Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kulleġġ tal-Biedja — Studenti

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' studenti fil-kulleġġ tal-biedja fil-preżent? Kemm hu n-numru ta' studenti li għażlu l-istudji tal-biedja wara li spiċċaw mis-sekondarja?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-numru ta' studenti huwa hekk: Kemm applikaw Kemm qed jattendu Kemm irreżenjaw ESTS 0 3 1 National Diploma in Agriculture 2nd years 0 4 0 National Diploma in Agriculture 1st years 18 16 2 Foundation Certificate in Agriculture 13 11 2 First Diploma in Agriculture 10 7 3 Informat ukoll li hemm 58 studenti li jattendu fil-kors ta' filgħaxija u 45 student fil-kors ta' filgħodu.

Zokkor — Sussidju

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex il-prezz taz-zokkor (abbażi ta' l-importazzjoni storika) mhux se jkun issussidjat skond ma huwa l-prezz ta' dan is-sors fis-suq internazzjonali kif ġie mwiegħed il-poplu qabel ir-referendum u qabel l-elezzjoni ġenerali?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Gvern qiegħed jissussidja z-zokkor bir-rata ta' l-Export Refund li tagħti l-EU fuq iz-zokkor. Qabel Mejju 2004 iz-zokkor kien jiġi ssussidjat b'din ir-rata mill-EU u issa qed jiġi ssussidjat bl-istess rata mill-Gvern Malti.

Żieda fil-prezzijiet ta' l-ikel

Question

Jikkonferma l-Prim Ministru li filwaqt li l-Gvern Nazzjonalista assigura lill-poplu li l-prezzijiet ta' ċerti prodotti ta' l-ikel mhux se jogħlew wara s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea għaliex se jkunu sussidjati, għolew saħansitra b'50c fil-kilo bħal fil-każ tal-ġobon cheddar? Jista' jinformana x'qed jikkawża dan l-għoli esaġerat tal-prezzijiet ta' prodotti ta' l-ikel tal-ħajja ta' kuljum? Jista' il-Prim Ministru jassigura lill-poplu li l-prezzijiet taċ-cheddar u ġobnijiet oħra mhux se jkomplu jogħlew aktar fix-xhur li ġejjin?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Ministeru tas-Saħħa — Ħlas pendenti lill-kuntratturi

Question

B'riferenza għall-mistoqsijiet parlamentari 6632 u 7476 u cioe' jista' il-Ministru jgħid kemm għandu jagħti flus f'xogħol li għamlu l-kuntratturi mqabbdin mill-gvern u li għadhom ma tħallsux u kemm tammonta l-ispiża għal kull kuntrattur sal-lum?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.

Djar — Applikazzjoni għal-lift

Question

Tista' il-Ministru tgħid għaliex il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament ilha għal żmien twil tapplika għal-lift? Għaliex ir-raġuni li qed iġib il-gvern sabiex ma jsegwix dan ix-xogħol hu li m'hemmx spazju sabiex jiġi kkreat lift meta dan huwa kontradett mis-soċjeta' Euro Lifts Michael Vella Limited li tgħid li dan il-lift jista' isir? Tista' il-Ministru tieħu ħsieb u tinvestiga din il-kwestjoni?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li skond l-inġinier ta' l-Awtorita' tad-Djar, biex jiġi stallat il-lift fil-post indikat mill-Onor. Interpellant ikun meħtieġ li t-taraġ jidjieq tant li ma jibqax konformi mal-qies minimu stabbilit bil-liġi. Ninsab infurmata wkoll li fil-fatt dan hu kkonfermat mid-ditta li għamel referenza għaliha l-Onor. Interpellant.

Marsa — Power station - materjal ta' l-asbestos

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 6825 u cioe' jista' jgħid min ħa l-offerta jew tender sabiex jiġi mneħħi l-materjal ta' l-asbestos li jinsab fil-power station tal-Marsa? Jista' jgħid min hu responsabbli bħala konsulent li jara li x-xogħol isir skond proċeduri stabiliti ta' l-EU? Min qed jieħu ħsieb li jsiru t-testijiet neċessarji magħrufa bħala AFT (Airborne Fiber Tests) ġewwa u barra l-area ta' l-attivita'? Fejn qed jiġi storjat dan il-materjal li preżentement qiegħed jinqala'?

Response (GATT, AUSTIN)

It-Tender li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant ġie irtirata bil-ħsieb li terġa' toħroġ iktar tard.

