Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid meta se tkun lesta l-inkjesta maġisterjali dwar il-Fondazzjoni għall-Iskejjel t'Għada? Jekk din tlestiet, jista' ipoġġiha fuq il-mejda tal-Kamra? Jekk ir-risposta hi fin-negattiv, jista' jgħid meta din se tkun lesta?
Response (BORG, TONIO)
L-inkjesta li fetħet il-Maġistrat Consuelo Herrera fuq informazzjoni mill-Onor. Carmelo Abela ingħalqet u l-proċess verbal relattiv wasal għand l-Avukat Ġenerali fit-2 ta' Settembru 2004.
L-Avukat Ġenerali qed jeżamina l-konklużjonijiet tiegħu sabiex jiddeċiedi jekk hemmx lok għal proċeduri kriminali jew investigazzjonijiet ulterjuri kif isir is-soltu.
Dwar it-tieni parti tad-domanda, iva r-rapport eventwalment se jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
UE — Kuntratti ta' translation għal-lingwa Maltija
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid min huma l-individwi u soċjetajiet li ngħataw il-kuntratt/i ta' translation għall-Malti ta' direttivi, eċċ. ta' l-EU matul l-2004?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hi kif jidher hawn taħt:-
Euris Consult Ltd J. Zammit Mangion
CDF Advocates Charlo' Bonniċi
Charles Vella Claudine Camilleri
Dr Ivan Gatt Debbie Grech
GTS Ltd Denise Gatt
Mark/Angele Scicluna Doris Spiteri
Achille Mizzi Dorothy Calleja
Alison Scerri Dr Franco Bondin
Carmelo Grima Franco Masini
Dr Lorna Cachia Frans Said
Dr Louise Farrugia Henry Naudi
Mario Padovani Ingrid Zerafa
Dr Sandra Vassallo James Farrugia
Dr Victor Zammit Josef Trapani
Alfred Pace
Carmen Bondin
Kevin Incorvaja
Dipartiment ta' l-Artijiet — Applikazzjoni għall-bini ta' beach rooms
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jilqa' it-talba tal-persuni li tagħhom qed nibgħat kopja separatament, fil-limiti tal-Mellieħa? Jekk fl-affermattiv, jista' ipoġġi kopji tal-korrispondenza in kwestjoni fuq il-mejda tal-Kamra mid-dipartimenti konċernati?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-applikazzjoni li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant hija waħda magħmula lill-MEPA. Għalhekk l-Onorevoli Interpellant huwa mitlub li jirreferi l-mistoqsija tiegħu lil Ministeru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent.
Jista' id-dipartiment tal-biedja jestendi l-appoġġ tiegħu fil-kwestjoni u cioe' għat-talba tar-residenti fil-Mellieħa li kopja tagħha qed tintbagħat separatament?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li saru diversi diskussjonijiet u spezzjonijiet minn-naħa tad-Dipartiment tal-Biedja fuq is-sit b’ kunsultazzjoni mal-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) sabiex kemm hu possibbli r-raba maħdum ma jitteħidx għall-proġett tal-kmamar fil-Marfa, kif indikat fil-Pjan ta' Azzjoni.
Jista' il-Ministru jestendi l-għajnuna fil-każ li qed jintbagħat separatament, sabiex tiġi salvata r-raba f'Burmarrad tal-bdiewa ta' l-inħawi u taz-zona rurali? Jekk fl-affermattiv, jista' ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-korrispondenza tad-dipartiment ta' l-agrikoltura dwar it-talba tiegħi?
Response (PULLICINO, GEORGE)
L-art li għaliha qiegħed jirreferi l-Onor. Interpellant hija meħtieġa sabiex isiru xogħolijiet biex jiġi ddevjat l-ilma tax-xita sabiex ma terġax issir ħsara fir-raba fl-inħawi, kif sar fil-maltempata tas-sena l-oħra. L-art intgħażlet bi qbil ukoll mal-uffiċjali tekniċi mill-Ministeru għar-Riżorsi u Infrastruttura.
Jista' il-Ministru jara li d-dipartiment ta' l-ambjent jestendi l-għajnuna sabiex tiġi salvata r-raba f'Burmarrad li kopja tagħha qed tintbagħat separatament?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 6919.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 6815, jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja ta' l-istandards li l-bdiewa jridu jkunu konformi magħhom?
Jista' jinformani min hu l-uffiċjal li jista' jiċċertifika li l-prodott huwa organiku?
