Legislature:
Category:
Reset
Active:

Dipartiment ta' l-Artijiet — Każ dwar proprjeta'

Question

B'riferenza għall-encroachment li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk l-imsemmija proprjeta' għadhiex tal-gvern peress li qed jintbagħtu kontijiet għall-pagament mid-dipartiment ta' l-artijiet?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi minn riċerka li għamlet it-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern jidher li l-proprjetajiet li għamlet referenza għalihom l-Onorevoli Interpellant huma tal-Gvern.

SVPR — Vit Kapitali 7009

Question

Jista' il-Ministru jgħid mill-Vot Kapitali 7009 dwar San Vincenz de Paule ta' Lm400,000 kif jidher fl-aħħar budget, kemm intnefqu s'issa fuq proġetti li saru f'din ir-residenza u liema kienu dawn il-proġetti? Jista' jgħid x'inhuma l-proġetti l-oħra li huma ppjanati li jsiru sa l-aħħar ta' din is-sena f'San Vinċenz u li se jkunu mħallsa mill-Vot Kapitali?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-Vot Kapitali 7009 dwar San Vinċenz De Paule s'issa intefqu Lm112,064. Dawn intefqu f'adjustable beds complete with mattresses, air conditioning system fil-Ward 3/4 Nisa u f'apparat mediku ieħor għas-swali. Il-proġetti l-oħra li huma ppjanati li jsiru sa l-aħħar ta' din is-sena f'San Vinċenz huma: -air-condition system fil-Ward 9/10 Nisa -xiri ta' Tail-Lift Van -tkomplija tal-proġett tal-Wards 1/2/3/4 Nisa -Lifts 5/6/7/8 Males -Refurbishment Psychogeriatric Female Ward li wasal biex jitlesta -Refurbishment Psychogeriatric Male

Part-time Social Assistants

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' part-time social assistants li qegħdin jaħdmu preżentement sal-ġurnata tal-lum? Kemm hemm minnhom li qegħdin jagħtu s-servizz tagħhom fil-komunita'?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta' Part-Time Social Assistants li qegħdin jaħdmu preżentament sal-ġurnata tal-lum huwa 514. Minnhom hemm 303 li jaħdmu fil-komunita', 55 fid-Day Centres, 59 fid-Djar Residenzjali ta' l-Anzjani u 37 f'San Vinċenz De Paule.

Toroq — Tiswija ta' bankina

Question

Jista' il-Ministru jara li ssir il-bankina tat-triq li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, peress li din taqa' taħt il-gvern ċentrali?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat illi l-Awtorita ser tibgħat perit f'din it-triq sabiex tara x' l-aħjar li jsir.

Sptar San Luqa/SVPR/Sptar Zammit Clapp — Servizz ta' l-ikel

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li s-servizz ta' l-ikel fl-isptar San Luqa, fir-residenza San Vinċenz de Paule u fl-isptar Zammit Clapp jiġi privatizzat? Jekk iva, meta? X'inhu l-ħsieb tal-gvern li jingħata lil kuntrattur wieħed jew aktar? Jista' il-Ministru jgħid jekk f'Settembru 2004 deherx xi ħaġa fil-Gazzetta tal-Gvern rigward dan? Jekk iva, x'kien hemm?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Is-sistema ta' l-ikel fl-Isptarijiet tal-Gvern u Djar ta' l-Anzjani qed tiġi riveduta. Hemm diversi possibilitajiet li qed jiġu studjati u għadu kmieni biex wieħed jagħti iżjed dettalji.

Anzjani — Kontribuzzjonijiet

Question

Tista' il-Ministru tgħid jekk il-kontribuzzjonijiet li qegħdin iħallsu l-anzjani fil-preżent humiex jirriflettu l-kalkoli skond Avviż Legali 259 ta' l-2004? Jekk le, jidhirlha l-Ministru li aktar ma jgħaddi żmien aktar se jikun ta' inkonvenjent kbir għal ħafna anzjani li jkunu jridu jħallsu lura arretrati mill-1 ta' Jannar ta' din is-sena?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali bħalissa qed jirċievi mingħand id-Dipartiment għall-Anzjani u Servizzi fil-Komunita' ir-rati ta' tnaqqis li jirriflettu l-kalkoli skond l-Avviż Legali 259 tal-2004. Dan sar wara l-istess anzjani għamlu d-dikjarazzjoni tad-dħul tagħhom. Qed isir dak kollu possibli biex dan l-eżerċizzju jitlesta fl-iqsar żmien possibli.

Birkirkara — Arblu tad-dawl

Question

Jista' il-Ministru jagħti struzzjonijiet lill-korporazzjoni Enemalta biex arblu antik imsaddad quddiem Rizzo Service station f'Birkirkara jitneħħa kif ukoll jitnaddfu wires elettriċi quddiem l-istess arblu li huma miksija ħaxix ħażin u wasslu biex jinqatgħu?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li x-xogħol meħtieġ biex jinbidlu arbli fl-Area msemmija għandu jibda dil-ġimgħa. Dan ix-xogħol mistenni li jieħu numru ta' ġimgħat mgħax hu pjuttost estensiv.

