Legislature:
Category:
Reset
Active:

Uffiċċju tal-Prim Ministru — Biljetti ta' l-ajru

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid liema huma dawk id-dipartimenti, kumpanniji, awtoritajiet u korporazzjonijiet li f'dawn l-aħħar ħames snin għamlu użu jew għadhom jagħmlu użu mis-servizzi tal-kumpannija li isimha qed jintbagħat separatament? F'kull każ, kemm kien l-ammont totali involut u jekk intalbux kwotazzjonijiet mingħand aġenti oħra? Jekk intalbu kwotazzjonijiet, liema kienu l-aġenti l-oħra li mingħandhom intalbu l-kwotazzjonijiet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra tabella li turi l-Informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.

Bini tal-gvern — Bdil ta' lift

Question

Tista' il-Ministru tgħid ta' min hi r-responsabbilta' biex jinbidel lift f'Binja tal-gvern meta dan ġie ċċertifikat li m'għadux tajjeb għall-użu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Id-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar hu responsabbli mill-istallar ta' lifts fi blokki tal-Gvern li jkunu qed jinbnew ġodda mill-Awtorita' tad-Djar filwaqt li l-Awtorita', skond Skema V, hi responsabbli għall-istallar ta' lifts fi blokki tal-Gvern eżistenti fejn joqgħodu inkwilini li għandhom diżabilita' ta' mobilita'. Ir-responsabbilta' tal-maintenance tal-lifts, sew dawk stallati mid-Dipartiment kif ukoll mill-Awtorita', hi ta' l-inkwilini. Għalhekk, ebda Dipartiment jew entita' li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi ma għandu r-responsabbilta' li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant.

Isla — Binja tal-gvern - tiswija ta' lift

Question

Tista' il-Ministru tgħid meta saret l-aħħar tiswija fuq il-lift f'binja tal-gvern ġewwa l-Isla li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 6760 f'din l-istess seduta.

Kottinera — Kumpless sportiv - lifts

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-lifts tal-kumpless sportiv tal-Kottonera ġewx iċċertifikati li huma safe? Meta l-aħħar li ġew ittestjati? Dawn qegħdin jiġu ttestjati regolarment?

Response (GALEA, LOUIS)

Infurmat li l-lifts tal-Kumpless huma iċċertifikati bħala safe u qegħdin jiġu ittestjati taħt "maintenance agreement" fuq bażi regolari. L-aħħar darba li ġew iċċertifikati kien f'Jannar.

Isla — Fond fi stat perikoluż

Question

Tista' il-Ministru tgħid x'passi se jieħu d-dipartiment għat-tiswijiet ta' djar tal-gvern biex jitneħħa l-periklu tal-fond fl-Isla li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Għaddejt it-talba ta' l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar għall-azzjoni meħtieġa.

Uffiċċju Konġunt — Fond fi stat perikoluż ġewwa l-Isla

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'passi ħa l-uffiċċju konġunt biex jiġi mneħħi l-periklu strutturali tal-fond fl-Isla li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, wara li ġie ċċertifikat mill-perit ta' l-istess uffiċċju?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-Uffiċċju Konġunt ser jieħu l-passi neċessarji mad-Dipartiment konċernat sabiex isiru t-tiswijiet meħtieġa fil-fond in kwistjoni.

Bormla — Każ dwar għajnuna supplimentari

Question

Tista' il-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni li persuna minn Bormla li l-informazzjoni dwarha qed tintbagħat separatament, ma rċevietx l-għajnuna supplimentari?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 6563, f'Seduta Nru. 155.

MCAST — Art & Design Course

Question

Jista’ il-Ministru jgħid meta huwa maħsub li jingħata ċ-ċertifikat tas-sena skolastika 2003 lill-istudenti tal-MCAST fil-kors ta’ l-Art and Design? X'se jsir biex din is-sitwazzjoni tiġi rimedjata?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li ċ-ċertifikati li joħroġ il-Kuleġġ jingħataw f'ċerimonja ta' gradwazzjoni li d-dati tagħha jitħabbru aktar tard.

MCAST — Lezzjonijiet ta' l-Art & Design

Question

Jista’ il-Ministru jgħid jekk jafx li diversi lezzjonjiet ta’ l-Art and Design fl-MCAST Mosta fix-xhur sħan tas-sajf qed isiru barra minħabba li fil-workshops ma jeżistux fans jew air-condition? X'se jsir biex din is-sitwazzjoni tiġi rimedjata?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li ma kien rappurtat l-ebda każ li lezzjonijiet fl-Istitut ta' l-Arti u d-Disinn saru barra minħabba li fil-workshops ma jeżistux fans jew airconditioners.