Jista' ukoll ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja ta' l-istandards stabbiliti għaċ-ċertifikazzjoni?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-istandards li jirreferi għalihom l-Onor. Interpellant huma r-regolamenti stess li huma mniżżlin fir-regolament EC 2092 ta' l-1991 li jitratta l-agrikultura organika. Dan minnu nnifsu huwa Manwal ta' Produzzjoni fuq l-Agrikultura Organika li jiddiskrivi dak kollu li jista' u ma jistax isir fl-Agrikultura Organika.
Bħala risponsabbilta' għaċ-ċertifikazzjoni, din taqa' taħt il-Malta Standards Authority, u għalhekk nistieden lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-parti tal-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' il-Ministru jgħid kemm sar overtime fl-Angio Suite fl-isptar San Luqa matul is-snin 2001, 2002, 2003 u din is-sena s'issa mill-impjegati f'dan id-dipartiment? Min huma dawk li ħadu l-overtime u kemm tħallsu kull wieħed?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
Santa Venera — Għaqda festi esterni - permess għan-nar ta' l-ajru
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex din is-sena ma ngħatax permess lill-għaqda festi esterni Santa Venera biex jinħaraq in-nar ta' l-ajru tal-festa biswit l-inħawi tal-mini ta' Santa Venera meta snin oħra dejjem inħareġ dan il-permess f'dan il-post?
X'konsultazzjonijiet saru mill-awtorita' dwar it-trasport ma' din l-għaqda tal-festa biex jinstabu l-aħjar soluzzjonijiet ħalli ma ssirx ħsara lill-kultura f'din il-komunita'?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi wara li s-sit imsemmi mill-Onorevoli Interpellant ġie spezzjonat mill-Kumitat dwar l-Esplossivi, kien ġie ddikjarat li minn dan is-sit ma setgħax jiġi maħruq in-nar ta' l-ajru kif mitlub, minħabba li ma kienx hemm distanza kif rikjest fir-Regolamenti.
Ġentilment nissuġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jirreferi t-tieni parti tal-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-bus lane li saret fi Triq Aldo Moro, fil-Marsa tistax tkun projbita għat-traffiku f'ċertu ħinijiet biss matul il-ġurnata u mhux kif inhi bħalissa sabiex jitnaqqas il-konġestjoni ta' traffiku fuq il-lanes l-oħrajn f'din it-triq?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Il-bus lane jintuża mill-karozzi tal-linja kemm waqt perjodi fejn ikun hemm ħafna traffiku (peak hours) kif ukoll waqt perjodi oħra fejn it-traffiku jkun inqas. Ma nistax nara x'benfiċċju jista' jkollu l-użu tal-bus lane minn karozzi privati waqt il-ħinijiet li ma jkunx hemm ħafna traffiku.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li ċerti volumi li huma ntiżi għall-pubbliku in ġenerali u li jinsabu fir-Reġistru Pubbliku, mhumiex qegħdin jintwerew lill-pubbliku, liema volumi huma noti ta' referenza għall-ipoteki?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li mhux minnu li noti ta’ referenza għall-ipoteki m'humiex qed jintwerew għall-pubbliku. Li ġara kien biss li nbidel il-metodu ta' aċċess - minflok il-hard copy tar-reġistri, il-pubbliku ingħata l-possibilita' li, wara x-xogħol kbir li sar fil-kompjuterizzazjoni tar-Reġistru Pubbliku, jara n-noti kollha mill-1995 sa llum fuq il-kompjuter fir-Reġistru ta' l-Artijiet, fi Triq il-Punent, fil-Belt Valletta u dan mingħajr l-ebda ħlas.
Din il-bidla seħħet minħabba żewġ raġunijiet prinċipali. L-ewwel waħda għandha x’taqsam ma’ l-istat ħażin ta’ ċerti volumi, liema stat ser ikompli jiddeterjora jekk il-volumi ser jibqgħu jiġu mmaneġġjati. It-tieni raġuni hija sabiex il-possibilita’ ta’ abbuż tiġi meqruda darba għal dejjem.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'passi ħadu l-pulizija ta' l-għassa ta' Bormla rigward post li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li hu strutturalment perikoluż b'konsegwenza li qed joħloq periklu għal terzi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija ma kellha ebda rapport dwar il-ħsarat imsemmija mill-Onorevoli Interpellant. Pero' in vista ta' din il-Mistoqsija, il-Pulizija bdiet il-proċeduri skond il-liġi sabiex jekk hemm xi periklu jitneħħa.
Anzjani — Anzjana li ġiet rifjutata li tingħata s-sussidju
Question
Jista' il-Ministru jgħid għaliex l-anzjana li isimha qed jintbagħat separatament, li hija residenti ġewwa Villa Messina ġiet rifjutata li tingħata sussidju wara talba li għamlet?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma l-Onor. Interpellant li fil-preżent id-Dipartiment mhux qed jilqa' l-ebda talba għal sussidju minn anzjani li diġa qegħdin f'residenza privata għall-anzjani minħabba li qed jiġu stabbiliti kriterji ta' kif għandu jingħata dan is-sussidju.
