Wara diversi dikjarazzjonijiet li saru minn sidien ta' ħwienet ta' nies li jiffrekwentaw Paceville fuq il-programm Xarabank li jkun hemm wisq tfal kemm taħt is-sittax-il sena kif ukoll taħt it-tmintax-il sena li qed itellfilhom ħafna xogħol, tista' l-Ministru tgħid jekk hux qed tikkonsidra li tgħolli l-eta' li fihom żgħażagħ jistgħu jidħlu f'bars u jixorbu titla' għal tmintax-il sena? Il-Ministru hija sodisfatta kif sejrin l-affarijiet f'dan il-kamp mindu ġiet in vigore din il-liġi fl-1 ta' Lulju?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-liġi ġiet emendata s-sena li għaddiet. Ma neskludix li terġa tkun emendata meta jinħass li wasal iż-żmien. Kif żgur li jaf l-Onor. Interpellant għada qegħda titwettaq kampanja intensiva ta’ edukazzjoni biex kulħadd jifhem il-provedimenti tal-liġi kif ġiet emendata. Fuq dan is-suġġett, bħal f’oqsma oħra fil-kamp soċjali, diffiċli li tgħid li int sodisfatt kompletament. Iżda m’għandix dubju li l-emendi li għamilna fil-liġi huma pass il-quddiem u jipprovdu għodda ġdida biex nikkumbattu l-abbuż mill-alkoħol minn minorenni.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm studenti li ggradwaw bħala għalliema fl-aħħar gradwazzjoni li kien hemm ftit tal-ġimgħat ilu? Jista' jgħid jekk dawn hux kollha sabu mpjieg? Kemm iggradwaw biex igħallmu fl-iskejjel primarji? Jista' jgħid kemm kienu subien u kemm kienu bniet f'kull każ?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fl-iskejjel Primarji t-total ta' studenti li ggradwaw ftit tal-ġimgħat ilu u li ġew impjegati fl-iskejjel Primarji ta' l-Istat huwa ta' 37, 34 bniet u 3 subien. Fl-iskejjel Sekondarji t-total li ggradwaw u ġew impjegati huwa ta' 121, 35 subien u 86 bniet.
Informat ukoll li fl-aħħar gradwazzjoni (2007) kien hemm 132 student li gradwaw fil-kors tal-Bachelor of Education (Hons), maqsuma kif ġej:
Nisa 106
Rġiel 26
Total 132
Minnhom hemm 51 student li gradwaw Bachelor of Education (Hons) with Primary Education, maqsuma kif ġej:
Nisa 48
Rġiel 3
Total 51
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rakkmandazzjonijiet tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Ogħla dwar il-Kwalita' fl-Edukazzjoni Ogħla?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Ministeru ta' l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Impjiegi, ippubblika r-rapport tal- Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Ogħla, fuq is-sit elettroniku http://www.education.gov.mt/NCHEqualityassurance.htm.
Jista' l-Ministru jara li ssir xi ħaġa fuq talba tar-residenti dwar ir-rotta l-ġdida - tal-karozza tal-linja Nru 8 - li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li din ir-rotta saret bi ftehim bejn l-Awtorità tat-Trasport ta’ Malta, l-Assoċjazzjoni tat-Trasport Pubbliku u l-Kunsill Lokali fuq talba u petiżżjoni ta’ aktar minn mija u ħamsin resident tal-lokalita. Qed inpoġġi fuq il-mejda kopja ta’ din it-talba u l-petizzjoni.
Bl-arranġament li sar issa qed jiġu moqdija dawk ir-residenti li qabel ma kellhomx aċċess dirett għat-Trasport Pubbliku.
Jista' l-Ministru jgħid meta ser jibda x-xogħol fuq Triq Jospeh Gravino, Hal Għaxaq li skond ittra datata 10/1/07 mibgħuta mill-Ministru, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, dan ix-xogħol kellu jibda u s'issa għadu ma sar xejn?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li x-xogħol fuq it-Triq Joseph Gravina ser jinbeda fil-gimgħat li ġejjin kif ġa nforma l-Ministeru konċernat
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm siġar tal-palm f'Malta u Għawdex li ġew affettwati bil-marda kkaġunata mir-red palm weevil? Minn fejn ġejja din il-marda u x'inhu l-kaġun tagħha? X'rimedji qegħdin jitfasslu għaliha? Se jkun hemm xi kumpens għat-tibdil ta' dawn is-siġar?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li ġew identifikati madwar 150 siġra tal-palm li huma infettati ħafna bil-Bumunqar Aħmar (Red Palm Weevil) ġewwa Malta. Mill-ispezzjonijiet u l-monitoraġġ li qiegħed isir sa issa f’Għawdex ma nstabet ebda palma li hi nfettata b’din il-ħanfusa.
