Legislature:
Category:
Reset
Active:

Air Malta — Handling

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hux veru li l-handling fl-Air Malta se jiġi meħud minn kumpannija oħra barra l-Air Malta u jekk huwa l-każ x'se jiġri mill-ħaddiema preżenti tar-rampa?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li l-Air Malta m'għadhiex tgawdi aktar il-monopolju tal-Handling kif kienet qabel. Min-naħa l-oħra l-Air Malta tat garanzija li ma tagħmilx redundences kif hemm stipulat fil-ftehim milħuq bejn l-erba' Unions u l-Air Malta artiklu 2.3.

Kumitat dwar il-kontroll ta' l-abbuż ta' l-alkoħol

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 5084 fejn intqal li fil-ministeru hemm kumitat dwar il-kontroll u l-abbuż ta' l-alkoħol, tista' il-Ministru tgħid minn min hu magħmul dan il-kumitat? Sar xi rapport u/jew xi suġġeriment biex, b'mod partikolari, iż-żgħażagħ jiġu protetti mill-abbuż ta' l-alkoħol? Meta se jidħlu miżuri aktar stretti biex jaraw li tfal taħt is-16-il sena ma jitħallewx jidħlu f'bars, nightclubs, eċċ.?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kumitat li għamel referenza għalih hu wieħed informali u hu kompost minn persuni ġejjin minn firxa wiesgħa ta' setturi differenti nkluż dawk li b'xi mod għandhom x'jaqsmu mal-konsum ta' l-alkoħol minn minuri. Dawn kienu jinkludu Membri Parlamentari miż-żewġ naħat tal-Kamra, il-Pulizija, nies mill-industrija, għaqdiet ta' ġenituri, kif ukoll minn aġenziji li huma nkarigati mill-kura u l-prevenzjoni mill-abbuż ta' l-alkoħol. Dan il-kumitat iltaqa' darbtejn u matul dawn il-laqgħat ġew diskussi modi ta' kif l-abbuż mill-alkoħol minn minuri jista' jiġi kkontrollat, speċjalment f'postijiet tad-divertiment. Inizjattiva speċifika kienet li jitwaħħlu f'bars tabelli li javżaw li hu llegali li jinbiegħ alkoħol lil persuni taħt is-sittax-il sena. Kienet ġiet diskussa wkoll il-Bye Law tal-Kunsill Lokali ta' San Giljan, li issa ġiet fis-seħħ, li tipprojbixxi l-konsum ta' alkoħol f'kontenituri tal-ħġieġ fit-toroq. Għalkemm l-għan prinċipali ta' din il-Bye Law kien li jiġu evitati perikli u ncidenti, l-effett sekondarju hu li jonqos ix-xorb alkoħoliku fost il-minuri. L-imsemmi kumitat mistenni jerġa jiltaqa' fil-ġimgħat li ġejjin biex, fost affarijiet oħra, jħares lejn il-liġijiet eżistenti li għandhom x'jaqsmu max-xiri u konsum ta' l-alkoħol mill-minuri u jindirizza xi anomaliji li jista' jkun hemm. Irrid ngħid ukoll li l-Kummissjoni Nazzjonali kontra l-Abbuż mid-Droga, Alkoħol u Vizzji oħra ġiet inkarigata biex issegwi x-xogħol ta' dan il-kumitat f'qafas usa tat-tfassil ta' pjan nazzjonali kontra l-abbuż mill-alkoħol. Dan il-pjan qed isir bil-konsulenza u l-fondi pprovduti mill-Unjoni Ewropea.

Żgħażagħ taħt l-eta' — Dħul f'postijiet ta' divertiment

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien hemm żgħażagħ taħt is-16-il sena li nqabdu f'bars, nightclubs u postijiet oħra ta' divertiment mill-1 ta' Ġunju 2004 sal-lum? Kemm kien hemm barranin? F'liema lokalitajiet? X'passi ttieħdu kontra s-sidien ta' dawn il-postijiet?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bejn l-1 ta' Ġunju u l-20 ta' Settembru 2004 kien hemm 19-il persuna, waħda minnhom ta' nazzjonalita' barranija, li nqabdu mill-Pulizija f'postijiet ta' divertiment. Qed jittieħdu proċeduri kriminali quddiem il-Qorti kontra s-sidien ta' dawn il-postijiet, li jinsabu f'San Ġiljan, il-Fgura u Birżebbuġia.

