fuq xiri ta’ vapuri u VAT fuq kiri ta’ vapuri li nxtraw jew inkrew sabiex joperaw għall-boat trips tat-turisti.
L-informazzjoni li għandu d-Dipartiment tal-VAT huwa dwar VAT miġbura (netta) minn operaturi li jipprovdu servizz għall-boat trips tat-turisti u għall-Maltin f’ibħra lokali f’dawn l-aħħar sentejn.
Id-dettalji ta’ VAT netta miġbura hija:
01/07/2002 – 30/06/2003 - LM75,442.23
01/07/2003 – 30/06/2004 - LM95,526.55
Il-liġi tal-VAT timpedixxi li tingħata informazzjoni kummerċjali fuq persuni reġistrati.
In-numru ta’ taxpayers reġistrati fejn iddikjaraw l-attività ekonomika tagħhom ta’ ġarr ta’ passiġġieri fuq il-baħar huwa ta’ 29.
Jista' jitnaddaf il-culvert ta' ħdejn iċ-ċimiterju ta' Ħal Lija għaliex huwa mblokkat bil-ħaxix ħażin u debris ieħor?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li d-Dipartiment għas-Servizzi ta' l-Indafa għandu programm ta' tindif tal-culverts fit-toroq arterjali. Il-culvert ta' Ħal Lija huwa ppjanat li jitnaddaf f'Awissu.
SVPR — Pensjoni li tittieħed lill-anzjani residenti
Question
Tista' il-Ministru tgħid x'inhu l-massimu tal-pensjoni li tittieħed lil dawk li qegħdin residenti fl-SVPR? Jista' ikun li pensjoni ta' Lm126 fix-xahar tittieħed kollha?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Avviż Legali Nru. 259 tal-2004, ippublikat fl-4 ta' Mejju 2004, jispeċifika l-ammont ta' kontribuzzjoni dovuta mill-anzjani li jirċievu servizz residenzjali finanzjati mill-Gvern.
L-ammont ta' kontribuzzjoni massima jiddependi minn diversi fatturi, nkluż id-data meta wieħed beda jibbenefika minn dan is-servizz kif ukoll il-mezzi li jkollu dak li jkun.
Jekk l-Onor. Interpellant irid jgħaddili aktar dettalji dwar każ speċifiku, anki b'mod kunfidenzjali, inkun nista nivverifika liema parti ta' l-Avviż imsemmi japplika.
Jista' il-Ministru jara tistax tiġi kkonsidrata bozza tat-triq fuq il-banka tal-lottu fi Triq Santa Liena, Birkirkara minħabba li hemm id-dlam bil-lejl f'din l-area?
Response (GATT, AUSTIN)
Ir-responsabbilta' għal dan it-tidwil huwa tal-Kunsill Lokali. L-Enemalta diġa' tat l-approvazzjoni tagħha lill-Kunsill Lokali biex tkun tista' teħel il-bozza fil-post imsemmi.
Persuni li għandhom service station — Tyres qodma tal-karozzi
Question
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi l-proċedura li għandha tintuża għal dawk li għandhom service station u jkollhom numru ta' tyres qodma tal-karozzi biex jintremew?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li t-tyres jiġu aċċettati fl-Impjant Għat-Trattament ta' l-Iskart ta' Sant' Antnin f' Marsascala. Min ikollu kwantitajiet ta' tyres huwa mitlub li javża lil WasteServ Malta Ltd billi iċempel fuq il-freephone 80072200 qabel ma jiddisponi minn dawn it-tyres fl-Impjant.
Dipartiment ta' l-artijiet — Bdiewa li tteħdulhom l-għelieqi tagħhom f'Ħaġar Qim
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb minn naħa tal-ministeru li joffri post alternattiv lill-15-il bidwi li se jitteħdulhom l-għelieqi tagħhom li jinsabu fl-inħawi ta' Ħaġar Qim fl-Imnajdra wara sentenza mogħtija mill-Qorti Kostituzzjonali fl-10 ta' Ottubru 2003 minn sidien privati kontra l-Kummissarju ta' l-Artijiet u dan wara li dawn il-bdiewa ġew imġegħla jevakwaw l-art sal-15 ta' Awissu 2004 wara li kienu ilhom joperaw fl-inħawi sa mill-1987 fuq ftehim ta' kirja li kien intlaħaq bejnhom u bejn id-dipartiment ta' l-artijiet? Qed nibgħat kopja tar-referenza tal-każ separatament.
Response (BORG, TONIO)
It-titolu li kellu il-Gvern fuq l-art in kwestjoni kienet ġejja bis-saħħa ta' esproprjazzjoni; dik l-esproprjazzjoni ġiet dikjarata nulla u għalhekk l-isgumbrament hu riżultat dirett u konsegwenzjali tas-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali.
