Dipartiment ta' l-artijiet — Kumpens fuq proprjeta'
Question
Peress illi hemm ħafna persuni li ilhom jistennew biex jirċievu l-kumpens għall-proprjeta' esproprjata lilhom minħabba skopijiet pubbliċi, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid meta se jitħallsu l-kumpensi dovuti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi d-Dipartiment ta' l-Artijiet iħallas kumpens kull sena għall-proprjeta' esproprijata skond l-ammont ta' fondi li jkollu allokati għal dan il-għan. Għall-esproprjazzjoni li saret wara l-1993, il-fondi jiġu allokati mill-vot tad-Dipartiment li jitlob l-esproprjazzjoni u jinżammu f'fond separat. Mill-1 ta' Jannar 2004, ebda Dikjarazzjoni tal-President ma tista' toħroġ jekk il-kumpens ma jiġix depożitat f'kont bankarju favur is-sidien tal-proprjeta' esproprjata.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 4968 li saret fis-seduta tad-29/03/04, seduta 114 li għaliha għadha ma ngħatatx ir-risposta, tista' il-Ministru ġentilment telenka x-xogħlijiet ta' manutenzjoni li saru fl-iskejjel ta' Għawdex matul is-snin, 2002, 2003 u 2004 s'issa għal kull skola separatament u tgħid ukoll kemm swiet kull biċċa xogħol? Tista' tgħid liema minn dawn ix-xogħlijiet saru mill-ħaddiema tal-gvern u liema saru minn kuntratturi privati?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 6788 u r-risposta relattiva, jista' il-Ministru jispjega x'hemm maħsub u x'irid jgħid biha li x-xogħol jiġi ridimensjonat u fiex jikkonsisti?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li f'rapport li ħejjet l-Awtorita' Marittima, wara diversi diskussjonijiet mal-paritijiet konċernati, issa ġew identifikati l-possibilitajiet u l-alternattivi kollha li attwalment jeżistu sabiex jista' jitkompla l-proġett tal-mollijiet u terminals ġewwa ċ-Ċirkewwa u l-Imġarr.
Billi d-deċiżjoni finali dwar dawn il-proposti għadha ma ttiħditx m'iniex f'pożiżżjoni li nagħti dettalji iktar speċifiċi f'dan l-istadju.
Madankollu, il-Gvern jibqa' mpenjat li, permezzz ta' dan il-proġett, il-mezz ta' trasport marittimu bejn Malta u Għawdex jissaħħaħ u jitjieb konsiderevolment.
B'riferenza għat-talba urġenti bir-referenza ECSD/4/473/2003 tal-persuna li isimha qed jintbagħat separatament, jista' il-Ministru jara li tiġi rimedjata f'Imtarfa Home? Jekk fl-affermattiv, meta?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lil-Onor. Interpellant li l-persuna li isimha ntbagħat separatament applikat għall-Imtarfa Home fit-12 ta' Diċembru, 2002. Sarilha l-assessment soċjali fis-27 ta' Diċembru, 2002 fejn il-familja tagħha ġiet mogħtija l-parir biex tapplika għar-Residenza ta' San Vinċenz minħabba l-kundizzjoni tagħha. L-assessment mediku kkonferma dan il-parir.
Peress illi kien hemm ilmenti minn diversi produtturi tat-tadam fis-sens illi peress li l-kwoti ngħalqu mhux qed isibu l-bejgħ tal-bqija tat-tadam għaliex mhux kopert bis-sussidju, jista' il-Ministru jara kif din is-sitwazzjoni tiġi rimedjata biex dawn il-produtturi jkunu jistgħu jbiegħu l-prodotti tagħhom?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li f' ħafna każijiet l-ammont ta' tadam ikkuntrattat żdied b' massimu ta' 30 fil-mija fuq il-kwota skond kif inhu permess mir-regolamenti ta' l-Unjoni Ewropea. Il-bdiewa sejrin jirċievu s-sussidju ta' 7ċ kull kilo għat-tadam kollu li biegħu lill-proċessuri, minbarra il-prezz minimu ta' 2ċ mingħand il-proċessuri.
Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 6877 u cioe' jista' jgħid jekk ġewx identifikati l-financial advisors u investment banks li se jkunu konnessi mal-privatizzazzjoni prospettiva tal-Maltacom? Jekk le, f'liema stadju se jsir dan u liema proċess se jiġi adottat dwar l-għażla tagħhom?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li l-għażla tal-Konsulent prinċipali waslet fi stadju avanzat. Il-proċess li sar kien jinkludi "Expressions of Interest" li konkorew għaliha 40 organizzazjoni. Wara għazla 10 ġew identifikati biex jibgħatu Proposta detaljata. Min dawn ġew mgħażula 4 li kienu mitluba jiġu Malta biex jgħamlu presentazzjoni. Wieħed min dawn l-erbgħa ser jiġi maħtur bħala konsulent. Malli dan jinħatar isir Avviż pubbliku skond il-ħtieġiet tal-Borza Malta u ta' Londra.
Jista' il-Ministru jgħid b'mod ċar fejn waslu l-proċeduri li nbdew mill-istess dipartiment biex tinbidel il-liġi preżenti li tkopri l-liċenzja dwar l-użu ta' riċevituri tas-satellita anke fid-dawl tad-direttiva tal-Kummissjoni Ewropea (KE) fi ħdan l-UE (ref: IP/01/31 approvata fl-2001) li tispjega b'mod ċar li m'għandux ikun hemm ostakli imposti fl-użu ta' dan is-servizz?
Jista' jgħidilna wkoll jekk il-KE (Internal Market DG) ġibditx l-attenzjoni dwar din l-anomalija li qed tikser xi artikli bażiċi tal-EC Treaty f'dak li għandu x'jaqsam ma' moviment ħieles ta' prodotti u servizzi (free movement of goods and services)?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infuramt li minn imkien ma jiriżulta illi il-KE (internal market DG) jew xi direttorat ieħor ta' l-E.U. ġibed l-attenzjoni tal-gvern fuq ksur ta' xi artiklu tal-EC Treaty dwar moviment ħieles ta' prodotti jew servizzi.
Għaliex numru ta' impjegati fl-Air Malta li huma fis-sezzjoni tar-rampa li huma ground handlersgħadhom mhumiex qed jingħataw paga daqs oħrajn meta dawn qed jagħmlu l-istess xogħol ta' l-oħrajn, u cioe' dawk li daħlu qabilhom? Issa li Malta hija membru fl-EU, il-Ministru m'għandux jara li ma jkunx hemm aktar diskriminazzjoni bejn ħaddiema ta' l-istess xogħol fil-qasam tagħhom? Jista' il-Ministru jinvestiga għaliex dawn il-ħaddiema li kienu bil-kuntratt u ġew tal-post, minn Jannar 2004 il-kuntratt tax-xogħol tagħhom għadu ma ngħatax lilhom?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li Airport Handlers huwa grad ġdid u x-xogħol tagħħom mhuwiex l-istess bħal tal-loaders/drivers.
Wara li l-Lotto Department ġie prattikament privatizzat minn kumpannija Griega, jista' il-Prim Ministru jgħid x'inhuma l-kondizzjonijiet tal-ħaddiema kollha f'dan id-dipartiment u jekk il-kondizzjonijiet li dejjem kellhom u gawdew qabel il-privatizzazzjoni għadhomx l-istess peress li sal-lum ħadd ma nfurmahom dwar dan?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-ħaddiema tad-Dipartiment tal-Lottu Pubbliku huma kollha ħaddiema tal-Gvern u għalhekk wara li l-operat tad-Dipartiment ġie privatizzat, dawn il-ħaddiema ser jiġu redeployed skond l-esiġenzi tas-Servizz.
B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 6575, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm kawżi pendenti quddiem id-diversi bordijiet u/jew tribunali li ġew effettwati bis-sentenza mogħtija mill-Qorti Kostituzzjonali u li se jiġu riferuti lura lill-istess bordijiet u/jew tribunali per konsegwenza ta' dik id-deċiżjoni? Rigward il-fatt li r-rimedju tar-rikors jibqa' applikabbli f'dawk il-każi (kif dejjem kien), jista' jgħid: 1) kemm tiswilu finanzjarjament individwu li jkollu jagħmel tali rikors? 2) kemm jieħu żmien wara li jiġi intavolat dak ir-rikors, biex jiġi appuntat u deċiż? Kien hemm xi riżultat dwar l-eżami tas-sitwazzjoni li kellu jsir mill-uffiċċju ta' l-Avukat Ġenerali?
Response (BORG, TONIO)
Għar-rigward l-ewwel parti tad-domanda l-Onor. Interpellant huwa nfurmat li n-numru ta' kawżi pendenti li huwa mistenni li ser jiġu effetwati huma tlieta.
