Legislature:
Category:
Reset
Active:

Żabbar — Triq in-Nissieġ

Question

B'referenza għall-mistoqsijiet preċedenti tiegħi 6118 u W86 li saret fl-4 ta' Awissu għal tweġiba bil-miktub, jista' il-Ministru jara kif wara tant żmien ta' diskussjoni tittieħed azzjoni biex dan l-ilment li tant ilu pendenti jissolva? Jista' jgħid jekk bediex il-proċess imsemmi ta' esproprjazzjoni? Jekk iva, meta?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat illi l-Awtorita dwar it-Trasport kienet talbet għal survey lill-Awtorita għall-Ambjent u l-Ippjanar hekk kif ġa msemmi fil-mistoqsija paramentari preċedenti W86, iżda sa issa għadha ma rċevit l-ebda informazzjoni. Hekk kif l-Awtorita tirċievi dan is-survey ikun jista' jinbeda il-proċess ta' esproprazzjoni.

Tipjip f'bars/restaurants

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk ir-regolamenti dwar tipjip f'bars u restaurants japplikawx ukoll għal bars li jifformaw parti integrali minn każini sportivi, soċjali jew politiċi?

Response (BORG, TONIO)

Ġentilment nissuġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru ikkonċernat.

Protokol Taljan — Xogħlijiet fuq toroq

Question

B'riferenza għax-xogħlijiet ta' toroq li qegħdin isiru mill-fond tal-protokoll Taljan, jista' il-Ministru jagħti informazzjoni fuq kull triq separatament? Meta nbeda x-xogħol? X'persentaġġ ta' xogħol (ikkomparat mat-total) tlesta s'issa? Ġew ippreżentati xi kontijiet sal-lum u jekk fl-affermattiv, kemm tħallsu l-kuntratturi? Meta hu previst li jitlesta x-xogħol?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat illi d-Direttorat tat-Toroq qed jiġbor l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant mill-kuntratturi nkarigati mix-xogħol tat-tlett lottijiet rispettivament u għalhekk risposta tkun tista' tingħata iktar il-quddiem hekk kif din l-informazzjoni tinġabar.

Mellieħa — Triq Isaac Newten - Drenaġġ

Question

Jista' il-Ministru ġentilment jgħid meta x-xogħol tad-drenaġġ fin-naħa tal-Kortin, il-Mellieħa, fi Triq Isaac Newten 'l isfel se jkun lest billi x-xogħol ilu wieqaf għal dawn l-aħħar tliet snin?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li jirriżulta li n-numru ta' djar mingħajr servizz ta' drenaġġ fl-inħawi msemija hu ta' 21. Dawn id-djar ma jistgħux jitqabbdu mal-mejn eżistenti għax il-livell tagħhom hu baxx wisq u għaldaqstant mhux il-kas li ssir estensjoni ta' dan il-mejn. Biex din il-problema tinstabilha soluzjoni, hemm ħtieġa ta' xogħol ta' ċerta spiża li hi kkonsidrata bħala waħda kbira meta wieħed iqabilha man-numru ta' djar li ser tkun isservi. Hu għalhekk li dan ix-xogħol mhux konsidrat bħala ta' prijorita minn naħa tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma. Madankollu l-Korporazzjoni għada qed tfittex issib soluzzjoni li permezz tagħha l-ispiza nvoluta tkun aktar kompattibli man-numru ta' djar li ser jinqdew.

Qormi — Triq l-Imdina - Pedestrian Pelican Lights

Question

Jista' il-Ministru jgħid fiex waslet it-talba tal-kunsill lokali ta' Ħal Qormi dwar pedestrian pelican lights fil-parti ta' isfel ta' Triq l-Imdina (wara l-fabbrika tan-Nylon Knitting) li kienet saret lill-awtorita' dwar it-trasport? Kopji ta' l-ittri qed jintbagħatu separatament.

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat illi l-Awtorita dwar it-Trasport kienet laqghet it-talba tal-Kunsill Lokali ta' Hal Qormi għall-installazjoni ta' l-imsemmija pelican crossing. Fil-preżent id-Direttorat tat-Toroq lesta' d-disinn ta' dawn il-lights u x-xogħol ta'nstallazjoni ġie inkluż fil-lista ta' prijoritajiet li għandu d-Direttorat sabiex dan ix-xogħol ikun jista' jsir iktar il-quddiem.

