Jista' il-Ministru jara li xogħol li qiegħed isir f'post li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, isir kollu skond il-liġi? Jista' isir bini? Setgħet titneħħa l-ħamrija? Il-persuna li qed tagħmel l-iżvilupp intalbet terġa' tpoġġi lura l-ħamrija? Xi jkopru l-permessi li hemm? Għadha tgħodd notifikazzjoni tal-gvern Nru. 384, datata 10/6/04? Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi oqbra taħt din l-art? Hemm xi problema min-naħa tad-dipartiment tal-mużewijiet?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li kien inħareġ permess tal-bini PA 983/02 datat 23 ta' Awissu 2002 biex jinbena garaxx u xi modifikazzjonijiet oħra fil-bini eżistenti. Meta inbeda l-iskavar, is-sid beda wkoll jiskava is-sit biswit tiegħu mingħajr il-permessi meħtieġa, u għaldaqsatat inħareġ "Avviż tat -Twettiq" ECF 84/03 f' 4 ta' Marzu 2003 kontrih u il-Kummissarju ta l-Artijiet. Is-sid ġiet mitluba li treġġa’ lura is-sit għal l-istat oriġinali tiegħu. Aktar tard ġiet sottomessa applikazzjoni li jġib in-numru PA 1501/03 fuq is-sit inkwistjoni. Din ġiet irrifjutata u ikkunfermat ir-rifjut tagħha fir-rikunsiderazjoni. Għaldaqstant il-każ ġie rreferut lis-sezzjoni tat-twettiq.
L-iskavar li ma kellhomx permess kienu biss żewġ metri l-bogħod minn erba' oqbra Puniċi li nstabu fl-1994 waqt twessiegħ ta’ Triq il-Vittmi tax-Xogħol, Raħal il-Ġdid.. Is-sit in kwistjoni jinstab wkoll 50 metru minn ħdax il-qabar Puniku oħra (datati madwar 2300 sena ilu), li nstabu fejn ir-round-about t’ Għajn Dwieli, Raħal il-Ġdid, waqt xogħol ta’ żvilupp, toroq ġodda u trinkar matul is-snin 1949, 1960, 1964, u l-1968.
In-notifikazzjoni tal-gvern Nru. 384, datata 10 ta’ Ġunju, 2004 msemmija mill-On Interpellant ma’ tapplikax għas-sit in kwestjoni.
L-oqbra Puniċi li hemm fi Triq il-Vittmi tax-Xogħol ġew skedati bħala Klassi B (importanza lokali) permezz tan-Notifika tal-Gvern Nru. 290/98 datata 7 t’ April 1998 u din għadha tgħodd sal-lum.
Is-sit in kwistjoni hu wieħed arkeoloġikament rikk u għalhekk sensittiv ħafna għax jistgħa jkun li għad hemm oqbra oħra fl-inħawi li għadhom ma’ nstgħabux. Skavi li jistgħu jaffettwaw dawn l-oqbra jistgħu jsiru biss mis-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali. Kwalunkwe skavi oħra f’ arei ta’ mportanza arkaeoloġika jirrikjedu permessi mill-Awtorita' ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA), b’ konsultazzjoni mas-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali, b’ kundizzjonijiet u garanziji bankarji sabiex jissalvagwardjaw sejbiet arkaeoloġiċi jekk dan iseħħ.
Jista' il-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li fi ħdan l-ETC se jiġi vakat il-post ta' Senior Executive Human Resources u minfloku se jiġi kkreat post ta' Acting Human Resources Manager fl-istess dipartiment ta' l-ETC? Jekk dan huwa minnu, se ssir call for applications? X'rekwiżiti (esperjenza u kwalifiki) hemm maħsubin għal dan il-post?
Response (GALEA, LOUIS)
Ninforma lil Onorevoli Interpellant li ma hemm ebda ħsieb li jiġi kkreat post ta' Acting Human Resources Manager ffl-ETC.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm hemm impjegati fis-Servizz Ċivili jew ma' kumpanniji/entitajiet li l-gvern għandu l-maġġoranza ta' l-ishma fihom li għandhom iktar minn 61 sena? Min huma? Kemm hemm minnhom li qegħdin b'xi forma ta' kuntratt jew huma konsulenti? X'remunerazzjoni għandhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qegħda tinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hu l-ammont dovut ta' ċitazzjonijiet tat-traffiku għal karozzi li huma wżati minn impjegati tal-gvern? X'passi qiegħed jieħu l-ministeru biex dawn il-multi jinġabru?
Response (BORG, TONIO)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għadha qed tinġabar. It-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk awtorizzax li jitħallsu minn fondi pubbliċi multi/ċitazzjonijiet tat-traffiku għal karozzi li huma wżati minn impjegati tal-gvern? Jista' jgħid jekk għandux xi claims minn sidien ta' garages tal-karozzi tal-kiri għal multi li huma ħallsu għal karozzi li huma mikrija lill-gvern?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar, għaldaqstant it-tweġiba għal din il-mistoqsija parlamentari tingħata f’xi seduta oħra.