Dan l-insett, li jaf l-oriġni tiegħu fl-Asja, jinstab kważi mal-Mediterran kollu u jinġarr permezz ta’ materjal ta’ propagazzjoni li jista' jvarja minn biċċiet tal-palm sa siġar sħaħ. L-insett ma jkunx viżibbli meta jkun trasportat minn pajjiż għal ieħor għax huwa jkun jinstab fil-qalba tas-siġra. Din il-ħanfusa tagħmel ħsara kbira għax l-istadji larvali jgħawwru u jieklu fiz-zokk prinċipali u jistgħu jikkawżaw il-mewt tal-palma. Għaldaqstant, il-larvae ma jidhrux u lanqas is-sintomi tal-ħsara li tkun qiegħda ssir. Is-sintomi jibdew jidhru meta l-marda tkun diġà qiegħda fi stat avvanzat. Dan l-insett kapaċi jeqred siġra tal-palm fi ftit xhur.
Id-Dipartiment għas-Saħħa tal-Pjanti kien jieħu l-prekawzjonijiet kollha meħtieġa anke qabel feġġ l-ewwel każ. Fil-fatt, id-Dipartiment fassal pjan ta' kontingenza u miżuri ta’ emergenza ta' kif wieħed għandu jikkontrolla jew inaqqas it-tifrix ta' din il-marda. L-ispettorat fi ħdan id-Dipartiment għas-Saħħa tal-Pjanti hu dejjem f’kuntatt ma' spettorati oħrajn fejn hemm din il-marda biex jindaga dwar is-sitwazzjoni tal-Bumunqar l-Aħmar tal-Palm. Id-Dipartiment organizza wkoll tliet seminars għall-pubbliku ġenerali u għall-Kunsilli Lokali kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex u fisser il-miżuri li wieħed għandu jieħu. Dawn kienu spjegati wkoll waqt konferenza stampa li saret fuq is-suġġett nhar it-28 ta’ Novembru 2007. Wieħed jista' jsib bosta informazzjoni fuq dan l-insett fil-website tad-Dipartiment (www.planthealth@gov.mt). Ir-rimedji li qegħdin jittieħdu jinkludu trattament ta’ bexx kemm preventiv kif ukoll fuq siġar diġà attakkati.
S’issa m’hemm l-ebda pjan li jingħata kumpens għat-tibdil ta’ dawn is-siġar. Madankollu, id-Dipartiment qiegħed jagħti għajnuna finanzjarja biex siġar infettati gravament jew inkella mejtin jiġu maħruqa. Id-Dipartiment qiegħed ukoll jagħti servizz kontinwu ta’ informazzjoni u pariri.
Ta' min jgħid ukoll li l-Ministeru appunta numru ta' persuni biex flimkien jistħarrġu u jistudjaw l-impatt tal-bumunqar aħmar tal-palm fuq dawn is-siġar kif ukoll biex iħejju pjan ta' azzjoni u jaraw x'rimedji oħrajn jistgħu jittieħdu biex tixxejjen kemm jista' jkun il-firxa ta' dan l-insett fis-siġar tal-palm f'Malta.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 29488 u ċioe' jikkonsidra li wara li qegħda tiġi resurfaced Triq Birbal, Hal Balzan isiru traffic lights fil-junction bejn Triq Birbal u Pjazza Wesgħa Guże Aquilina?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li l-Awtorita’ Dwar it-Trasport eżaminat din il-proposta w mhux rakkommandat li jkunu installati traffic lights fil-post li għalih qed tirreferi din il-mistoqsija parlamentari għax minħabba l-konfigurażżjoni tat-triq, ma hemmx post fejn tkun implimentata holding lane għall vetturi li jduru lejn il-lemin. Għaldaqstant il-post ta’ l-STOP tkun trid tiġi mressqa lura aktar mill-istandards sabiex vetturi kbar jkunu jistgħu jimmanuvraw. Dan bir-riżultat li vetturi li jkunu fuq l-STOP ma jkollhomx visibilita’ ta’ vetturi oħra fuq il-lemin u x-xellug .