Marsa — Triq Aldo Moro - Bus Lane

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 6924, jista' il-Ministru jgħid huwiex konxju mit-traffic jams li qed tikkawża l-bus lane fi Triq Aldo Moro bejn is-7.00 a.m. u t-8.30 a.m. (waqt il-peak hours)? Saru xi analisi tat-traffiku waqt dawn il-ħinijiet mill-awtorita' dwar it-trasport qabel ma ġiet deċiża li ssir din il-bus lane? Jaf il-Ministru li tal-linja mhux qed jużaw din il-bus lane b'mod effiċjenti waqt dawn il-ħinijiet minħabba li qed jinqabdu fit-traffiku li jwassal sal-pjazza ta' Raħal Ġdid?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Jien infurmat illi l-iskop tal-bus lane huwa biex iktar nies jużaw is-servizz tat-trasport pubbliku billi tissepara l-karozzi tal-linja mill-vetturi privati. B'hekk tiżdied l-effiċenza tat-trasport pubbliku billi jkunu jistgħu iżommu ma' l-ħinijiet ta' l-iskedi. Sfortunatament, l-effiċenza minn dejjem kienet kritika ewlenija fis-servizz, u l-pubbliku in generali għadu ma fhemx kompletament il-benefiċċju li jkun hemm lane apposta għall-użu tat-trasport pubbliku biss. Hija ħaġa normali li għall-ewwel li tiġi ntrodotta bus lane jinħolqu konġestjonijiet tat-traffiku tal-karozzi privati. Pero' eventwalment, is-sitwazzjoni tistabbilixxi ruħha fi żmien qasir. Nixtieq ninforma l-Onorevoli Interpellant li qabel ma saret il-bus lane sar Safety Audit rigward it-triq konċernata. Jiena ukoll infurmat li l-Awtorita dwar it-Trasport ser tagħmel fil-futur qarib analiżi tat-traffiku rigward is-sitwazzjoni eżistenti.

Birkirkara — Bus terminus - Tindif

Question

Jista' il-Ministru jara li jitnaddaf jew jingħalaq il-bini li hemm maġemb il-bus terminus tas-71 f'Birkirkara għaliex hemm ħafna żibel fih u jagħmel ikrah minbarra li jista' jikkaġuna problemi ta' saħħa?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat mill-Kunsill Lokali ta' Birkirkara li l-bini msemmi hu dar privata mitluqa. Madanakollu, is-Sezzjoni tad-Tindif ser tindaga dwar is-sidien ħalli jsir ix-xogħol neċessarju.

Djar — Imsida

Question

Tista' il-Ministru tgħid meta se jitqassmu l-flats li hemm ħdejn l-Għajn tal-Ħasselin, l-Imsida?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-appartamenti ndikati mill-Onor. Interpellant jonqoshom il-provista tas-servizz tad-dawl u l-ilma u komunikazzjoni mad-dranaġġ. Irid ukoll jogħla l-livell tat-triq ta' quddiemhom. Ix-xogħol fuq l-ilma u d-dranaġġ jiddependu mix-xogħol fuq it-triq. Ninsab infurmata wkoll li l-Awtorita' Maltija tat-Trasport irreferiet id-dokumenti tat-tender dwar it-triq lid-Dipartiment tal-Kuntratti għall-pubblikazzjoni.

Msida — Toqba fil-ħajt tal-Junior College

Question

Jista' il-Ministru jara li toqba li hemm ġo ħajt ġo John Borg Street, Imsida, cioe' fil-ħajt tal-Junior College, tingħalaq billi minnha qed jinżel ħafna ilma tax-xita li qed imur ġo djar tal-persuni li joqogħdu fil-madwar?

Response (GALEA, LOUIS)

Tlabt lil awtorita' kompetenti jibdew inkjesta u jieħdu l-passi meħtieġa.

Imsida Seafront — Motoċikletti

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex żewġ motoċikletti, wieħed minnhom b'teddy bear fuqu u li ma jintużawx u li qed jokkupaw spazju ta' karozza, ma tneħħewx la mill-pulizija u lanqas mill-gwardjani lokali meta ilhom ipparkjati hekk ġo Ta' Xbiex Seafront, Imsida, għal aktar minn sena?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab informat illi ż-żewġ muturi msemmija mill-Onor. Interpellant huma liċenzjati skond il-liġi sabiex jintużaw fit-triq.