Jista' il-Ministru jagħti d-dettalji dwar l-appalt tat-terminals tal-Gozo Channel u jgħid meta suppost jitlestew ix-xogħlijiet?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li dwar il-proġett tal-mollijiet u terminals ġewwa ċ-Ċirkewwa u l-Imġarr, qegħdin isiru diskussjonijiet mal-partijiet konċernati bil-għan li l-proġett jiġi ridimensjonat. Għaldaqstant, huwa mistenni illi jkun hemm progress fix-xogħolijiet meta jiġu konklużi dawn id-diskussjonijiet.
Peress illi fit-terminal taċ-Ċirkewwa n-naħa fejn ikun hemm il-karozzi jistennew għall-vapur hemm sensiela ta' bankini b'gap bejniethom u peress li kien hemm diversi inċidenti ta' nies li waqgħu f'dawn il-gaps, jista' il-Ministru jara li din is-sitwazzjoni tiġi rimedjata?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li dawk li l-Onor. Interpellant qegħda tirreferi għalihom mhumiex bankini sabiex jimxu n-nies minn fuqhom iżda diviżjoni bejn il-marshalling area u l-exit road mill-vapur. F'din it-traffic island, għaddejja l-komunikazzjoni tad-dawl kemm dak domestiku kif ukoll dak tat-toroq ta' l-istess żona. Il-gaps imsemmija qegħdin hemm sabiex iservu ta' passaġġ għall-ilma tax-xita skiond il-qlib tal-marshalling area.
Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 6528 u cioe' jista' jgħid liema huma dawk id-dipartimenti, kumpanniji, awtoritajiet u korporazzjonijiet li f'dawn l-aħħar ħames snin għamlu użu jew għadhom jagħmlu użu mis-servizzi tal-kumpannija li isimha qed jintbagħat separatament? F'kull każ, kemm kien l-ammont totali involut u jekk intalbux kwotazzjonijiet mingħand aġenti oħra? Jekk intalbu kwotazzjonijiet, liema kienu l-aġenti l-oħra li mingħandhom intalbu l-kwotazzjonijiet?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Impjiegi — Ħaddiema minn barra l-pajjiżi membri tal-UE
Question
Jista’ il-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' ħaddiema minn barra l-pajjiżi membri fl-Unjoni Ewropea li mill-1 ta' Mejju 2004 ġew jaħdmu f'Malta?
Jista’ jgħid ta' liema nazzjonalita’ huma u x'tip ta' xogħol qed jagħmlu?
Jista’ jgħid x'inhi l-eta' medja ta' dawn il-ħaddiema?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif mitlub ma laħaqx wasalli fl-uffiċju fil-ħin meħtieġ, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista’ il-Ministru jgħid jafx u x'inhi r-raġuni li filwaqt li fil-Prospectus għall-kors ta’ l-Art and Design għall-istudenti li jattendu l-MCAST tal-Mosta kien hemm speċifikament imniżżel li se jkun hemm is-suġġetti tal-Fashion Design u l-Interior Design, sal-lum dawn is-suġġetti għadhom mhux qed jiġu mgħallma?
Jaf li lanqas biss hemm għalliema għal dawn is-suġġetti?
Peress li kien hemm studenti li daħlu għal dan il-kors speċifikament minħabba dawn iż-żewġ suġġetti u eventwalment kellhom jabbandunaw il-kors, jista' jgħid x'tip ta' rimedju se jingħataw dawn l-istudenti u jekk is-sitwazzjoni hux se tiġi rimedjata?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li il-kors ta' l-
Interior Design
jeżisti u ilu hemm sa mill-bidu. Jismu
3D Design (Spatial)
u jingħata fl-iżjed livell għoli, jiġifieri, l-
HND
.
Il-kors magħruf bħala 3D Design (disinn bi tliet dimensjonijiet) ma jeskludix li studenti jaħdmu bħala Fashion Designers. Tant hu hekk li għandna studenti li jaħdmu esklusivament fuq it-tessuti u fuq proġetti tal-moda.
Dwar il-Fashion Design, informat li d-domanda qatt ma kienet kbira biżżejjed biex jinfetah kors speċifiku. Biss min għażel li jaħdem fil-materjali tipiċi u fil-proċess assoċjati mas-suġġett, seta' jagħmel hekk u għadu jagħmel hekk sal-lum. L-esperjenza ta' l-għalliema preżenti fis-suġġett hija tali li fir-rapport tiegħu l-eżaminatur ta' l-Edexcel BTEC kiteb hekk:
"The variety of ideas and quality evidence presented ...was remarkable. Fantasy costumes, masks, waistcoasts were popular outcomes with a splendid theatrical torso costume ... proving to be the star exhibit both in terms of ideas and professional finish..."
Ma jirriżultalix li xi ħadd telaq minn xi kors għar-raġunijiet li ingħataw.