Skejjel tal-Knisja — Fondi mgħoddija mill-gvern

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'kienet is-somma totali li tħallset mill-gvern lill-iskejjel tal-knisja bħala parti mill-ftehim biex jitħallsu l-għalliema, eċċ.? Kemm ħadet kull skola individwalment?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-ammont li se jingħata lil-iskejjel tal-Knisja għal din is-sena skond l-estimi finanzjarji tal-Gvern (kif riveduti) jiġifieri sa' Diċembru 2004, huwa ta' Lm10,900,000. L-ammont li tiehu kull skola individwalment huwa amministrat mit-taqsima edukazzjoni tal-Knisja skond il-bżonn ta' kull skola, liema ammont jiġi imqassam skond is-sena finanzjarja Jannar-Diċembru, u għalhekk l-ammont li jingħata lil kull skola ikun magħruf kif tagħlaq is-sena finanzjarja li tispiċċa f'Diċembru 2004.

Skejjel tal-Knisja — Fondi mgħoddija mill-gvern

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hu stmat li se jitħallas lill-iskejjel tal-knisja fis-sena skolastika li jmiss bħala finanzjament mill-Gvern?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-ammont li jgħaddi l-Gvern lil Knisja jiġi mogħti fuq bażi ta' l-estimi tas-sena finanzjarja tal-Gvern, jiġifieri minn Jannar sa Diċembru, u fil-fatt il-Knisja tagħmel it-talba tagħha fuq il-bażi tas-sena normali u mhux fuq bażi ta' sena skolastika. L-ammont għas-sena finanzjarja 2005 jiġi definit fl-Estimi tal-Gvern għal dik is-sena kif jiġu pubblikati aktar tard din is-sena.

Skejjel indipendenti — Żieda fil-miżati

Question

Jista' il-Ministru jgħid liema huma dawk l-iskejjel indipendenti li nformaw lid-diviżjoni ta' l-edukazzjoni li se jgħollu l-miżati għas-sena skolastika li jmiss? B'kemm għolew il-miżati?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li li kien hemm 12 il-skola indipendenti li nfurmaw lid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni dwar żieda fil-miżati għas sena skolastika 2004-2005. L-ismijiet ta' l-iskejjel u ż-żidiet fil-miżati ser jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.

Sea Malta — privatizzazzjoni

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk sarux xi rapporti jew feasibility studies mill-Ministeru tiegħu jew xi entita' tiegħu dwar il-privatizzazzjoni tal-kumpannija Sea Malta? Jekk saru dawn ir-rapporti, jista' jgħid min kienet il-kumpannija li għamlithom? F'dawn ir-rapporti saret xi valuation of shares ta' l-istess kumpannija? X'kien ir-riżultat ta' din il-valutazzjoni? Fin-negattiv jew fil-pożittiv? Jekk saru dawn ir-rapporti, jista' jgħid x'kienu l-konklużjonijiet tagħhom dwar is-sale tas-Sea Malta mill-gvern?

Response (GATT, AUSTIN)

Waqt li nikkonferma illi saru kemm 'feasibility studies' kif ukoll 'share valuation' ma jidhirx li f'dan l-istadju delikat tal-proċess ta' privatiżżazzjoni għandi nagħti d-dettalji mitluba.

Sea Malta — Privatizzazzjoni

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kienu dawk il-kumpanniji li pparteċipaw fir-Request for Proposals għall-privatizzazzjoni tas-Sea Malta? Jista' jagħti d-dettalji ta' dawn is-sidien jew kumpanniji? Minn dawn il-kumpanniji, jista' jgħid kemm minnhom s'issa aċċessaw id-data rooms tal-kumpannija Sea Malta? Jista' jgħid kemm minn dawn il-kumpanniji li jipparteċipaw fir-request for proposals għamlu s-sottomissjonijiet tagħhom?

Response (GATT, AUSTIN)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li tajt għall-PQ 7360.

Sea Malta — Pjan ta' ristrutturar

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi pjan ta' ristrutturar għal kumpannija Sea Malta f'każ li l-privatizzazzjoni tagħha ma tkunx vijabbli? Jista' jgħid jekk saritlux xi rakkomandazzjoni jew proposta ta' ristrutturar ta' din il-kumpannija? Jekk iva, jista' jgħid xi spiża teħtieġ biex din il-kumpannija tiġi ristrutturata?