Awtorita' tad-Djar — Talba għal servizz ta' care & repair
Question
Tista' il-Ministru tara li persuna anzjana li tgħid waħedha ġewwa l-Birgu u li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, tibbenefika mis-servizz ta' care & repair?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li ser issir spezzjoni fil-ġranet li ġejjin minn naħa ta' l-Awtorita' tad-Djar biex jiġi verifikat jekk il-persuna konċernata tistax tibbenefika taħt l-inizjattiva tal-Care and Repair.
Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 6778 u cioe' jista' jara li l-għalqa li hemm fi Triq Wied Glavan fix-Xgħajra titnaddaf u jinbena ċint skond il-liġi (kopja tal-pjanta qed tintbagħat separatament)? Jaf li f'din l-għalqa qed jintrema' ammont ta' skart li qed joħloq inkonvenjent filwaqt li qed ikun ta' periklu għas-saħħa tar-residenti ta' l-istess triq? Jaf li għalkemm saru diversi ilmenti ma' l-awtoritajiet konċernati baqa' ma sar xejn u dan bl-iskuża li s-sidien ta' l-għalqa mhumiex magħrufa?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li s-sit indikat m’ huwiex għalqa iżda biċċa art żdingata, b’appoġġ ma bini eżistenti, u l-Kunsill Lokali għandu d-dmir li jara li din il-proprjeta’ tinżamm nadifa. Madankollu, ninsab infurmat ukoll li l-Spetturi ta' l-Ambjent mill-"Pollution Prevention and Control Unit" tad-Direttorat għall-Ħarsien ta’ l-Ambjent fi ħdan l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) investigaw dan l-ilment u nbdew proċeduri biex jiġu mgħarufa min huma s-sidien legali tas-sit li fuqu qed jiġi mormi dan l-iskart. Dan biex jiġu avżati li jnaddfu l-post minnufih u jinbnew ċnut madwar is-sit biex iktar rimi ta' skart jiġi evitat.
Jista' il-Ministru jara li malajr kemm jista' ikun jinbidlu ż-żewġ arbli li hemm fil-Mellieħa shooting range li magħhom hemm marbutin diversi cables ta' l-elettriku u li jinsabu fi stat perikoluż ħafna tant li jistgħu jikkollossaw minn ħin għall-ieħor?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li minn investigazzjoni li saret jirriżulta li l-arbli ndikati veru kellhom bżonn jinbidlu. Ix-xogħol meħtieġ diġa sar.
Jista' il-Ministru jgħid fiex jikkonsisti x-xogħol li qiegħed isir fit-toroq arterjali bil-fondi tal-Protokol Taljan?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ix-xogħolijiet li qed isiru f'toroq arterjali mill-fondi tal-Protokoll Taljan jikkonsistu :
1. L-iddiżinjar tad-dettalji tat-toroq, junctions etc.
2. Qlugħ tal-wiċċ eżistenti u l-bini mill-ġdid tat-triq.
3. Qlugħ ta'
junctions
u
roundabouts
u l-bini mill-ġdid tagħhom.
4. Bini ta'
culverts
komuni għas-servizzi.
5. Tqegħid ta' katusi għad-dranaġġ u għall-ilma tax-xita.
6. Ċaqliq ta'
cables
eżistenti.
7. Infrastruttura għall-
landscaping
mat-toroq.
8. Bini tal-ħitan u bini tal-bankini.
9. Stallazjoni tas-sinjali tat-traffiku u dawl tat-toroq.
Jista' il-Prim Ministru jgħid għal liema raġuni messaġġiera li ġew detailed minn mal-posta għal mal-gvern fl-1995 qed jiġu mċaħħda milli japplikaw għal senior court messengers?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jiena nfurmat li ma saret ebda sejħa għall-applikazzjonijiet għall-grad ta’ Senior Court Messenger.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 6789 u r-risposta relattiva, ma jaħsibx il-Ministru li jekk bejn gap u oħra jsiru xi gradi li ma jtellfux il-passaġġ ta' l-ilma jiġu evitati inċidenti ta' nies li jaqgħu f'dawn l-istess gaps?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-Awtorita' Marittima għalqet dawn il-gaps imsemmija mill-Onorevoli Interpellanta filwaqt li ġiet installata sistema sabiex tiżgura li l-passaġġ ta' l-ilma tax-xita ma jiġix ostakolat.