Legislature:
Category:
Reset
Active:

Djar — Talba għal akkomodazzjoni alternattiva

Question

Tista' il-Ministru tgħid x'tama hemm li xebba omm li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, b'tifel b'diżabilita' ta' tliet xhur u li jgħixu f'post żgħir u kkundannat jingħataw post tal-gvern?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Jien infurmata illi d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali qed jikkunsidra l-applikazzjoni ndikata flimkien ma' oħrajn simili.

Pulizija — Passi dwar post fi stat perikoluż

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 6757, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'passi ħadu l-pulizija biex jitneħħa l-periklu dwar il-fond li jinsab fi stat perikoluż li d-dettalji dwaru qed jinbagħtu separatament?

Response (BORG, TONIO)

B'żieda mat-tagħrif li jien tajt fit-Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 6757, ninsab infurmat illi l-Pulizija qegħdha f'kuntatt mad-Dipartiment tax-Xogħlijiet u l-Kummissarju ta' l-Artijiet sabiex il-periklu jitneħħa. Pero' jekk l-Onorevoli Interpellant għandu xi tagħrif dwar is-sid tal-fond in kwestjoni, inħeġġu sabiex jgħaddi dan it-tagħrif lill-Pulizija sabiex jitħaffef il-proċess.

Enemalta — Cable tad-dawl ma' faċċata ta' residenza privata

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 6773 u cioe' jista' jgħid x'passi ħadet il-korporazzjoni Enemalta rigward l-ittra li qed tintbagħat separatament?

Response (GATT, AUSTIN)

Mill-investigazjoni li saret l-indirizz imsemmi ma jeżistix. Hemm bżonn numru tat-telefon jew indirizz eżistenti tal-kunsumatur biex tiġi identifikata l-problema.

Twelid ta' trabi minn immigranti llegali

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jinformani jekk it-trabi li twieldu f'Malta minn ommijiet li huma immigranti llegali hux se jitqiesu bħala Maltin? Jekk fl-affermattiv, dan ifisser li anke l-familji tagħhom ikunu meqjusa bħala Maltin? Kemm għandna immigranti llegali bħalissa f'Malta? Jaqbel il-Viċi Prim Ministru li jkun aħjar li dawn in-nies jiġu ripatrijati?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mhux kull min jitwieled Malta jakkwista awtomatikament iċ-ċittadinanza Maltija. Skond l-artiklu 5(1) ta' l-Att dwar iċ-Ċittadinanza Maltija (Cap 188) persuni li twieldu/jitwieldu Malta fl-1 ta' Awissu 1989 jew wara, akkwistaw/jakkwistaw iċ-ċittadinanza Maltija biss jekk, fil-ġurnata tat-twelid tagħhom, wieħed mill-ġenituri kien/ikun ċittadin Malti. Infurmat ukoll illi fit-13 ta' Settembru 2004 in-numru ta' immigranti llegali miżmuma mill-Forzi tas-Sigurta' kien ta' 568. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija għandu jingħad illi dawk l-immigranti llegali li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti għal Refugee Status/Humanitarian Status skond il-proċedura stabbilita' mir-Refugees Act jiġu ripatrijati fl-inqas żmien possibli.

UE — Għajnuna fil-qasam ta' l-immigranti llegali

Question

Ġaladarba l-Italja, pajjiż kbir, staqsa lill-Unjoni Ewropea għal għajnuna fil-qasam ta' l-immigranti llegali, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb li Malta tagħmel l-istess?

Response (BORG, TONIO)

Id-Direttorat għat-Third Country Nationals fi ħdan il-Ministeru diġa' għamel talba għal ko-finanzjament ta' żewġ proġetti taħt il-European Refugee Fund in konnessjoni ma' proġetti mressqa mill-Kummissjoni Emigranti u mill-Jesuit Refugee Service. Dawn il-proġetti huma maħsuba biex itejbu l-faċilitajiet ta' akkomodazzjoni għar-refuġjati wara li jkunu ħallew iċ-ċentri ta' akkomodazzjoni. Bħalissa din it-talba qegħda tiġi kkunsidrata mill-Kummissjoni Ewropea. Dan il-Ministeru qiegħed jikkunsidra l-possibilita' ta' finanzjar mill-Unjoni Ewropea għal bini ta' ċentru ta' akkomodazzjoni ġdid kif ukoll qed iżomm għajnejh miftuħa għal opportunitajiet oħra ta' finanzjament għal proġetti oħra f'dan is-settur.