Għar-rigward it-tieni parti tad-domanda l-ispejjeż involuti huma s-segwenti: presentata tar-rikors kostituzzjonali jiswa Lm25, hemm Lm50 dritt tar-Reġistru u Lm3 għal kull notifika, d-dritt tal-konsulent legali jvarja minn Lm20 sa Lm300, t-tieni ż-żmien involut jibda billi tali rikors jiġi appuntat fi żmien tmint ijiem tax-xogħol pero' ma hemmx regola ta' kemm idum ma jiġi deċiż għalkemm il-liġi tippresumi li dawn jinqagħtu malajr kemm jista' jkun.
Dwar l-aħħar parti tal-mistoqsija ninsab infurmat li l-Avukat Ġenerali ma jidhirlux li hemm xi ħtieġa għal tibdil fil-pożizzjoni preżenti.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid min huma l-kuntratturi jew l-aġenti li għandhom il-kumpannija tal-wardens fil-Belt Valletta u jekk hux minnu li l-kuntrattur imsemmi ried il-kuntratt tal-Furjana fejn m'hemmx wardens jew Ħal Qormi? Jikkonferma li l-persuna li isimha qed jintbagħat separatament, hija l-persuna li qed tieħu ħsieb dan kollu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-kuntratt lill-aġenzija tal-Gwardjani Lokali jsir bejn il-Kumitat Konġunt u l-aġenzija li tkun ingħatat it-tender. Għaldaqstant, nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Kumitat Konġunt tal-Belt.
Jista' il-Ministru jgħid min huma l-kuntratturi li krew żewġ stackers, mudell Kalmar, li qed jaħdmu fil-Freeport? Jikkonferma li l-lessor tiġi miċ-chairman preċedenti tal-Freeport?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li r-reachstackers tal-Kalmar mhumiex kuntrattati izda huma propjeta tal-Freeport
Sigurta' Soċjali — Każ dwar pensjoni ta' l-invalidita'
Question
Tista' il-Ministru tinvestiga l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li madwar erbgħa snin ilu kienet applikat Md overseas in terms of section 1304 of the Social Security Act 1991 u sal-lum għadha ma ngħatatx l-invalidity pension minkejja li ħadmet fl-Awstralja għal aktar minn tmien snin?
Tista' il-Ministru tgħid x'żamm milli tinħareġ din il-pensjoni ta' l-invalidita' fil-każ in eżami?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li d-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali nforma direttament u bil-miktub lill-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant dwar il-każ tagħha.
MEPA — Permess għal tibdil ta' faċċata ta' dar fl-Imdina
Question
Jista' il-Ministru jgħid x'permessi nħarġu għat-tkissir u tibdil tal-faċċata ta' dar fl-Imdina li l-indirizz tagħha qed jintbagħat separatament? Liema xogħol saret applikazzjoni għalih, minn min saret u meta?
Saru spezzjonijiet fuq il-post biex jiġi żgurat li jek hemm permess, ix-xogħol qed isir kif suppost?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li fuq dan is-sit inħarġu tliet permessi, cioe:
PA 2209/03 fis-16 ta' Lulju 2003 għal alterazzjonijiet u estensjoni,
PA 4690/03 fit-12 ta' Dicembru 2003 għal estensjoni żgħira fl-ewwel sular u fil-livell tal-bejt, u
PA 1178/04 fit-12 ta' Lulju 2004 "
to trim hacked surface of masonry blockwork at ground floor level of existing house and replace with old stone cladding to merge with rest of facade in terms of colour, texture and course height, to add stone cladding around door of balcony at first floor level
"
.
Saru diversi spezzjonijiet mis-sezzjoni ta’ l-Infurzar ta’ l-Awtorita' ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) u rriżulta li x-xogħol qiegħed skond dawn il-permessi.
Skejjel ta' l-Istat — Tagħlim tal-lingwa Ingliża lil barranin
Question
Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 6589 u cioe' jista' jgħid liema huma dawk l-iskejjel ta' l-Istat li se jintużaw minn organizzazzjonijiet biex jiġi mgħallem l-Ingliż lill-barranin f'dan is-sajf? F'kull każ, kemm hu l-ħlas li ntalab u x'kondizzjonijiet oħra jridu jitħarsu?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 6591 u cioe' peress li qed ikolli diversi lmenti minn ġenituri li jibagħtu lit-tfal tagħhom fid-diversi skejjel ta' l-istat, privati u tal-knisja, fejn dawn jilmentaw minn ikel u xorb li jevitaw id-dar, iżda li jinbiegħ f'tuck shops u canteens ta' l-iskejjel, jista’ jgħid għaliex minflok linji gwida ma toħroġx ordni biex ċerti ikel, xorb u ħelu ma jkunux jistgħu jinbiegħu? Ma jaħsibx li dan jgħin bil-kbir biex jevita l-obesita' fit-tfal u b'hekk jgħin inaqqas l-ispiża fil-kura?