Response (GATT, AUSTIN)

In vista tal-proċess ta' privatizazzjoni li għadu għaddej, jidhirli li hu prematur li nirrispondi din id-domanda fid-dettal għalkemm nista' ngħid li ġew kunsidrati diversi "restructuring scenarios".

Triq li tagħti mill-Mosta għall-Bidnija — Tiswija ta' pont

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se jiġi rranġat il-pont li hemm fit-triq li tagħti mill-Mosta għall-Bidnija, li jinsab f'qagħda perikoluża ħafna tant li hemm biża' li dan se jikkollassa?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Jien infurmat li dan il-pont rega' ġie spezzjonat tlett ġimgħat ilu fejn ġie stabbilit li ma huwiex fil-periklu imminenti li jikkollassa. Minkejja dan, qed isiru xogħolijiet temporanji mid-Diviżjoni tax-Xogħolijiet sabiex jipprevenu id-deterjorament tas-sitwazzjoni. Sadanittant, id-Direttorat tat-Toroq qed jipprepara stima sabiex isiru x-xogħolijiet ta' manutenzjoni u infurzar neċessarji.

Aġenziji tal-gwardjani lokali — Ħaddiema

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema impjegati bħalissa fis-sistema kollha tal-gwardjani lokali, inkluż fit-tribunali lokali u l-ħaddiema impjegati ma' l-aġenziji tal-gwardjani lokali?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-ammont ta' ħaddiema impjegati bħalissa fis-sistema kollha tal-Gwardjani Lokali, inkluż fit-Tribunali Lokali u l-ħaddiema mpjegati ma' l-aġenziji tal-Gwardjani Lokali hu ta' 180, maqsumin kif ġej: Kummissarji tal-Ġustizzja 9 Prosekuturi 9 Uffiċjali Awtorizzati 10 Skrivani tat-Tribunal 18 Gwardjani Lokali 117 Administrators (aġenziji tal-Gwardjani 17 Lokali)

Klandestini

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hux minnu li wħud mill-klandestini, jew dawk li ngħataw ir-refugee status qegħdin jingħataw mal-Lm80 fil-ġimgħa bħala għajnuna għalihom u għad-dipendenti tagħhom u jekk le, kemm fil-fatt qegħdin jingħataw?

Response (BORG, TONIO)

Il-'klandestini' jew dawk li jfittxu li jidħlu Malta b'mod irregolari jinżammu f'detenzjoni ġeneralment sakemm il-proċess għad-determinazzjoni ta' status ta' rifuġjat jiġi eżawrit. Dawk li jingħataw tali status u għalhekk jiksbu l-protezzjoni taħt il-Konvenzjoni Internazzjonali ta' Ġinevra, jiġu mmedjatament rilaxxjati u jingħataw l-għajnuna u l-benefiċċji kollha, skond il-Liġi Maltija dwar ir-Rifuġjati. Inżid ukoll li skond il-provedimenti ta' l-Avviż Legali 291 ta' l-2001, persuna li tingħata status ta' Rifuġjat għandha dritt għall-benefiċċju soċjali mħallas taħt l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali skond dawk il-kundizzjonijiet u bir-rati stabbiliti fl-istess Att. Għaldaqstant, nitlob lill-Onor. Membru jindirizza l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru tal-Familja u tas-Solidarjeta' Soċjali peress li l-ħruġ tal-benefiċċji in kwestjoni jaqgħu taħt dak il-Ministeru.

Ta' Qali — Crafts Village - tindif

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta sar l-aħħar tindif fil-Crafts Village, Ta' Qali u meta jekk sar, saru l-aħħar tiswijiet fit-toroq li hemm fl-istess Crafts Village?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Security officers — Ħruġ ta' liċenzji

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex il-proċess tal-ħruġ tal-liċenzji ta' security officers qed idum aktar minn normal wara li dawn ikunu għamlu l-eżamijiet kollha meħtieġa?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bħala regola, l-applikazzjonijiet għall-liċenzji ta' Gwardjani Privati qed ikunu proċessati mill-Pulizija fit-termini ta' l-Att ta' l-1996 dwar Gwardjani Privati u Lokali (Kap. 389). Pero' jekk l-Onorevoli Interpellant għandu xi tagħrif dwar xi każ speċifiku, nitolbu jagħtini aktar dettalji sabiex inkun nista' nivverifika ulterjorment.

