Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kunsilli lokali — Servizz ta' bulky refuse

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm-il oġġett inġabar bis-servizz tal-bulky refuse mill-kunsilli lokali f'Malta u Għawdex matul din l-aħħar sena u kemm kienet l-ispiża maħruġa minn kull kunsill lokali fuq dan is-servizz?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li billi l-informazzjoni mitluba għadha trid tinġabar, tingħata tweġiba f'xi seduta oħra.

Marsa — Power station - materjal ta' l-asbestos

Question

Jista' il-Ministru jgħid min ħa l-offerta jew tender sabiex jiġi mneħħi l-materjal ta' l-asbestos li jinsab fil-power station tal-Marsa? Jista' jgħid min hu responsabbli bħala konsulent li jara li x-xogħol isir skond proċeduri stabiliti ta' l-EU? Min qed jieħu ħsieb li jsiru t-testijiet neċessarji magħrufa bħala AFT (Airborne Fiber Tests) ġewwa u barra l-area ta' l-attivita'? Fejn qed jiġi storjat dan il-materjal li preżentement qiegħed jinqala'?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Ħal Luqa — Triq Ħal Qormi - pelican lights

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx ippjanat li fi Triq Ħal Qormi, f'Ħal Luqa jiġu stallati pelican lights (ħdejn l-entratura tal-WSC fl-inħawi ta' Ħal Farruġ) sabiex il-familji li jgħixu f'Ħal Farruġ ikunu jistgħu jaqsmu din it-triq?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Jien informat illi x-xogħol ta' stallazzjoni tal-pelican lights imsemmi mill-Onor. Interpellant huwa maħsub li jsir bħala parti mill-proġett finanzjat mill-fondi tal-Protokoll Taljan.

Ħal Qormi — Ċentru tas-saħħa - sular ta' fuq

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhu preżentement il-ħsieb tad-dipartiment tas-saħħa dwar l-arja eżistenti fis-sular ta' fuq iċ-ċentru tas-saħħa ta' Ħal Qormi? Id-dipartiment beħsiebu jestendi s-servizzi mediċi kif kien diġa' iddikjara jew li jagħti din l-arja lill-privat għall-bini ta' dar għall-anzjani skond permess ta' żvilupp (outline) approvat bin-numru 1818/02?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Id-Diviżjoni tas-Saħħa sa issa m'għandna ebda ħsieb jew pjaniet sabiex testendi s-servizzi mediċi miċ-Ċentri tas-Saħħa ta' Ħal Qormi. Dwar applikazzjoni li saret lill-Awtorita' ta' l-Ippjanar, (Outline Development Plan 1818/02) minn Health Care Services Ltd u l-Fondazzjoni Qormi sabiex l-arja fuq iċ-Ċentru tas-Saħħa ta' Ħal Qormi tiġi żviluppata f'dar għall-anzjani, din ma tistax tkompli tiġi proċessata għax hemm problemi dwar it-titolu ta' l-art

MEPA — Avviżi dwar applikazzjoni għal żvilupp

Question

Fl-aħħar sentejn, jista' il-Ministru jgħid kemm-il darba l-avviżi tal-MEPA sabiex jinnotifikaw lill-pubbliku li hemm applikazzjoni għall-iżvilupp u għalhekk jistgħu jagħmlu l-oġġezzjonijiet tagħhom, twaħħlu fuq sit żbaljat?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-Uffiċċju tal-Verifika ta’ l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) ġieli rċieva ilmenti dwar nuqqas ta’ twaħħil ta’ site notices. Il-parti l-kbira minnhom ikunu verbali, jew permezz ta’ e-mail, u jissolvew fi żmien qasir. Ma tinżammx statistika dwarhom.

MEPA — Applikazzjonijiet li ġew rifjutati

Question

Fl-aħħar sentejn, jista' il-Ministru jgħid kemm ġew miċħuda jew rifjutati mill-MEPA applikazzjonijiet minħabba li l-applikant ma nnotifikax lis-sid tal-post jew minħabba li l-applikant ma kienx is-sid tal-post?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-ebda statistika ma tinżamm f' dan ir-rigward.