Pembroke — Triq il-Mediterran

Question

Jista' il-Ministru jinformani jekk Triq il-Mediterran, f'Pembroke hix se titkompla u jekk fl-affermattiv, jekk hux diġa' hemm data stabbilita għal dan ix-xogħol? Kemm se jiswa lill-gvern dan ix-xogħol?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Id-Direttorat tat-toroq lesta x-xogħol preparatorju sabiex tkun tista' ssir Triq il-Meditterran ġewwa Pemborke. Ġie stabbilit li x-xogħol mistenni jiġi jiswa madwar Lm97.000. Ix-xogħol fuq Triq il-Meditteran mistenni jsir iktar il-quddiem skond il-prijoritajiet li jkollu quddiemu id- Direttorat.

Qorti Kriminali — Ġurijiet pendenti

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' ġurijiet pendenti fil-Qorti Kriminali u t-tip ta' reati li għalihom l-akkużati qed jistennew li jgħaddu ġuri?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fis-17 ta' Awissu 2004 kien hemm 36 akkużi pendenti quddiem il-Qorti Kriminali. Dawn huma mqassma kif ġej:- AKKUŻI Omiċidju volontarju 5 Tentattiv ta' Omiċidju volontarju 12 Komp f'serq u omiċidju volontarju 2 Droga 13 Ħsara bi ħruq 1 Sekwestru ta' persuna - Ħarba mill-Ħabs 1 Serq kwalifikat 1 Korruzzjoni ta' minorenni 1 TOTAL 36

Persuni ta' nazzjonalita' barranija — Applikazzjonijiet għal impjieg f'Malta

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari simili 6850 li diġa' saret lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u l-Impjiegi, jista' il-Viċi Prim Ministru jindika n-numru ta' barranin li mill-1 ta' Mejju 'il hawn applikaw biex jaħdmu Malta? Għal liema ġeneru ta' xogħol applikaw?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li mill-1 ta' Mejju sa llum saru 779-il applikazzjoni sabiex barranin jaħdmu Malta. Dwar il-ġeneru ta' xogħol li qed jitolbu li jagħmlu, ninforma lill-Onor. Interpellant li ma tinżammx statistika kif mitlub minnu, iżda fejn għandhom x'jaqsmu ċittadini li ġejjin minn pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropea qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' xogħlijiet li għalihom dawn il-persuni għamlu talba sabiex jaħdmu. Ninforma lill-Onor. Interpellant ukoll li d-Dipartiment ta' l-Informazzjoni jippubblika fuq il-website tiegħu, kull l-ewwel tnejn tax-xahar, lista tal-barranin kollha li għandhom permess jaħdmu Malta. Din il-lista tinkludi ukoll it-tip ta' xogħol li għalih inħareġ il-permess.

Persuni ta' nazzjonalita' barranija — Visas

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jindika l-ammont ta' talbiet ta' extension għal visas li kien hemm matul din is-sena u s-sena l-oħra?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul is-sena l-oħra kien hemm 12,349 applikazzjoni minn barranin għal extension ta' visa, filwaqt li matul l-ewwel tmien xhur ta' din is-sena kien hemm 10,087.

Persuni ta' nazzjonalita' barranija — Visas

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jindika l-ammont ta' talbiet għal ħruġ ta' visas li kien hemm din is-sena u s-sena l-oħra?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul is-sena l-oħra kien hemm 53,803 applikazzjoni minn barranin għal ħruġ ta' visa, filwaqt li matul l-ewwel tmien xhur ta' din is-sena kien hemm 46,681.

Sea Malta — Privatizzazzjoni

Question

Jista' il-Ministru jgħid, dment u sakemm dan mhux ta' preġudizzju għall-operat tagħha, fiex wasal il-proċess ta' privatizzazzjoni tas-Sea Malta?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li l-proċess tal-bejgħ tal-ishma tal-Gvern fis-Sea Malta bħalissa wasal fl-istadju fejn il-kumpaniji nteressati li ħadu it-talba għall-proposti (RFP - Request for Proposals) qegħdin jiġbru l-informazzjoni mid-Data Room biex iħejju l-proposti tagħhom li jridu jaslu għand il-Privatisation Unit mhux aktar tard minn nofs in-nhar tal-15 ta' Settembru 2004.