Żejtun — Triq il-President Buttigieg - skart goff

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se jitneħħa l-iskart goff (parts tal-karozzi) li hemm biswit l-istage tal-karozza tal-linja f'tarf ta' Triq President Buttigieg (in-naħa taż-Żejtun) fiż-Żejtun?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nistieden lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Assoċjazzjoni tal-kunsilli lokali — Vjaġġi

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm saru vjaġġi mill-Assoċjazzjoni tal-kunsilli lokali mill-1 ta' Jannar 2004 'il hawn? Jista' jagħti breakdown ta' dawn il-vjaġġi u għal xiex saru? Jista' jgħid kemm-il aġenzija ta' l-ivjaġġar ġew użati matul dan l-istess perjodu sabiex isiru l-arranġamenti meħtieġa għal dan is-safar? Jista' jinforma lill-Kamra liema linja ta' l-ajru l-aktar li tiġi wżata mill-Assoċjazzjoni tal-kunsilli lokali għal dan is-safar? Jista' jgħid għaliex l-Assoċjazzjoni tal-kunsilli lokali tagħżel li tagħmel użu minn linja ta' l-ajru li mhix l-Air Malta anke fejn u meta din ta' l-aħħar tipprovdi s-servizz għad-destinazzjonijiet konċernati?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-membri ta' l-Eżekuttiv ta' l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali minbarra li jiffurmaw id-delegazzjoni Maltija għall-Kungress ta' l-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali tal-Kunsill ta' l-Ewropa, bi dħul ta' Malta fl-Unjoni Ewropea huma ukoll membri tal-Kumitat tar-Reġjuni ta' l-UE. Membri minnhom ġew ukoll eletti f'karigi ta' dawn l-istutuzzjonijiet jew inkella ġew magħżula sabiex jagħmlu xogħol ieħor għan-nom ta' l-istess istituzzjonijiet. Ninfurmah ukoll li l-membri għandhom il-fakulta' li jieħdu pre paid ticket mingħand dawn l-istituzzjonijiet għaliex is-safar huwa tagħhom fil-kapaċita' personali tagħhom u mhux għan-nom ta' l-Assoċjazzjoni. Madanakollu l-membri iddeċidew illi l-arranġamenti għan-nom tagħhom isir mill-Assoċjazzjoni sabiex l-Assoċjazzjoni tkun tista' tieħu benefiċċji finanzjarji biex b'hekk tnaqqas l-ispiża tagħha għal dawk il-laqgħat li jkunu jridu jattendu u ma jkunux rimburzabbli minn barra minn Malta. Fuq rakkomandazzjoni ta' l-awditur ġenerali l-Assoċjazzjoni kienet bdiet tieħu l-vjaġġi tagħha mingħand l-Air Malta bi skont ta' 50% kif japplika għad-Dipartimenti tal-Gvern iżda l-Air Malta waqqfet din il-proċedura għaliex sostniet li din kienet applikabbli biss għall-persuni fl-impjieg mas-servizz pubbliku u għal xogħol konness mas-servizz pubbliku. Għalhekk illi l-Assoċjazzjoni anke fir-rigward ta' l-ivvjaġar tal-membri tagħha, tara liema linja ta' l-ajru qed joffri l-aħjar prezz u connection għal kull viżita li ssir, liema proċedura qed issir bl-approvazzjoni unanima tal-membri ta' l-Eżekuttiv. L-Assoċjazzjoni qed tuża għal dan il-għan l-Aġenzija KD Travel Limited. L-istess Aġenzija tagħti żewġ vjaġġi b'xejn fis-sena lill-Assoċjazzjoni li matul din is-sena ġia intuża wieħed minnhom. Ninforma l-kamra ukoll illi l-vjaġġi li għalihom l-Assoċjazzjoni ma rċeviet l-ebda rimbors u li tħallsu mill-allokazzjoni mgħoddija lilha mill-Gvern kienu s-segwenti: Data Persuna Agent ta’ l-ivvjaggar Post tad-destinazzjoni u dettalji tal-laqgha Prezz imhallas Linja ta’ l-ajru wzata 9 ta’ Marzu Antonia Farrugia K.D. Travel Services Ltd Strasbourg, Franza – CLRAE - Culture and Education Committee. Lm169.52 Lufthansa 22 ta’ Marzu Oreste Alessandro JAC Travel Bureau Strasbourg, Franza – CLRAE - Meeting of the Secretaries of National Delegations Lm112.00 Air-Malta 22 ta’ April Oreste Alessandro Ryanair.com Brussels, Belgium – Committee Of The Regions - National Delegation Coordinators Meeting Lm48.60 RyanAir 16 ta’ Gunju Oreste Alessandro K.D. Travel Services Ltd Brussels, Belgium – Committee Of The Regions – Plenary Session, New Regions and Cities of the European Union Lm221.27 Lufthansa

