Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 10 PQ #7542 Sitting 168 2004-10-05 Oral · Interim From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Xogħlijiet b'direct order

Question

Tista il-Ministru tgħid x'inhu x-xogħol li ngħata f'Għawdex b'direct order minn Jannar sa Settembru 2004? Tista' il-Ministru telenka u tagħti diskrezzjoni qasira tax-xogħol kollu li ngħata b'direct orderfil-perjodu hawn fuq indikat u kemm swiet kull direct orderli ngħatat?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba ghadha qed tingabar u tinghata f'xi seduta ohra.

Sigurta' Soċjali — Każ dwar relief

Question

Tista' il-Ministru tgħid għaliex il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, nqatagħlha r-relief għal sitt xhur meta din ma rċeviet xejn mill-ETC bil-posta u meta l-ETC qed tgħid li l-persuna msemmija irrifjutat xi lezzjonijiet?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna minnu ndikata ġiet infurmata bil-miktub dwar il-każ tagħha.

Sigurta' Soċjali — Każ dwar relief

Question

Tista' il-Ministru tgħid għaliex il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, inqatagħtilha is-somma ta' Lm800 mir-relief u dan meta dejjem ingħata relief ta' persuna single minkejja li kellu t-tifel tiegħu jgħix miegħu? Dan qed tinqatagħlu l-pensjoni minħabba li t-tifel tiegħu ħadem ftit part-time u qalgħa Lm800 s-sena l-oħra.

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna minnu ndikata ġiet infurmata bil-miktub dwar il-każ tagħha.

Awtorita' Marittima ta' Malta — Studenti

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm daħlu studenti jaħdmu mal-Malta Maritime Authority f'dan is-sajf li għadda? Fid-dawl tad-diskors tal-Prim Ministru, fejn intalab li l-kumpanniji u l-entitajiet tal-Gvern inaqqsu l-ispejjeż tagħhom, il-Ministru jikkonsidra li dan in-numru seta' kien eċċessiv? Jista' jgħid kemm daħlu studenti mal-Malta Maritime Authority fis-sjuf tas-snin 2000, 2001, 2002 u 2003?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Awtorita' Marittima impjegat 25 student matul is-sajf li għadda. Dan ġara minħabba l-fatt li hemm proġetti speċifiċi marbuta ma' leġislazzjoni u xogħol ieħor relatat ma' l-acquis communitaire. In-numru ta' studenti li l-Awtorita' impjegat fis-sjuf li għaddew kien hekk: Sena Numru 2000 4 2001 5 2002 20 2003 17

Awtorita' Marittima ta' Malta — Impjegata part-time

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma li ntalab permess mill-Employment & Training Centre sabiex l-istudenta li isimha qed jintbagħat separatament, tinżamm part-timer mal-Malta Maritime Authority għas-sena li ġejja għax din fadlilha sena l-Universita'? Jista' il-Ministru jinnota li meta ġara hekk fil-passat, wara li l-awtorita' toħroġ applikazzjonijiet għall-full timers u jkun hemm rikjest l-esperjenza, jintgħażlu dawn il-part timers? Jikkonferma l-Ministru li kuntrarjament għall-prassi, il-persuna ndikata ġiet provduta bil-lap top tal-kumpannija, liema lap top tieħdu saħansitra d-dar? Jaqbel il-Ministru li dan huwa trattament preferenzjali u jista' jitqies abbużiv?

Response (GALEA, ĊENSU)

Ir-risposta tingħata f'seduta oħra.

Qrati Maltin

Question

B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsijiet parlamentari 6575 u 6944, minkejja s-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali, peress li l-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem tirreferi għad-diversi istituzzjonijiet tagħha u cioe' sew għall-Kummissjoni, sew għal First Chamber u sew għal Grand Chamber, bħal tribunali, hemm ħsieb li fil-Qrati Maltin it-tribunali jiġu kkonsidrati bħala qorti u li għandha ssir emenda fil-liġijiet Maltin biex tali tribunali jiġu kkonsidrati wkoll bħala qorti? Peress li ċittadini li jkollhom kawżi pendenti dwar esproprju ta' proprjeta' li jkunu ilhom snin twal pendenti quddiem Tribunal ta' l-Arbitraġġ biex jingħataw kumpens xieraq, (u fi żmien raġjonevoli) riżultat ta' deċiżjoni bħal dik referita, se jkollhom iressqu l-każ tagħhom għall-konsiderazzjoni tal-Qorti Kostituzzjonali, li jinvolvi ħafna spejjeż u dan biex l-istess każ jitressaq quddiem l-istess qorti, jista' il-Viċi Prim Ministru jikkonsidra li jinstab xi rimedju għal din is-sitwazzjoni? Jista' il-Viċi Prim Ministru jinnota li huwa kontra l-politika tal-Qorti Ewropea li tali kawżi jiġu riferuti fi Strasbourg meta tali każi għandu jingħatalhom smiegħ xieraq fi żmien raġjonevoli fil-Qrati Nazzjonali? Peress li kien l-istess Avukat Ġenerali li ressaq l-Appell li minnu ħarġet is-sentenza li t-Tribunali mhumiex Qorti, il-Viċi Prim Ministru jikkonsidra li jkun xieraq li l-Parlament jieħu inizjattiva u jilleġisla biex il-liġijiet ikunu konformi ma' dawk tat-Tribunali Ewropej?