MCAST — Studenti fil-kors ta' l-Art & Design

Question

Jista’ il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-istudenti fil-kors ta’ l-Art and Design fl-MCAST Mosta jispiċċaw is-sena skolastika wara l-iskejjel l-oħra? Peress li minħabba f'hekk dawn l-istudenti qed jiġu affettwati negattivament meta jiġu biex isibu xogħol għax-xhur tas-sajf, jista’ jgħid x'se jsir biex din is-sitwazzjoni tiġi rimedjata?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-istudenti ta' korsijiet organizzati mill-MCAST jispiċċaw is-sena skolastika ma' studenti f'Istituti oħra. Għalhekk total ta' erbgħa u sittin (64) student waqfu fit-2 ta' Lulju bħal ħaddieħor. Studenti fuq korsijiet tal-BTEC jispiċċaw meta l-external examiner, li jiġi Malta apposta, ikun żar l-Istitut u eżamina x-xogħol. L-eżaminatur, li din is-sena ġie Malta fil-5 ta' Lulju u baqa' hawn sas-7 ta' Lulju, għandu dritt jagħżel li jkellem lill-istudenti, kif għamel din is-sena. Xi studenti waqfu jattendu fis-6 ta' Lulju u oħrajn fis-7 ta' Lulju 2004. Il-kalendarju tal-Kuleġġ għas-sena 2003-2004 beda fl-1 ta' Settembru u spiċċa fid-9 ta' Lulju 2004.

MCAST — Studenti fl-Art & Design Course

Question

Jista’ il-Ministru jgħid jekk jafx li fl-Art and Design Course fl-MCAST Mosta hemm madwar 300 student meta l-iskola tiflaħ ferm inqas studenti? Peress li filwaqt li suppost f'kull klassi għandu jkun hemm 16-il student, fil-fatt dan in-numru huwa ferm ikbar? X'se jsir biex din is-sitwazzjoni tigi rimedjata?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-numru ta' studenti fl-Istitut ta' l-Arti u d-Disinn illum huwa 190 mhux 300. L-Istitut fil-fatt jiflah numru akbar ta' studenti. In-numru sittax jirrigwarda biss il-workshops u mhux il-klassijiet għal raġunijiet ta' sigurta' u saħħa.

MCAST — Studenti fl-Art & Design Course

Question

Jista’ il-Ministru jgħid jekk jafx li studenti TAS u studenti ASTS fil-kors ta’ l-Art and Design fl-MCAST Mosta qed jiġu trattati b'mod differenti? Jista’ jgħid għaliex dan qed isir u jekk huwiex se jibqa’ jsir?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-iskema ta' l-External Skills Training Scheme (ESTS) u dik tat-Technician Apprenticeship Scheme (TAS) m'humiex l-istess. Għalhekk, per eżempju, issib li l-entry requirements għall-korsijiet huma differenti, għaliex il-kwalita' ta' studju u ta' taħriġ jitlob hekk. Ngħidu aħna, studenti tal-ESTS jingħatawlhom lezzjonijet bażiċi fil-Lingwa Ingliża u fil-Malti, bil-ħsieb li jtejbu l-livell akkademiku. Dawk tat-TAS ma jkollhomx bżonn taħriġ bħal dan. Sadanittant student fuq iż-żewġ naħat jieħdu taħriġ li għandu parita' ta' stima kif riflessfiċ-ċertifikazzjoni tal-BTEC fil-livelli tlieta (BTEC Nationals) u erbgħa (BTEC Higher Nationals), l-ogħla livell li jista' jintlaħaq fl-MCAST s'issa. Fil-passat l-istudenti tal-ESTS kienu jitħarrġu biss fl-artiġjanat ripettitiv. Illum, bis-saħħa tal-korsijiet il-ġodda, dawn jitħarrġu fl-artiġjanat kreattiv, dak li jeduka l-moħħ daqskemm jitħarrġu l-idejn. Sadanittant, bl-iżviluppi li saru minn mindu nfetah l-MCAST, m'hemm xejn li jżomm student tal-ESTS u tat-TAS li jaslu sal-quċċata ta' l-istudji, li sal-lum laħqet ir-raba livell.

Produzzjoni agrikola organika

Question

Jista' il-Ministru jinformani bil-pjan tiegħu għall-iżvilupp tal-produzzjoni agrikola organika għal din il-leġislatura?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Il-Pjan tal-Gvern tiegħi għall-Iżvilupp tal-Produzzjoni Agrikola Organika huwa li titwaqqaf l-infrastruttura neċessarja, kemm leġislattiva kif ukoll amministrattiva biex kemm il-produtturi kif ukoll il-konsumaturi jkunu nfurmati b' dak kollu li huwa neċessarju biex ikollna produzzjoni agrikola organika li sservi ta' ġid għall-produttur u għall-konsumatur.