Response (GALEA, LOUIS)
Ninsab infurmat illi l-bejgħ ta' ikel mit-tuck shops fid-diversi skejjel ta' l-istat huwa kkontrollat minn kondizzjonijiet li jinsabu fil-kuntratt ta' l-offerti għall-kiri tat-tuckshops li, fil-maggoranza tagħhom, jinħarġu għall-pubbliku mill-amministrazzjoni ta' l-istess skejjel. Il-linji gwida jelenkaw x'għandu u x'mgħandux jinbiegħ, u l-amministrazzjoni ta' kull skola għandha d-dover li tissorvelja kull bejgħ li jsir. Jekk ikun hemm xi nuqqasijiet min-naħa tal-kuntrattur, għandha tinġibidlu l-attenzjoni u anke jintemmlu l-kuntratt jekk drabi oħra jerġa' jinstab li ma osservax il-kondizzjoniiet tal-kuntratt.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentri 6305, ma jaħsibx il-Minsitru li huwa ferm importanti li jkun hemm regolamenti speċifiċi għat-tmexxija ta' l-iskejjel tas-sajf, speċjalment dawk privati biex jiġi żgurat li t-tfal, ħafna minnhom żgħar, jiġu ndukrati sew?
Response (GALEA, LOUIS)
Filwaqt li huwa tajjeb li jkun regolarizzat kemm jista' jkun kull servizz li jingħata lill-pubbliku u speċjalment lit-tfal, wieħed għandu fl-istess ħin joqgħod attent li ma joħnoqx inizjattivi tal-volontarjat li jsiru matul is-sajf favur it-tfal u ż-żgħażagħ.
Jista' il-Ministru jgħid liema kienu dawk l-iskejjel li ħassru l-iskejjel tas-sajf tagħhom, anke wara li kienu żammew il-flus u bagħtu l-informazzjoni kollha lill-ġenituri? Jikkonferma li tħassar kollox wara li tħabbar li l-gvern impona 18% VAT fuq l-iskejjel ta' l-istat?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ma kien hemm l-ebda skola li ħassret il-programm tagħha ta' Skolasajf.
Jista' il-Ministru jgħid xi proċedura hemm dwar il-wirt tal-liċenzji tal-ħaddiema tax-Xatt minn fuq il-missier għal fuq l-iben u dawn inkluż dawk il-każijiet fejn il-persuna li tkun ħadmet ix-Xatt tkun ħarġet mix-xogħol fl-1979? Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-lista tan-nies li sal-lum għadu ma sarx il-wirt minn fuq il-missier għal fuq l-iben jew bint?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li skond ir-Regolamenti Dwar il-Ħaddiema tal-Port tal-1966 il-post vakanti ta' ħaddiem tal-port setgħa jintiret mill-ikbar tifel jew ħu l-ħaddiem tal-port meta dan jirtira. Din kienet tapplika għal dawk il-ħaddiema tal-port li kienu reġistrati fl-10 ta' Ġunju 1975 fis-sezzjonijiet ta' l-istivaturi ta' merkanzija ġenerali jew tal-port labourers. Il-post vakanti ta' ħaddiem tal-Port minn sezzjonijiet oħra bħal bulk cargo workers u cargo workers ma setax jimtela mit-tifel jew ħu dak il-ħaddiem.
Skond ir-Regolamenti Dwar il-Ħaddiema tal-port ta' 1993 post vakanti ta' ħaddiem tal-port seta' jintiret mill-ikbar tifel ta' ħaddiem tal-port li kien reġistrat fis-17 ta' Settembru 1990 meta l-ħaddiem tal-port jirtira, jmut jew jiġi ċertifikat li medikament ma jkunx tajjeb għal xogħol tal-port. F'każ li dak il-ħaddiem ma kellux ulied u kien hekk reġistrat fl-10 ta' Ġunju 1975 il-post seta' jintiret minn ħuħ.
M'hux il-każ li jingħataw ismijiet ta' persuni individwali dwar drittijiet privati.
Tista' il-Ministru tara li t-talba li saret minn applikant miż-Żurieq li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, quddiem l-awtorita' tad-djar tiġi milqugħa?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li fil-ġranet li ġejjin il-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant mistennija tiffirma l-ftehim ma' l-Awtorita' tad-Djar għall-għotja għall-irranġar u titjib fir-residenza tagħha.