Iżda, t-Taqsima għall-Immaniġjar tat-Traffiku hija infurmata li l-kunsilli ta’ Hal Balzan, Hal-Lija u ta’ Hat-Attard qed jagħmlu studju konprensiv sabiex iħejju proposti konkreti ta’ mmaniġġjar tat-traffiku fit-tlett lokalijiet bl-iskop li titnieda skema holistika w sostenibbli għall-inħawi.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 29303 u ċioe': B'referenza għax-xogħlijiet li saru fl-Isptar Mater Dei jista' l-Prim Ministru jgħid
x'volum ta' materjal u blat ġie eskavat għall-proġett kollu,
kemm ġie jiswa x-xogħol ta' skavar
kemm ġew jiswew x-xogħljiet ta' twaqqigħ ta' bini li kien diġa' sar wara li ried jitwaqqa' minħabba bdil fil-pjanta?
Jista' l-Ministru jara li l-anzjana li tgħix fl-indirizz li qed jidher separatament, tingħata l-home help li għandha bżonn minħabba l-kundizzjoni tagħha?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Kif jaf l-Onor. Interpellant din il-mistoqsija mhijiex skond l-istanding orders tal-Kamra u għalhekk ma tistax tiġi mwieġba.
Jista' l-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 29311 u jgħid jekk il-kuntratt għall-fornitura ta' ikel lill-pazjenti ta' l-Isptar Mater Dei ingħatax lill-privat? Jekk fl-affermattiv, lil min ingħata u x'inhu stmat li hu l-valur ta' dan il-kuntratt kull sena?
Jista' l-Prim Ministru jinfurmani jekk dawk li għaddew mill-eżami ta' clerks in Public Service fil-2007 hux se jiġu ngaġġati mal-Gvern? Jekk fl-affermattiv, hemm xi data?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Issa li beda l-proċess biex dawk li għaddew mill-eżami ta’ l-Executive Officers jingħataw il-ħatra u jitqassmu skond l-esiġenzi tas-Servizz, f’qasir żmien ser jibda wkoll l-ingaġġ ta’ numru ta’ skrivani.
Jista' l-Ministru jgħid jekk it-tenders fuq xogħol fil-crafts village Ta' Qali li kellhom jaqgħlu fid-9 ta' Jannar, għalqux? Jekk dan ma sarx, x'inhi r-raġuni wara dan? Jista jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti ta' l-istess xogħlijiet?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li dawn it-tenders ħarġu mill-Ministeru għall-Iżvilupp Urban u t-Toroq, u għalhekk nitolbok tindirizza l-mistoqsija lil dak il-Ministeru.
Jista' l-Ministru jgħid jekk ix-xogħol li ġie mwiegħed snin ilu fuq l-appartamenti ta' Sant'Anġlu, il-Birgu, jiġifieri l-ħolqien ta' ġnien pubbliku, tlestiex?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Nitlob lill-Onorevoli Nterpellant jirreferi għat-tweġiba li nagħtat għall-mistoqsija numru 25652 fis-seduta numru 543.
Peress li ġie deċiż li jsir xogħol ta' tiswija ta' toroq f'numru ta' lokalitajiet wara l-maltempati li kellna, jista' l-Ministru jara li jsir xogħol simili fi Triq ix-Xatt, Bormla minn Dock 1 sal-Knisja ta' Santa Tereża?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li l-Maintenance Unit tal-ADT għamlet xogħol ta’ patching bil-cold asphalt f’din it-triq immedjatament wara l-maltemp sabiex għalqet il-ħofor li rriżultaw u b’hekk tneħħa l-periklu. L-ADT ser tkun qed tevalwa l-possibilita’ li jsir ‘reinstatement’ bil-hot tarmac.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa fuq safar inkluż spejjeż ta' lukandi, flights u subsistence allowance fil-Ministeru, dekasteru u enti tiegħu (inkluż safar ministerjali) minn Jannar 2007 sal-lum separatament, xahar b'xahar u min kienu l-uffiċjali separatament?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa fuq kull tip ta' hospitality fil-Ministeru, dekasteru u enti tiegħu separatament u xahar b'xahar minn Jannar 2007 sal-lum? Jista' jgħid minn ta l-approvazzjoni għal dan l-infiq f'kull każ separatament?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.