Produzzjoni agrikola lokali — Uffiċjali

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm tħarrġu uffiċjali fuq il-produzzjoni agrikola lokali f'Malta u Għawdex separatament matul dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena? F'liema livell ta' taħriġ u fejn?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li f' dawn l-aħħar ħames snin uffiċċjali intbagħtu courses fuq diversi setturi, kemm f' Malta, kif ukoll barra minn Malta. Dan it-taħriġ wara jkun jista’ jiġi applikat fuq il-produzzjoni agrikola lokali. Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Produzzjoni agrikola lokali — Bdiewa

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm tħarrġu bdiewa fuq il-produzzjoni agrikola lokali f'Malta u Għawdex separatament matul dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena? F'liema livell ta' taħriġ u fejn?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Produzzjoni agrikola lokali — Produtturi tal-majjal

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm tħarrġu produtturi tal-majjal fuq il-produzzjoni agrikola lokali f'Malta u Għawdex separatament matul dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena? F'liema livell ta' taħriġ u fejn?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-produtturi tal-majjali jingħataw tagħrif fuq it-trobbija tal-majjali minn żmien għal żmien, kif ikun meħtieġ. Kull każ jiġi trattat separat fuq il-ħtieġa tiegħu. L-iktar li jsir xogħol huwa fuq bini ta' rziezet, ventilazzjoni, maniġġjar ta' l-iskart etc. It=taħriġ li sar f’ dan il-qasam kien li għandu x jaqsam mal-ħarsien ta’ l-annimali. Dan sar waqt laqgħa ġenerali tal-produtturi. Ma jinżammux rekords ta' kemm jiġu imħarrġa produtturi.

Produzzjoni agrikola lokali — Produtturi tal-ħalib

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm tħarrġu produtturi tal-ħalib fuq il-produzzjoni agrikola lokali f'Malta u Għawdex separatament matul dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena? F'liema livell ta' taħriġ u fejn?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-produtturi tal-baqar jingħataw tagħrif fuq kwalunkwe suġġett, jiġifieri, nutrizzjoni, bini ta' irziezet, maniġġjar ta' l-iskart, produzzjoni ta' magħlef, kwalita' ta' ħalib, u suġġetti oħra, kemm personalment kif ukoll fi gruppi. Infatti, dan l-aħħar inġiebu l-Għammieri anki sabiex jaraw x' miżuri jridu jittieħdu waqt il-ħlib. Saru spezzjonijiet fuq xi rziezet tal-baqar u tal-majjali biex jiġi rrakkomandat l-istrutturar tal-irziezet. Fil-fatt, bħalissa għaddej proġett biex jitjieb il-kwalita’ tal-ħalib u f’ dan il-proġett qiegħed isir taħriġ lil kull individwu fuq bażi personali.

Produzzjoni agrikola lokali — Produtturi taċ-ċanga friska

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm tħarrġu produtturi taċ-ċanga friska fuq il-produzzjoni agrikola lokali f'Malta u Għawdex separatament matul dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena? F'liema livell ta' taħriġ u fejn?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li jsiru laqgħat ta' informazzjoni minn żmien għal żmien, skond il-ħtieġa, iżda m' hemm l-ebda programm ta' taħriġ fiss

Raħal Ġdid — Tax-Xewk - asfaltar ta' toroq

Question

Jista' il-Ministru jgħid fiex waslu n-negozjati bejn il-kunsill lokali u l-gvern dwar l-asfaltar ta' toroq fl-area tax-Xewk, f'Raħal Ġdid?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Jien informat illi fix-xhur li għaddew tlestiet parti kbira minn Triq ix-Xewk filwaqt li l-bqija ta' l-area msemmija mill-Onor. Interpellant mistennija ssir iktar 'il quddiem skond il-prioritajiet li jkollu quddiemu d-direttorat.

Ħal Qormi — Triq Valletta - Asfaltar

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se titwessa' u titranġa l-parti ta' Triq Valletta f'Ħal Qormi (biswit Zammit Nurseries Ltd.) li tibqa' sejra sa fuq Tal-Blat Housing Estate? Kien hemm xi każ ta' esproprjazzjoni dwar din it-triq sabiex tiġi rranġata skond il-linja proposta skond l-iskemi temporanji ta' l-iżvilupp?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Jien informat illi sa llum ma kien hemm l-ebda talba ta' esproprjazzjoni f'din it-triq. L-awtorita' dwar it-trasport mistennija tibgħat perit sabiex jispezzjona t-triq imsemmija mill-Onor. Interpellant u jara x'inhu l-aħjar li jsir. Jekk jirriżulta li hemm bżonn isir xi xogħol, dan ikun jista' isir iktar 'il quddiem skond il-prioritajiet tad-direttorat.