Development Control Commission

Question

Fl-aħħar sena, id-development control commission (DCC) kemm ħadet deċiżjonijiet li ma segwewx ir-rakkomandazzjonijiet tal-case officer ta' l-istess awtorita'? Kemm minnhom kienu jikkonsistu f'rakkomandazzjoni li applikazzjoni tiġi miċħuda u d-DCC approva? Kemm minnhom kienu jikkonsistu f'rakkomandazzjoni li applikazzjoni tiġi approvata u d-DCC ċaħdet?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li mill l-ewwel ta’ Lulju 2003 sa l-aħħar ta’ Ġunju 2004, il-Kummissjoni tal-Kontroll ta' l-Iżvilupp, fil-każijiet ta’ l-ewwel deċiżjoni, ħadet 943 deċiżjoni li jmorru kontra r-rakkomandazzjoni tad-Direttorat. Minn dawn id-deċiżjonijiet kien hemm 94 applikazzjoni li rrakkomandaw approvazzjoni tal-permess u ġew rifjutati mill-Bord fil-waqt li kien hemm 849 applikazzjoni li rrakkomandaw rifjut u ġew approvati mill-Bord. Ta' min jinnota li f’ sena l-Awtortia’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) tirċievi madwar 7,000 applikazzjoni għall-pernmess ta’ żvilupp.

Enemalta — Collective Agreement

Question

B’riferenza għall-collective agreement li kien sar ma' l-Enemalta rigwardanti l-pensjonijiet, fis-sens li dawn kellhom jogħlew awtomatikament skond l-għoli tal-ħajja, jistà l-Ministru jgħid jekk dan il-ftehim għadux viġenti u jekk fl-affermattiv hux qiegħed jigi onorat?

Response (GATT, AUSTIN)

Il-Ftehim Kollettiv tal-2002-2005 maqbul mal-General Workers' Union kien iffirmat fit-3 ta' April 2003. Minħabba li l-ħlas tal-pensjonijiet isiru mid-Dipartiment ta' Social Security, l-Enemalta tinforma lil imsemmi dipartiment sabiex taġġusta l-pensjonijiet skond il-Ftehim Kollettiv. Dan sar permezz ta' ittra mibgħuta mill-uffiċċju tar-Riżorsi Umani ta' Enemalta lid-Director General ta' Social Security fis-7 ta' Mejju 2003. Jekk l-aġġustament għadu ma sarx l-Enemalta m'għandha l-ebda kontroll fuqu.

Ħruġ ta' visas

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inħarġu visas lil barranin biex ikunu jistgħu jidħlu f’Malta fis-snin 2003 u 2004? Jista’ l-Ministru jgħid jekk teżistix xi forma ta' kontroll biex wieħed ikun jista’ jakkwista statistika biex naraw kemm min-nies li jkunu ngħataw visa ikunu injoraw il-perjodi stipulati u jkunu baqgħu hawn Malta? Jekk teżisti, jista’ jagħti dettalji għas-snin 2003 u 2004?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul is-sena 2003 inħarġu 48,131 visa lil persuni ta' nazzjonalita' barranija sabiex ikunu jistgħu jidħlu Malta, filwaqt li matul din is-sena, s'issa nħarġu 29,690. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ġentilment nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 6620.

Għajnuna Soċjali — Persuni Barranin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn nies ta' oriġini barranija li qed jipperċepixxu xi forma ta' għajnuna soċjali? Jista’ l-Ministru jgħid jekk għandux statistika dwar jekk dawn in-nies humiex separati?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li hemm 66 persuna ta' nazzjonalita' barranija li qed tirċievi xi tip ta' għajnuna soċjali taħt l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali. Minn dawn, 22 huma separati.

Bormla — Applikazzjoni għas-servizz care & repair

Question

Tista' il-Ministru tgħid jekk wara li anzjana ta' madwar 82 sena li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, applikat għas-servizz care & repair u meta saret l-ispezzjoni mill-awtorita' tad-djar fuq il-post f'Bormla, it-tifel tal-persuna ndikata kien iddikjara li kien jippreferi li x-xogħlijiet isiru minn kuntrattur imqabbad minnhom taħt Skema W, jistax ix-xogħol isir mill-kuntrattur taħt l-inizjattiva tal-care & repair?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Jekk il-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant bidlet il-ħsieb tagħha, tista' tinforma lill-Awtorita' tad-Djar li trid li x-xogħolijiet isiru taħt l-inizjattiva tal-Care and Repair.