Reġistru Pubbliku — Ċertifikati

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hemmx xi raġuni valida għaliex iċ-ċittadin ma jgawdix mill-faċilitajiet li għandhom l-avukati u n-nutara li jottjenu u jħallsu għal ċertifikati ta' tfittxija, eċċ. fid-dipartiment tar-reġistru pubbliku? Jistgħu tali faċilitajiet jiġu estiżi biex jonqos l-inkonvenjent li għandu l-pubbliku preżentement u b'hekk it-taxpayer jieħu servizz aħjar? Meta hu mistenni li tali dokumenti jkunu jisrtgħu jingħataw u jitħallsu direttament fuq is-servizz ta' l-e-gov?

Response (BORG, TONIO)

Nifhem li l-Onor. Interpellant b'"ċertifikat tat-tfittxija" qiegħed jirreferi għar-riċerki uffiċjali u ċertifikati tat-testamenti pubbliċi li jinħarġu mir-Reġistru Pubbliku. L-ordni u l-ħlas għal dawn ir-riċerki u ċertifikati jistgħu jsiru minn kulħadd li jfisser li l-pubbliku għandu l-faċilitajiet li jordna dawn ir-riċerki u ċertifikati. Hija policy tal-Gvern li d-Dipartimenti jagħtu servizzi on-line inkluż il-ħlas għalihom. Fil-fatt fil-bidu tas-sena 2003 din is-sistema diġa' ġiet introdotta b'suċċess fis-Sezzjoni ta' l-Istat Ċivili ta' l-istess dipartiment fejn ċertifikati tat-twelid, żwieġ u mewt jistgħu jiġu ordnati u mħallsa on-line billi jintuża l-internet address: www.ċertifikati.gov.mt. Is-suġġeriment ta' l-Onor. Interpellant li l-ordni u l-ħlas ta' riċerki uffiċjali u ċertifikati tat-testmenti jingħataw on-line se jiġi kkonsidrat.

Attard — Triq Ferdinandu Inglott - Sinjali tat-Traffiku

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 6378, jista' il-Viċi Prim Ministru jiżgura li jkun hemm sorveljanza tal-pulizija f'dawn l-inħawi, issa li bdiet l-iskola u diversi ġenituri b'vetturi għal darba oħra mhumiex jobdu s-sinjali tat-traffiku b'konsegwenza li jpoġġu l-ħajja ta' oħrajn f'riskju?

Response (BORG, TONIO)

Kif diġa' kelli l-okkażżjoni ngħid, kull meta l-eżiġenzi tas-servizz jippermettu, il-Pulizija jattendu fil-post imsemmi mill-Onorevoli Interpellant fil-ħinijiet meta t-tfal jibdew u jispiċċaw l-iskola.

MEPA — PA2349/04

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hux qed jikkonsidra xi forma ta' kumpens jew alternattiva oħra lill-bdiewa li hemm jaħdmu fl-art assenjata għar-relokazzjoni tal-beach rooms li hemm fil-Marfa skond il-Marfa Action Plan u skond applikazzjoni PA2349/04? Jista' jgħid jekk dawn il-bdiewa hux se jitilfu l-għelieqi li għandhom bħalissa? Jista' jgħid jekk hux se jsiru xi Environmental Impact Assessments dwar din l-area?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-kumpens dovut lill-bdiewa fil-kaz li jittieħdilhom xi raba minħabba xi żvilupp huwa regolat mill-liġi li tikkontrolla l-kiri tar-raba, Att XVI tal-1967. L-applikazzjoni PA 2349/04 għadha qed tiġi proċessata mill-Awtorita' ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar. Fil-fatt, l-ammont ta' art assenjata għar-relokazzjoni tal-beach rooms skond il-Marfa Action Plan għada qed tiġi riveduta biex tirrifletti l-oġġezzjonijiet li saru, għalhekk għadni m' inhix f' pożizzjoni li ngħid jekk hux se jittieħdu xi għelieqi. L-Awtorita' talbet li minħabba l-kobor u s-siti ta' dawn l-applikazzjonijiet Environmental Impact Assessment irid isir.