Response (BORG, TONIO)

Kif ingħad fid-domandi preċedenti l-Avukat Ġenerali ma jidhirlux li hemm il-ħtieġa ta' emenda fuq il-kwistjoni tar-referenza ta' punt kostituzzjonali minn tribunal. Għar-rigward it-tieni parti tad-domanda l-liġi tagħna diġa' tippreskrivi rimedju kostituzzjonali għad-dewmien fir-rikorsi li jinsabu quddiem kwalunkwe tribunal. Huwa minnu li hemm xi pajjiżi li għażlu toroq oħra ta' rimedji li ma humiex kostituzzjonali għad-dewmien tal-kawżi. Dan qiegħed jiġi eżaminat u studjat. Għar-rigward it-tielet parti tad-domanda ma jidhirx li hemm il-konflitt li qiegħed jiġi indikat.

Ħal Qormi — Triq il-Biegħa - bini ta' culvert

Question

Jista' il-Ministru jgħid xi pjanijiet għandha l-Awtorita' dwar it-Trasport dwar Triq il-Biegħa f'Ħal Qormi minħabba l-problema li l-ilma tax-xita fit-triq m'għandux fejn imur ħlief ġo Palazzo Stagno li hija proprjeta' skedata u meqjusa bħala bini ta' importanza storika? Jista' jgħid għaliex l-awtorita' injorat il-proposti mressqa mill-kunsill lokali Qormi dwar bini ta' culvert żgħir fil-bidu tat-triq sabiex tinstab soluzzjoni għal din il-problema?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Tweġieba tingħata f'seduta oħra.

CCF — Gwardjani tal-ħabs

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex meta l-gwardjani tal-ħabs jiġu rrapportati lill-Bord tal-Ħabs, l-istess assistant manager li jressaq dan ir-rapport ikun preżenti fuq l-istess bord waqt id-deċiżjonijiet li jittieħdu fil-konfront tal-gwardjani nvoluti?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li meta uffiċjal jiġi rrapurtat mill-Assistant Manager li qiegħed fuq il-Bord tad-Dixxiplina, dan jastjeni milli jieħu sehem kemm fit-trattazjoni kif ukoll fid-deċiżjoni li tittieħed. F'każi bħal dawn huwa jaqra biss l-akkuża.

CCF — Gwardjani

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex hemm xi gwardjani fil-ħabs li qed jiġu sfurzati jaħdmu aktar mill-ħinijiet normali tax-xogħol tagħhom permezz ta' l-overtime?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li dak l-overtime li jkun neċessarju fil-ħabs, post li għandu esiġenzi partikolari, jitqassam permezz ta' roster. Safejn hu possibli l-uffiċjal jitħalla fil-liberta' jaħdimx dak l-overtime huwa stess jew jagħtih lill-uffiċjal ieħor. Infakkar l-Onor. Interpellant illi wara kollox l-uffiċjali tal-Ħabs jaħdmu f'korp dixxiplinat.

Bieb il-Belt — Tindif ħdejn il-monument ta' l-RAF

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk huwiex possibbli jittieħdu passi biex jiġu mnaddfa l-inħawi ħdejn il-momument ta' l-RAF f'Bieb il-Belt li hu mitluq b'siġar mejta, pajpijiet imsadda u ħmieġ ieħor? Billi dan hu post ċentrali fejn ta' kuljum jgħaddu għadd ta' Maltin u turisti, possibbli jittieħdu passi mmedjati?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nixtieq ninforma l-Onor. interpellant, li l-post imsemmi fl-inħawi tal-Monument tal-RAF, Furjana, qiegħed isir proġett li qiegħed fi stadju avvanzat kif jindikaw it-tabelli li hemm. Meta dan il-proġett ikun lest dan il-post jiġi mnaddaf kif jixraq.