San Ġiljan — Anzjan li qed jistenna biex jidħol f'dar ta' l-anzjani

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'tama hemm li anzjan minn San Ġiljan li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, u li hu senili, jiġi ammess f'dar ta' l-anzjani?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant id-Dipartiment għall-Anzjani u Kura fil-Komunita' m'għandux applikazzjoni reġistrata f'isem l-anzjan li d-dettalji tiegħu ntbagħtu separatament biex jidħol f'Dar ta' l-Anzjani.

Awtorita' tad-djar — Skema W

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 6225, huwa ġentilment possibbli li l-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, tibbenefika mis-servizz care & repair, minħabba li tħoss li għal diversi raġunijiet mhix f'pożizzjoni li tibbenefika minn Skema W?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Jekk il-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant bidlet il-ħsieb tagħha, tista' tinforma lill-Awtorita' tad-Djar li trid li x-xogħolijiet isiru taħt l-inizjattiva tal-Care and Repair.

Awtorita' tad-djar — Post fi stat ta' periklu

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'passi ħadu l-pulizija ta' l-għassa tal-lokal rigward post li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li hu strutturalment perikoluż b'konsegwenza li qed joħloq periklu għal terzi?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi dan il-post huwa mitluq u l-Pulizija qed tieħu l-passi meħtieġa sabiex il-periklu jitneħħa.

Isla — Talba għal akkomodazzjoni alternattiva

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 5800 fejn l-applikanta ġiet informata mill-Ministru tal-Familja u tas-Solidarjeta' Soċjali illi d-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali qed jikkonsidra l-applikazzjoni flimkien ma' oħrajn simili, tista' issa tgħid jekk minn meta ġiet imwieġba dik il-mistoqsija sal-lum, kienx hemm xi moviment pożittiv biex din l-applikanta tiġi provduta b'post alternattiv?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li ma hemmx żviluppi ġodda dwar il-każ indikat mill-Onor. Interpellant.

Marsa — Triq Aldo Moro - siġra tat-tin selvaġġ

Question

Jista' il-Ministru jara li titneħħa s-siġra tat-tin selvaġġ li hemm fi Triq Aldo Moro, fil-Marsa (ħdejn il-garage ta' Salv Bezzina & Sons Ltd.) li minħabba fiha ma tistax tgħaddi minn fuq il-bankina għax qed tiżgombra l-bankina?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li s-siġra tat-tin imsemmija saret iż-żabra tagħha. Biex tiġi mneħħija trid tinqala' mill-għeruq u minħabba l-pożizzjoni fejn qegħda hi diffiċli. Din it-talba ser tiġi rriferuta lill-Environment Landscapes Consortium Ltd biex jinstab mezz li tiġi mneħħija.

MCAST — Tnaqqis fl-istipendju ta' l-istudenti

Question

Jista’ il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-istudenti ta’ l-MCAST li jattendu l-Mosta qed tinqatgħalhom ġurnata sħiħa mill-istipendju anke jekk sempliċement jaslu ħames minuti tard? Jista’ l-Ministru jgħid jekk jikkonsidrax dan l-atteġġjament bħala wieħed inġust ma’ l-istudenti?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li studenti li ripetutament jaslu tard għal-lezzjonijiet ifixklu, u fil-każ ta' xogħol fuq makni jistgħu joħolqu periklu. Informat ukoll li qatt ma nqata' stipendju meta student ifalli żewġ lezzjonijiet. Din hija l-policy ta' l-Istitut.

MCAST — Pass għas-servizz tat-trasport pubbliku għall-istudenti

Question

Jista’ il-Ministru jikkonsidra li jigi introdott il-pass għas-servizz tal-karozzi tal-linja għall-istudenti ta’ l-MCAST li jattendu l-Mosta?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li kull student f'livell post-sekondarju jingħata l-għotja ta' manteniment.