Grant Scheme for Tourism Enterprises — Applikazzjonijiet
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm saru applikazzjonijiet, f'kull kategorija separatament, taħt l-iskema Grant scheme for tourism enterprises li ġiet imnedija dan l-aħħar?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li n-numru ta' applikazzjonijiet li daħlu taħt l-iskema sa l-ewwel data ta' skadenza (30 ta' Settembru 2004) huwa ta' 158, minn 154 intrapriżi differenti, imqassmin skond il kategoriji kif ġej:
22 Travel Operations (Destination Management Companies, Incoming Tourism Agents, Excursion Operators)
19 English Language Schools
15 Diving Operations
16 Restaurants
15 Bars/Kiosques
28 Hotels
8 Aparthotels
8 Guesthouse/Hostels
15 Farmhouses
3 Private Museums
4 Tourism Attractions
1 Private Tourism Training Institute
Peress li l-gvern qiegħed jipprovdi servizz ta' l-internet u e-mail lill-impjegati tiegħu, jista' il-Prim Ministru jgħid jekk l-uffiċċju tiegħu awtorizzax li impjegati tal-gvern/ministeri jużaw (a spejjeż tal-gvern) is-servizz ta' ISP providers privati?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Gvern jipprovdi numru sostanzjali ta’ e-mail accounts u numru ferm aktar ristrett ta’ internet accounts lill-impjegati tiegħu skond il-ħtieġa tax-xogħol. Dan is-servizz hu provdut lilhom bl-aċċess minn fuq il-post tax-xogħol.
Ninsab infurmat ukoll li hemm numru ferm żgħir ta’ impjegati f’karigi għoljin fis-Servizz Pubbliku li għal finijiet ta’ xogħol ikollhom bżonn aċċess għal e-mail mid-dar wara l-ħin tax-xogħol. Għaldaqstant il-Gvern ipprovda l-faċilità li jiġu mogħtija ADSL jew Cable connection mid-dar għal MITTS Ltd. Il-Gvern mhux iħallas lil ISP Provider privat biex jipprovdi s-servizz ta’ l-internet lill-impjegati.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm hu l-ammont ta' kera li l-gvern iħallas lill-privat għall-użu ta' uffiċini/postijiet oħra mikrija lill-gvern jew entitajiet tiegħu? Liema huma dawn il-postijiet mikrija lill-gvern jew entitajiet li huma tal-gvern? Kemm hi kull kera fis-sena u lil min titħallas?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hawn kumpanniji liċenzjati f'Malta li joffru servizz ta' sigurta'? Kemm hawn gwardjani liċenzjati biex joffru dan is-servizz?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab informat illi fil-preżent hawn 14-il aġenzija liċenzjata sabiex tipprovdi xi servizzi ta' gwardjani privati skond l-Att ta' l-1996 dwar Gwardjani Privati u Lokali (Kap. 389), filwaqt li hawn 886 persuna li għandhom liċenzja ta' gwardjan privat skond l-istess Att.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm huwa l-ammont ta' flus kull xahar li huma intitolati għalih l-impjegati tal-gvern għal użu tal-mobile phones? Kemm huma l-impjegati li qabżu dan l-ammont mill-2003 sa Settembru 2004?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Tax Compliance Unit — Professjonijiet/Self-Employed
Question
Jista' il-Prim Ministru jgħid liema huma l-professjonijiet u kategoriji ta' self-employed li s'issa ġew mistiedna mit-tax compliance unit biex jidħlu f'taħditiet biex isir ftehim fuq it-taxxa tad-dħul?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s’issa il-kategoriji ta’ self-employed li ġew mistiedna mit-Tax Compliance Unit biex jiddiskutu u jidħlu fi ftehim fuq it-taxxa tad-dħul huma dawn:
1. Automobile Repairers: mekaniks
sprayers
panel-beaters
2. Professjoni Medika: Tobba tal-familja (General Practitioners)
Tobba Speċjalisti (Medical Consultants)
Professjonisti oħra jew nies self-employed li jipprovdu xi tip ta’ servizzi oħra jiġu mistiedna biex jiddiskutu s-sitwazzjoni tat-taxxa tagħhom wara li titlesta kull kategorija.
Tax Compliance Unit — Professjonijiet/Self-employed
Question
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm-il persuna minn kull professjoni jew kategorija ta' self-employed s'issa ġew mistiedna mit-tax compliance unit biex jidħlu f'taħditiet biex isir ftehim fuq it-taxxa tad-dħul? Kemm fil-fatt minn dawn daħlu fi ftehim?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif tidher fit-tabella annessa.
Tista' il-Ministru tgħid f'Malta u f'Għawdex kemm hawn adult training centres, resource centres kif ukoll ċentri oħra relatati mal-persuni b'diżabilita'? Fejn jinsabu dawn iċ-ċentri?