Kunsilli Lokali — Deficit Finanzjarju

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hawn kunsilli li spiċċaw is-sena finanzjarja b'deficit is-sena l-oħra? Liema huma u kemm kien id-deficit?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-Kunsilli Lokali li spiċċaw is-sena finanzjarja 2003 – 2004 b’deficit fil-working capital tagħhom kienu sebgħa. Dawn kienu: Kunsill Deficit Birgu Lm 6, 727 Rabat (Għawdex) Lm 12, 605 Għasri Lm 1, 518 Pembroke Lm 5, 416 San Pawl il-Baħar Lm 10, 761 Swieqi Lm 14, 342 Xewkija Lm 2, 254

Dipartiment ta' l-Edukazzjoni — Applikazzjonijiet għal Educational Officers

Question

Filwaqt li nirreferi għas-sejħa ta' l-applikazzjonijiet għall-Education Officers (Franċiż) fid-dipartiment ta' l-edukazzjoni, l-Universita' (Ref. EDUC 495/2003), jista' il-Ministru jinforma lill-Kamra min huma l-persuni li qed imexxu l-interviews u xi kwalifiki għandhom fil-Franċiż? Jista' jindaga u jiżvela xi kwalifiki għandha l-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatmaent, li ġabet il-marka ta' 86%, u l-persuna l-oħra hawn indikata li ġabet 67%?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li ma kien hemm l-ebda sejħa ta' applikazzjoni għal Education Officer (Franċiż) mid-Dipatiment ta' l-Edukazzjoni ta' l-Universita' ta' Malta. Informat ukoll li fil-każ ta' sejħiet ta' applikazzjoni ta' Education Officers mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni, dawn jaqgħu taħt ir-responsabilita' tal-Kummisjoni għas-Servizz Pubbliku. Il-ħatra tal-Bord ta' l-Għażla hija suġġett għall-approvazzjoni tal-Kummisjoni għas-Servizz Pubbliku. Il-kriterji ta' l-għażla huma wkoll stabbilti minn qabel mill-PSC. Il-konsiderazzjoni tal-kwalifiki hija biss parti minn dawn il-kriteri.

Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern — Impjegati

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhu l-kriterju wżat mill-ministeru jew l-aġenziji tiegħu, jew fund apposta sabiex bniedem li jiġi aggredit waqt ix-xogħol tiegħu in konnessjoni ma' l-istess, jiġi debitament ikkumpensat?

Response (BORG, TONIO)

Ma jeżisti l-ebda fond apposta sabiex bniedem li jiġi aggredit waqt ix-xogħol tiegħu, in konnessjoni ma’ l-istess, jiġi debitament ikkompensat. Min jiġi aggredit għandu, apparti l-proċeduri kriminali, id-dritt li jfittex lill-aggressuri tiegħu quddiem il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili.

Belt Valletta — Triq il-Merkanti

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-bdil tas-sistema one-way ta' Triq il-Merkanti, il-parti ta' wara l-Palazz tal-President, ġietx approvata mill-ADT?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li minħabba x-xogħolijiet ta' bankini li qed isiru f'parti ta' Triq San Pawl, sar konsultazzjoni mall-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta u ġie deċiż li tinbidel is-sistema ta' one way fil-parti ta' Triq il-Merkanti li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant, bħala parti minn skema ta' traffiku temporanja sakemm jittlestew dawn ix-xogħolijiet.

Ħal Tarxien — Triq l-Iskola - Emblema tal-Ġebel

Question

Jista' il-Ministru jara li jsir restawr ta' Fuq l-Emblema tal-Ġebel ta' żmien l-1800 li tinsab fi Triq l-Iskola Ħal Tarxien?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li t-Taqsima tar-Restawr ser tinvestiga l-Emblema msemmija bil-għan li jiġi determinat ix-xogħol ta' restawr neċessarju.

Ħal Ferh Complex — Impjegati

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk sarux xi laqgħat dwar il-futur tal-ħaddiema tal-Ħal Ferh Complex f'Għajn Tuffieħa? Jekk iva, ma min saru l-laqgħat u x'inhu l-futur tal-ħaddiema?

Response (GALEA, LOUIS)

Nitlob l-Onor. kollega jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat responsabbli għall-investiment.

Anzjani — Sussidju fuq is-servizz tat-telephone

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li s-sussidju fuq it-telephonegħall-anzjani li għandhom il-kartuna r-roża qiegħed jingħata biss għal 5,000 anzjan? Din il-policy kienet minn dejjem jew ġiet imposta issa? Jista' jgħid meta ġiet imposta?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-deċiżjoni li s-sussidju fuq it-telefon jingħata biss lil 5,000 anzjan ġiet ikkomunikata lid-Dipartiment għall-Anzjani u Kura fil-Komunita' fid-19 ta' Mejju 2004 mill-Malta Communications Authority. Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministeru tal-Kompettivita' u Komunikazzjoni.