Enemalta — Birkirkara - Borg Street

Question

Jista' il-Ministru jindaga jekk il-korporazzjoni Enemalta tistax tagħmel upgrading tal-bozoz (mhux kollha) ta' Borg Street, Birkirkara għaliex hemm id-dlam f'ċertu partijiet?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob l-Onorevoli Interpellant l-isem sħiħ tat-triq biex tkun tista' issir l-investigazzjoni meħtieġa. Dan minħabba li hemm sebgħa toroq kollha b'kunjom 'Borġ' f'Birkirkara.

Pulizija — Vetturi abbandunati fir-Rabat

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jara li jitneħħew tliet vetturi kollha fi Triq Ferris fil-parkeġġ ta' ħdejn l-iskola fir-Rabat u dan peress li l-istess vetturi ilhom abbandunati?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi minn spezzjoni li għamlet il-Pulizija nhar id-29 ta' Settembru 2004, ma jirriżultax li hemm xi vetturi abbandunati kif imsemmi fil-Mistoqsija.

Għajn Dwieli — Tiswija ta' triq

Question

Jista' il-Ministru jara li tissewwa l-ħsara fit-triq li hemm maġenb il-lights ta' Għajn Dwieli qabel il-mini lejn Bormla, peress li kull karozza qed ikollha tgħaddi minn skoss kbir? Ma jidhirlux il-Ministru li dan in-nuqqas ma jikkumplimentax ix-xogħol tajjeb li sar taħt il-mini ta' Għajn Dwieli?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

L-Awtorita dwar it-Trasport ser tibgħat perit sabiex jispezzjona din it-triq u jara x' l-aħjar li jsir biex kemm jista' jkun malajr jiġi evitat kull inkonvenjent.

Użura

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'qed isir sabiex tkun miġġielda bis-serjeta' l-użura?

Response (BORG, TONIO)

Għandu jingħad illi b'effett mill-1 ta' Mejju 2002 daħlet fis-seħħ l-emenda għall-artikolu 298 tal-Kodiċi Kriminali li biha l-użura saret reat kriminali. Dan sabiex isaħħaħ l-għodda f'idejn il-Pulizija, peress illi sa dakinhar kull minn kien jipprattika l-użura kien seta' jitressaq quddiem il-Qorti biss talli jkun għamilha ta' istituzzjoni finanzjarja mingħajr liċenzja. Barra piena karċerarja u/jew multa, il-liġi issa tipprovdi wkoll illi jekk matul il-proċeduri kriminali jkun ippruvat quddiem il-Qorti li l-akkużat irċieva ammont ta' imgħax aktar minn dak li jkun permess bil-liġi jew li jkun sproporzjonat b'mod grossolan mas-servizz mogħti, il-Qorti għandha tordna lill-akkużat iħallas lura dak l-ammont hekk imħallas. Ninsab infurmat illi minn meta ġiet fis-seħħ din l-emenda, il-Pulizija akkużat quddiem il-Qorti 23 persuni fuq użura.

Bormla — Masġar taħt l-iskola primarja

Question

Jista' il-Ministru jara li jsir xi ħaġa bis-serjeta' sabiex l-area (masġar żgħir) taħt l-iskola primarja ta' Bormla tingħata dehra aħjar? X'inhi r-raġuni li latrina fl-istess area tkissret snin ilu sabiex illum saret miżbla?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministri kkonċernati.

Djar — Manutenzjoni ta' residenza privata

Question

Tista' il-Ministru tara li l-familja li qed toqgħod fil-post li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament tinħeles mill-periklu li qed tgħix fih peress li għandhom soqfa kkundannati?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Jien infurmata li dan il-flat huwa privat u għalhekk il-periklu irid jitneħħa mis-sid. Madankollu jien infurmata wkoll li l-bini ser jitwaqqa' bħala parti mill-proġett tas-Slum Clearance meta eventwalment jiġi esproprijat għal dan l-iskop u għalhekk l-ilment ta' l-Onorevoli Interpellant ser jiġi investigat biex naraw jistax isir xi ħaġa biex din il-familja ma tibqax fil-periklu.

Bormla — Triq l-Irlandizi - Għalqa

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid ta' min hi r-responsabbilta' ta' għalqa (plot) li hemm fi Triq l-Irlandiżi Bormla?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi minn riċerka li għamlet it-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern jidher li l-unika għalqa li hemm fi Triq l-Irlandiżi Bormla fil-fatt hija proprjeta' privata li qed tiġi esproprjata għal skop pubbliku minħabba proġett ta' housing.