MCAST — Studenti li jagħmlu użu mill-ismart card

Question

Jista’ il-Ministru jara li jittieħdu l-passi kollha meħtieġa biex l-istudenti ta’ l-MCAST li jattendu l-Mosta ma jibqgħux isibu diffikultajiet meta jiġu biex jagħmlu użu mill-ismart card f'ċerti stabbilimenti?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li ma kien hemm ebda rapport li juri li studenti fil-Mosta sabu xi diffikulta jużaw l-smart card.

MCAST — Art & Design Course

Question

Jista’ il-Ministru jispjega eżattament x'inhu l-iskop u fejn se jwassal lill-istudenti l-kors ta’ l-Art and Design li qed jiġi mgħallem fl-MCAST tal-Mosta?

Response (GALEA, LOUIS)

Kuntrarju għal dak li jaħsbu ħafna, il-kors tal-Istitut ta' l-Arti u d-Disinn, m'huwiex kors fil-pittura jew l-iskultura - m'huwiex għaldaqstant kors fil-belle arti. L-istudenti ta' Tarġa Gap jitħarrġu fid-disinn u l-manifattura ta' xogħol artiġjanali f'diversi materjali u fid-disinn għall-prodott li jista' jinħadem fuq skala ikbar, ngħidu aħna, fl-industrija tal-manifattura. Mhux biss. L-istudenti li tinteressahom l-edukazzjoni vokazzjonali llum jitħarrġu f'ħafna kompetenzi, per eżempju, l-ICT, il-komunikazzjoni, il-krejativita u l-innovazzjoni, l-ispirtu intraprenditorjali bil-għan ta' self-employment... Il-kors tal-Grafika, per eżempju, iwassal biex student jitħarreġ fis-sengħa tad-disinn u l-esekuzzjoni ta' xogħol għall-istampa: biss, jekk wieħed iħares lejn il-volum ta' magazines, li qed jiġu ippublikati Malta - anki jekk tiffoka fuq dawk li tingħata b'xejn mal-gazzetti ta' nhar ta' Ħadd - tifhem kemm xogħol jiġi ġenerat f'dan il-qasam. Id-disinn ta' kull riklam li hemm fil-magażin sar minn xi ħadd, dawk li biegħu l-Ispazju, il-fotografi li ħadu r-ritratti, dawk li bil-kompjuter immanipulaw l-immaaġni, dawk li ssettjaw it-text, dawk li ħadmu fuq l-artwork, dawk tal-kompjuter, dawk li stampaw ix-xogħol, dawk li twewh u ttrimjawh, eċċ... Dan kollu jsir f'Tarġa Gap. Imbagħad hemm studenti li jagħżlu studenti li jagħżlu li jaħdmu fil-workshops tal-materjali biex jitgħallmu s-snajja' relatati ma' l-injam, il-metalli, il-ġojjellerija, il-ġebla u t-tessuti. Bl-emfasi li qiegħda ssir fuq it-taħriġ vokazzjonali f'pajjiżna u fuq l-importanza li għandna nagħtu li jiġġenera spiru ta' intrapriża, wieħed m'għandux isib diffikulta' biex jifhemli, anki fil-qasam ta' l-artiġanat, is-suċċess kollu li jiddependi fuq il-kwalita'. Jekk m'għandniex prodotti ta' kwalita', allura mhux se ssib min jixtri u l-attivita' artiġanali fil-pajjiż tmur lura. Ma jkollok xejn x'tippromwovi u bħala riżultat skop għall-intrapriża, il-marketing, u l-bqija. Sfortunatament f'Malta għad għandna opinjoni storta ta' l-importanza tad-disinn u l-atitudni ta' ħafna minna tistona għax ilkoll kemm aħna għandna attitudni pożitiva u ta' meravilja għall- importanza li tingħata lid-disinn f'pajjiżna barranin - ngħidu aħna l-Italja jew l-Iskandinavja. Anki f'pajjiżna inqas kwotati, ngħidu aħna t-Tuneżija, fejn hemm industrija kbira ta' artiġjanat ta' kwalita' li tgawdi s-support ta' kull min iħobb il-kultura ta' pajjiżu.