Fuq bażi individwali, x'inhi l-funzjoni ta' kull post minn dawn? F'kull wieħed minn dawn il-postijiet kemm jattendu persuni b'diżabilita'? Kemm hemm ħaddiema f'kull post minn dawn? Tista' il-Ministru tagħti lista (breakdown) ta' kemm hemm ħaddiema f'kull post minn dawn u n-nomenklaturi tagħhom, per eżempju, ċentru ta' (jissemma l-post) - numru ta' care workers, numru ta support workers, eċċ., inkluż min qed imexxi dawn il-postijiet, professjonisti u seniors oħrajn?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nirreferi lill-Onor. Interpellanti għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 7608 f'din l-istess Seduta.
Din is-sena skolastika 2004/2005 studenti li spiċċaw mill-iskejjel jew persuni oħra b'diżabilita' se jiġu mdaħħla fl-ATC's? Jekk iva, tista' il-Ministru tgħid kemm hu n-numru ta' dawn il-persuni u fejn se jibdew jattendu? Jekk le, x'inhi r-raġuni?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nirreferi lill-Onor Interpellanti għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 7608 f'din l-istess Seduta.
Tista' il-Ministru tgħid x'inhu l-vot allokat għall-ATC's u l-vot allokat għas-Support?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Skond l-Estimi Finanzjarji għas-sena kurrenti, il-Voti rikkurrenti għall-ATCs u għall-Aġenzija Sapport jammontaw għal Lm1,227,150 u Lm270,000 rispettivament. Il-Voti Kapitali ta' l-ATCs huma Lm40,000 u dawk ta' l-Aġenzija Sapport huma Lm30,000.
Jista' il-Ministru jgħid kif saret il-ħsara lill-kanċell prinċipali ta' l-isptar San Luqa kif ukoll il-ħadid ta' mal-kanċell (East Gate) faċċata tad-dipartiment ta' l-emerġenza fl-istess sptar?
Min ħallas biex issewwew iż-żewġ kanċelli?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Fiż-17 ta' Mejju 2004, u fil-15 ta' Settembru 2004 il-vettura bir-reġistrazzjoni KIP 005 kienet involuta rispettivament f'kolliżżjoni maż-żewġ kanċelli prinċipali ta' l-isptar San Luqa. Min kien responsabbli ser iħallas għall-ħsarat.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm u f'liema dipartimenti qegħdin: 1) nursing aides; 2) health assistants; 3) hospital auxiliaries li qed jaħdmu mhux f'xi dipartiment li jaqa' taħt id-dekasteri tas-saħħa u ta' l-anzjani?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-informazzjoni qed tinġabar u tingħata risposta f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jara li mill-aktar fis jissewwew il-liftijiet fl-iskejjel Lily of the Valley il-Mosta u Sir Temi Zammit l-Imtarfa minħabba li ċerti studenti qed ikollhom ifallu riżultat ta' diżabilita' temporanja li qed ibatu minnha?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid liema hi l-kumpannija preżentement imqabbda mill-fondazzjoni għas-servizzi mediċi bħala cost auditors biex tikkontrolla n-nefqa kapitali ta' l-isptar Mater Dei u biex tivverifika x-xogħol li qed jagħmlu l-kuntratturi SKANSKA u tiċċekkja l-claims ta' SKANSKA?
Jista' jgħid fuq liema bażi jsir il-ħlas skond il-ftehim bejn il-FSM u din il-kumpannija li qed tagħmel xogħol ta' cost auditors?
Kemm tħallsu s'issa dawn il-cost auditors għax-xogħol li għamlu fuq l-isptar Mater Dei?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-kumpannija preżentament imqabbda mill-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi bħala Cost Controllers biex tikkontrolla n-nefqa kapitali ta' l-Isptar Mater Dei u biex tivverifika x-xogħol li qed jagħmlu l-kuntratturi Skanska u tiċċekkja l-claims ta' Skanska hija Horwath CLS Ltd/EC Harris.
Il-kumpannija li qed tagħmel dan ix-xogħol tħallset bir-rata ta' 0.8% sal-31 ta' Diċembru 2003 u bir-rata ta' 0.82% mill-ewwel ta' Jannar 2004 (li tinkludi VAT u spejjeż oħra) tax-xogħol ċertifikat fuq id-Design & Build Contract. Dawn il-Cost Controllers tħallsu Lm581,279. Dan il-ħlas sar mit-28 ta' Mejju 2001.
Jista' il-Ministru jqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra il-kuntratt bejn il-fondazzjoni għas-servizzi mediċi u Howarth CLS għal xogħol ta' cost auditing fuq l-isptar Mater Dei?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-Kuntratt bejn il-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi u Horwath CLS/EC Harris għal xogħol ta' Cost Control fuq l-Isptar Mater Dei.