Każi ta' Meningite

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew irrapportati każi ta' meningite f'Malta f'dawn l-aħħar ħames snin? Kemm kellna mwiet kawża ta' din il-marda? Jista' jgħid jekk ġiex identifikat fejn kienu l-persuni li ħadu din il-kondizzjoni u jekk fl-affermattiv x'sar?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-każijiet ta Meninġite irrapurtati lit-Taqsima Tħaris tal-Mard huwa kif ġej: 1999 2000 2001 2002 2003 2004 (Sa l-aħħar ta' Awissu) Numru ta' każijiet (residenti) 36 40 30 22 27 20 Numru ta każijiet (mhux residenti) 1 3 2 2 0 2 Numru ta' Imwiet 5 4 1 3 2 2 Il-mikrobu tal-Meninġite jista' jinfirex permezz ta' kuntatt ma' katarru u mħat ta' persuna infettat. Ma nstab l-ebda konessjoni bejn dawn il-każijiet. F'kull każ fejn ġie suspettat jew ikkonfermat li huwa kkaġunat mill-mikrobu tal-Meningococcus ingħata t-trattament meħtieġ.

Avukat Ġenerali — Liġi dwar relazzjonijiet industrijali

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhuma l-pariri legali ta' l-Avukat Ġenerali tar-Repubblika dwar kuntratti definiti meta hemm xi employers li qed jabbużaw minn dawn it-tip ta' kuntratti għal skopijiet tagħhom biex jaħarbu mill-obbligi tal-liġi dwar relazzjonijiet industrijali billi lill-istess impjegat joqogħdu jagħtuh kuntratt definittiv ripetutament?

Response (BORG, TONIO)

Nitlob lill-Onor. Interpellanti biex tirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru ikkonċernat.

Dipartiment tal-Psikjatrija — Part-time Social Worker

Question

Jista' il-Ministru jgħid għalfejn ġiet meħuda deċiżjoni mid-dipartiment tal-psikjatrija biex is-servizz ta' part-time social worker jiġi terminat u dawk it-tfal li kellhom appuntamenti pendenti għal dan is-servizz spiċċaw bla follow-up appointment?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Infurmat li l-part-time social worker ġiet imwaqqfa biex is-servizz li kienet tagħti jibda jingħata minn social worker ieħor li huwa mpjegat full-time ta' l-Isptar Monte Carmeli.

San Ġiljan — Triq Andre' Maurois

Question

Jista' il-Ministru jieħu l-passi biex Triq Andre' Maurois f'San Ġiljan tingħata l-asfalt peress li tinsab fi stat ħażin ħafna? Jista' jara li jinbena ċint fil-parti tat-triq li tagħti għall-wied, peress li din il-parti hija perikoluża speċjalment għat-tfal ta' l-inħawi? Jista' jara wkoll li t-tabella ta' l-isem tat-triq tiġi kkorreġuta peress li din hija miktuba ħażin bil-konsegwenza għall-pustiera u kull min ifittex din it-triq?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat illi l-Awtorita dwar it-Trasport bagħtet perit sabiex jispezzjona t-triq imsemmija u nstab li triq għandha parti minnha asfaltata u l-parti li għadha ma ġietx asfaltata ġiet inkluża fil-programm ta' kostruzzjoni ta' toroq li qed isir mid-direttorat, liema xogħol isir aktar il-quddiem skond il-prijoritajiet. Jien infurmat illi x-xogħol mistenni jinkludi wkoll il-bini tal-ħajt imsemmi fil-mistoqsija parlamentari. Fir-rigward tat-tielet parti tal-mistoqsija, jien infurmat illi tabelli bl-ismijiet tat-toroq huma responsabilta tal-Kunsill Lokali għalhekk l-Onorevoli Interpellant humitlub jressaq l-ilment direttament lill-Kunsill Lokali.

Kunsilli Lokali — Servizz ta' Bulky Refuse

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru ġentilment iwieġeb mistoqsija parlamentari 6824?

Response (BORG, TONIO)

Bi tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 6824, ninsab infurmat illi l-ammont ta' oġġetti miġbura bis-servizz tal-bulky refuse u l-ispiża marbuta ma' dan is-servizz mill-Kunsilli Lokali f'Malta u Għawdex għas-sena finanzjarja 2003/2004 kienet kif tidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Skejjel — Trasport

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex tfal li jgħixu fi Triq il-Kummerċ (bejn Ħal Qormi u Santa Venera) mhux qed jiġi pprovdut lilhom trasport għal dawn l-iskejjel: skola Ġuże Galea, f'Ħal Qormi u Marija Tereża Nuzzo fil-Ħamrun? Jista' il-Ministru jgħid jekk jistax isir xi arranġament biex it-trasport ta' dawn l-iskejjel jgħaddi minn dawn l-inħawi minħabba l-periklu li hemm fil-bypass ta' l-Imrieħel?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li t-trasport meħtieġ ġie offrut u provdut. Iżda hemm xi diffikultajiet da parti ta' l-istudenti konċernati.