Tas-Sliema — Proġett tax-Chalet

Question

Jogħġbu l-Ministru jindika x'sar mill-proġett li kellu jsir fix-Chalet f'Tas-Sliema?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li fir-rigward tal-proġett imsemmi, ġiet sottomessa applikazzjoni (PA 486/02) u d-diskussjonijiet ma' l-iżviluppaturi għadhom għaddejjin.

Xiri ta' Dar Malta fi Brussels

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid meta ttieħdet id-deċiżjoni fil-Kabinett dwar ix-xiri ta' Dar Malta fi Brussels? Meta ġie ppreżentat il-memo relevanti lill-Kabinett? L-issue ġiet diskussa u maqbula f'seduta waħda tal-Kabinett? Min kien il-Ministru li ppilota l-memorandum li rrikkmandat din id-deċiżjoni? F'liema stadju u f'liema żmien iddeċieda il-Kabinett fil-prinċipju li Malta għandha tixtri premises ta' dak id-daqs u kobor fi Brussels għar-rappreżentanza permanenti ta' Malta fl-UE?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Id-deċiżjoni dwar ix-xiri ta’ proprjetà fi Brussels li għandha takkomoda r-Rappreżentanza Permanenti ta’ Malta għall-Unjoni Ewropea kienet ittieħdet fil-laqgħa tal-Kabinett tas-17 ta’ Mejju 2004. Il-Memo relevanti ġie ppreżentat minni stess fil-kariga tiegħi ta’ Prim Ministru u Ministru tal-Finanzi.
Leg 10 PQ #7093 Sitting 164 2004-09-27 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Xiri ta' Dar Malta fi Brussels

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta ġie ffirmat kemm il-konvenju kif ukoll il-kuntratt innifsu dwar ix-xiri ta' Dar Malta? Min kienu n-nutara involuti? Kemm tħallsu tas-servizzi tagħhom?

Response (FRENDO, MICHAEL)

Billi dan il-bini ma jinkludix biss l-Ambaxxata ta' Malta għall-Belġju u l-Lussemburgu u r-Rappreżentanza Permanenti ta' Malta għall-Unjoni Ewropeja, nitolbok tirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat li kien inkarigat mix-xiri ta' din il-propjeta'.
Leg 10 PQ #7094 Sitting 164 2004-09-27 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Xiri ta' Dar Malta fi Brussels — Konsulenti

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm tħallsu għas-servizzi tagħhom il-konsulenti, tekniċi u esperti l-oħra u l-avukati Belġjani u Maltin li kienu nvoluti fit-transazzjoni tax-xiri ta' Dar Malta fi Brussels?

Response (FRENDO, MICHAEL)

Billi dan il-bini ma jinkludix biss l-Ambaxxata ta' Malta għall-Belġju u l-Lussemburgu u r-Rappreżentanza Permanenti ta' Malta għall-Unjoni Ewropeja, nitolbok tirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat li kien inkarigat mix-xiri ta' din il-propjeta'.
Leg 10 PQ #7095 Sitting 164 2004-09-27 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Xiri ta' Dar Malta fi Brussels

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta ttieħdet id-deċiżjoni li parti minn Dar Malta tiġi utilizzata minn aġenziji tal-gvern? Meta ttieħdet id-deċiżjoni li parti minn Dar Malta tiġi mikrija kummerċjalment lill-persuni/aġenziji/azjendi terzi? Kemm mill-bini kollu se jiġi utilizzat minn aġenziji parastatali? Kemm mill-bini kollu se jiġi mikri lill-privat?

Response (FRENDO, MICHAEL)

Billi dan il-bini ma jinkludix biss l-Ambaxxata ta' Malta għall-Belġju u l-Lussemburgu u r-Rappreżentanza Permanenti ta' Malta għall-Unjoni Ewropeja, nitolbok tirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat li kien inkarigat mix-xiri ta' din il-propjeta'.

Diviżjoni ta' l-edukazzjoni — part-time clerks

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex din is-sena l-part-time clerks impjegati fid-diviżjoni ta' l-edukazzjoni ma ngħatawx it-termination of employment fl-aħħar ġurnata tax-xogħol tagħhom? F'dan il-każ il-Ministru jista' jgħid min se jkun obbligat li jħallas il-kontribuzzjoni soċjali (bolla) ta' dawn l-impjegati sabiex ma jitilfu l-ebda benefiċċju soċjali sakemm dan it-termination of employment jibqa' ma jingħatalhomx?