Sigurta' Soċjali — Każ dwar pensjoni

Question

Tista' il-Ministru tgħid jekk il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament huwiex intitolat għal xi żieda fil-pensjoni?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna minnu ndikata ġiet infurmata bil-miktub dwar il-każ tagħha.

Fondazzjoni tal-Konkatidral ta' San Ġwann — Direct orders

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm huma d-direct orders u x'kien il-valur tagħhom li ngħataw mill-fondazzjoni tal-Konkatidral ta' San Ġwann? Min jawtorizza l-ħlasijiet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija Parlamentari Numru 5937.

Fondazzjoni tal-Konkatidral ta' San Ġwann — Ħaddiema

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kif intgħażlu l-ħaddiema mill-fondazzjoni tal-Konkatidral ta' San Ġwann li jdawru t-turisti? Kif intgħażlu l-periti u l-konsulenti l-oħra? Qatt saret sejħa pubblika qabel ma saret l-għażla?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija Parlamentari Numru 5936.

Fondazzjoni tal-Konkatidral ta' San Ġwann

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm kellha dħul il-fondazzjoni tal-Konkatidral ta' San Ġwann minn meta twaqqfet sal-lum? Kemm hu d-dħul tal-fondazzjoni mill-kirjiet tal-ħwienet li hemm fil-blokk? Kif intużat l-għotja ta' Lm300,000 li saret mill-gvern lill-korporazzjoni? Min jivverifika l-kotba ta' l-accounts tal-fondazzjoni? Dawn isiru indipendentement minn dawk tal-gvern?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija Parlamentari Numru 5938.

WSC — Dħul ta' ilma f'residenza privata

Question

Jista' il-Ministru jara li jittieħdu l-passi biex tiġi solvuta l-problema ta' ilma li dieħel fil-kamra ta' dar fil-Birgu, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li uffiċjali tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-ilma ikkuntattjaw lir-residenti konċernati. Mill-investigazzjonijiet li saru jidher li dan l-ilma li qed inixxi mhux ilma tal-mains tal-KSI, iżda ilma li ġej minn xi residenza privata fil-viċin.

Djar — Talba għal akkomodazzjoni alternattiva

Question

Tista' il-Ministru tgħid x'tama hemm li żewġ ġenituri aħwa li huma single parents u li applikaw għal post tal-gvern quddiem id-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali jieħdu flimkien post wieħed tal-gvern?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Jien infurmata illi d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali qed jikkunsidra l-applikazzjoni ndikata flimkien ma' oħrajn simili.

Universita' — Fakulta' ta' l-Inġinerija Elettrika

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 6736 u cioe' jista' jgħid jekk ir-riċerki għat-teżijiet ta' l-istudenti tal-Fakulta' ta' l-Inġinerija Elettrika hux se jiġu ffinanzjati mill-Universita' ta' Malta, bħas-snin ta' qabel, jew hux se jiġu imposti fuq l-istudenti stess?

Response (GALEA, LOUIS)

Il-mistoqsija numru 6736 diġa ġiet imwieġba fis-Seduta numru 166.

Djar — Talba għal bdil ta' post tal-gvern

Question

Tista' il-Ministru tgħid x'tama hemm li mara separata li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, u li tgħix f'post tal-gvern tibdel ma' post ieħor tal-gvern?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Jien infurmata illi d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali qed jikkunsidra l-applikazzjoni ndikata flimkien ma' oħrajn simili.

Uffiċċju Konġunt — Kuntratt ta' post

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid meta se jsir il-kuntratt ta' inkwilin anzjan li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li jgħix f'dar li s-sid tagħha huwa l-Uffiċċju Konġunt?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-applikazzjoni tal-inkwilin imsemmi mill-Onor. Interpellant qiegħdha tiġi proċessata u l-applikant ser jiġi nfurmat bil-prezz li bih jista' jixtri l-fond.

Bini tal-gvern — Dħul ta' ilma f'residenza privata

Question

Tista' il-Ministru tara li d-dipartiment tal-kostruzzjoni u tiswija ta' djar isolvi l-problema ta' ilma li dieħel minn postijiet tal-gvern għal fond privat li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Għaddejt it-talba ta' l-Onorevoli Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar għall-azzjoni meħtieġa.