Bormla — Qasam tad-djar ta' Verdala - provvista ta' elettriku

Question

Jista' il-Ministru jara li tissaħħaħ il-provvista ta' l-elettriku fil-housing estate ta' Verdala peress li l-maġġoranza tar-residenti qed iħabbtu wiċċhom ma' problemi meta jiġu biex jixgħelu ċerti appliances?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li minn investigazzjoni li saret jidher li r-rinfurzar meħtieġ fl-Area msemmija huwa estensiv. Minħabba f'hekk ix-xogħol neċessarju tqassam f'erba' fażijiet. L-aħħar fażi għandha sa l-aħħar ta' Settembru 2004.

Bormla — Skola primarja - lift

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hux minnu li kellu jsir lift fl-iskola primarja ta' Bormla? Jista' jgħid jekk il-lift sarx? Jista' jgħid jekk hux minnu li l-lift tħallas qabel sar ix-xogħol?

Response (GALEA, LOUIS)

Ninsab informat li qegħdin isiru preparamenti biex jinbena lift shaft ta' l-iskola primarja ta' Bormla. Il-kuntratt tal-lift ġie awarded u saru ħlasijiet in parti hekk kif stipulat skond l-offerta rispettiva .

Dipartiment ta' l-edukazzjoni — Applikazzjonijiet għal supply teachers

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm applikaw fl-aħħar sejħa li saret għal supply teachers? Kemm minnhom ġew impjegati u fejn qed jaqdu d-doveri tagħhom? Jista' jgħid min huma dawk li ntagħżlu?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li għall-aħħar sejħa li saret għal Supply Teachers fis-Settur Primarju kien hemm 34 applikant. L-interviews saru f'April tas-sena 2003 u minnhom għaddew 22. Ma ġie impjegat ħadd minnhom għaliex id-Dipartiment ma ġiex bżonnhom. Informat ukoll li għall-aħħar sejħa li saret għal Supply Teachers fis-Settur Sekondarju kien hemm 129 applikant. 15 kienu impjegati minnhom u qed jaqdu d-dover tagħhom f'dawn l-iskejjel : Fortini Boys' Secondary, Ħamrun Girls' School, Żurrieq Boys' Secondary, St Luċija Girls' Junior Lyceum, Victoria Girls' Secondary / Junior Lyceum, Mrieħel Girls' Junior Lyceum, Marsa Boys' Secondary, Sandhurst Girls' Junior Lyceum, Victoria Boys' Secondary / Junior Lyceum, Paola Boys' Secondary, Ħamrun Girls' Secondary, Verdala Boys' Junior Lyceum.
Leg 10 PQ #72 Sitting 164 2004-09-27 Written · Final From: CHARLES MANGION To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Xiri ta' ambaxxata fi Brussell

Question

Jista' il-Ministru jagħti dawn id-dettalji dwar ix-xiri ta' l-ambaxxata fi Brussell:- 1) kemm hu l-prezz finali tal-proprjeta? 2) kemm hi stmata l-konsiderazzjoni biex din tiġi refurbished u attrezzata? 3) kemm hu l-ħlas tal-konsulenzi legali f'Malta u fi Brussell cioe' tal-konsulenti legali rispettivi mqabbda mill-gvern? Liema kienu l-firms imqabbda lokalment u fi Brussell? 4) kemm tħallset taxxa ta' trasferiment u spejjeż notalili? 5) kien hemm senserija nvolta? Jekk iva, jista' jagħti dettalji tas-soċjeta' imqabbda bħala aġent għax-xiri? 6) il-gvern xtara direttament mingħanjd il-proprjetarji jew mingħand "Middleman" cioe' fl-akkwist tal-proprjeta' in kwestjoni? Kine hemm ċessjoni ta' drittijiet?

Response (FRENDO, MICHAEL)

Billi dan il-bini ma jinkludix biss l-Ambaxxata ta' Malta għall Belġju u Lussemburgu u r-Rappreżentanza Permanenti ta' Malta għall-Unjoni Ewropeja, nitolbok tirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat li kien inkarigat mix-xiri ta' din il-propjeta'.