Response (GALEA, LOUIS)

Ninsab informat li l-Part-Time Clerks impjegati mad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni ma nagħtawx it-termination of employment fl-aħħar ġurnata tax-xogħol tagħhom għar-raġunajiet li l-impjieg tagħhom ma ġiex terminat imma sempliċament sospiż mill-24 ta' Lulju sakemm dawn l-istess Part-Time Clerks jerġgħu jissejħu lura għax-xogħol fit-30 ta' Awissu 2004. Dan sar skond kif tipprovdi s-sejħa għall-applikazzjonijiet li taħtha kienu applikaw u ġew ingaġġati dawn il-Part-Time Clerks. F'każ li xi Part-Time Clerk tinsisti jew jinsisti għat-termination of employment, din tingħata u titqies bħala riżenja mill-post tax-xogħol. Informat ukoll li matul il-perjodu li l-ingaġġ ta' dawn il-Part-Time Clerks ikun sospiż, skond kif tipprovdi s-sejħa għall-applikazzjonijiet relattiva, u li matulu dawn il-Part-Time Clerks ma jitħallsux, lanqas ma titħallas il-kontribuzzjoni tas-Sigurta' Soċjali.

Tas-Sliema — Skema ta' ipparkjar

Question

Jista' il-Ministru jinformani jekk l-Awtorita' dwar it-Trasport fasslitx pjanijiet għal skema ta' ipparkjar għar-residenti f'Tas-Sliema? Jekk iva, f'liema stadju wasal?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

L-iSteering Committee for the Creation of Residents' Parking Schemes ħejja Terms of Reference sabiex kull Kunsill jagħraf jimxi meta jibgħat applikazzjoni għal Residents' Parking Scheme. Dawn it-Terms of Reference ingħataw lill-Kunsill Lokalil kollha waqt laqgħa li saret fid-19 ta' Mejju, 2004. Sal-lum, il-Kunsill Lokali ta' Tas-Sliema għadu ma għamilx tali applikazzjoni skond it-Terms of Reference.

Persuni minn pajjiżi tal-UE — Reġistrazzjoni ta' passaporti fid-dwana

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jinformani għaliex hemm l-obbligu li ċittadini tal-EU, inklużi Maltin, għandhom imorru għand id-dwana bil-passaporti tagħhom sabiex jgħidu li waslu/jew iħallu Malta bil-baħar? Għaliex dan is-servizz wara s-7.00 p.m. jingħata biss mill-Belt u jekk hemmx bżonn dan it-tip ta' reġistrazzjoni?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi ċittadini ta' l-Unjoni Ewropeja xorta waħda jrid ikollhom dokument ta' l-ivvjaġġar mal-wasla jew tluq tagħhom minn Malta, li jrid jiġi muri lill-aworitajiet ta' l-Immigrazzjoni, kemm jekk jaslu bl-ajru kif ukoll bil-baħar. Infurmat ukoll illi l-uffiċċju tal-Immigrazzjoni jkun miftuħ matul il-ġurnata, li huwa l-ħin l'aktar frekwenti għat-tluq ta' vjaġġi bil-baħar.

Ħal Qormi — Ta' Farsina - Kmamar tal-gvern abbandunati

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex iż-żewġt ikmamar tal-gvern li hemm abbandunati biswit Blokk 2, f'Ta' Farsina housing estate qed jitħallew mingħajr ebda użu? Jista' jgħid x'qed iżomm jew jistenna d-dipartiment ta' l-artijiet biex jagħti l-użu mill-ġdid ta' dawn il-kmamar li ilhom abbandunati għal aktar minn 25 sena? Jista' jgħid għaliex qed jiġu njorati t-talbiet ta' residenti biex jixtru jew jikru dawn il-kmamar mingħand id-dipartiment ta' l-artijiet? Jista' jikkonferma jekk hemmx il-ħsieb u meta se jinħarġu xi offerti għall-użu ta' dawn il-kmamar?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li t-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern qed tieħu l-passi neċessarji sabiex fil-futur qarib il-kmamar li qed jirreferi għalihom l-Onorevoli Interpellant jinkrew.