Sigurta' Soċjali — Ħlas ta' kontribuzzjonijiet

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 7472 li oriġinarjament saru lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u l-Impjiegi u li issa ġiet riferuta lilek u cioe' tista' il-Ministru tgħid jekk fil-każ tal-part-time clerks fid-diviżjoni ta' l-edukazzjoni ma jħallsux il-kontribuzzjoni tas-Sigurta' Soċjali f'dan il-perjodu msemmi jiġux ikkonsidrati li mhux qed ikollhom kontinwita' fil-ħlas ta' din il-kontribuzzjoni għall-fini tal-pensjoni li jistgħu jingħataw fil-futur?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Fost kundizzjonijiet oħra, ir-rata ta' pensjoni kontributorja mħallsa taħt l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali tiddependi mill-medja ta' kontribuzzjonijiet imħallsa minn sena għal sena. Għalhekk, perijodi skoperti minn kontribuzzjonijiet jistgħu jaffettwaw ir-rata tal-pensjoni li persuna jkollha dritta għaliha fil-futur.

Dingli — Dawl

Question

Jista' il-Ministru jgħid għalfejn l-arbli tad-dawl li twaħħlu fl-area magħrufa bħala Bejt il-Fenek l/o Dingli, baqgħu bla sistema ta' bozoz u qed joħolqu problema minħabba d-dlam ċappa li jkun hemm fl-inħawi?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li x-xogħol fuq l-arbli msemmija ma tkompliex minħabba oġġezzjonijiet mill-Kunsill Lokali.

Eco Tax

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 7470 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent u li issa ġiet riferuta lilek u cioe' jista' il-Prim Ministru jgħid kemm kien id-dħul s'issa fl-ewwel xahar mill-introduzzjoni ta' l-Eco Tax (inkluż id-dħul minn VAT fuq it-taxxa ta' l-Eco Tax)?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ewwel pagament ta’ l-ECO Contribution għal dawk il-persuni reġistrati għal ECO u li l-perjodu tagħhom għalaq fil-31 ta’ Ottubru 2004 għandhom flimkien mad-denunzja tal-VAT l-obbligu li jagħmlu l-pagament ta’ l-ECO Contribution sal-15 ta’ Diċembru 2004 fuq id-denunzja ta’ l-ECO Contribution.

Mosta — Ħajt tas-Sejjieħ

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb li l-ħajt tas-sejjieħ fi Triq il-Mitħna, fil-parti li tagħti għal Triq Durumblatt, Mosta, hux fil-ħsieb li jiġi rranġat peress li huwa ta' periklu għall-vetturi li jgħaddu minnhom?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li t-triq imsemmija taqa' taħt ir-responsabbilta' tal-Kunsill Lokali konċernat u mhux taħt dan il-Ministeru.

Awtorita' Marittima Maltija — Bċejjeċ tal-baħar

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 7415 u cioe' jista' jgħid x'inhu n-numru ta' bċejjeċ tal-baħar (jekk hemm) ta' sidien/kumpanniji Maltin, li huma reġistrati ma' reġistri navali barranin partikolarment dawk li jgħidulhom reġistri miftuħin (open registries)? Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn bnadar barranin rappreżentati f'Malta, jekk hawn, u x'inhuma r-relazzjonijiet li dawn għandhom ma' l-Awtorita' Marittima Maltija? Jista' jgħid kemm-il biċċa tal-baħar (jekk kien hemm) ħalliet il-bandiera Maltija biex tinkiteb ma' bandiera oħra appena Malta daħlet fl-Unjoni Ewropea?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li mhux possibli li wieħed jgħid x'inhu n-numru ta' bċejjeċ tal-baħar ta' sidien Maltin reġistrati f'xi reġistru barrani. Dwar il-bnadar barranin rappreżentati f'Malta l-Ministeru ma jkollux tali nformazzjoni. Kull ma nista' ngħid hu li bejn Mejju w Settembru ta' din is-sena 162 bastimenti jew biċċa oħra tal-baħar temmew, għal xi raġuni jew oħra, ir-reġistrazzjoni tagħhom taħt l-Att Dwar il-Bastimenti Merkantili. Dan in-numru kien fl-istess livelli tas-sena 2003 meta għall-istess perjodu kien ta' 148.

Maltapost — Tender - Motorcycles

Question

B'riferenza għal tender Ref. No T01MP/2001 dwar leasing of motorcycle fleet to be used in Malta and Gozo u rigwardanti l-Maltapost p.l.c., jista' il-Ministru jispjega għaliex ir-riżultat ta' dan it-tender dam dawn is-snin kollha biex ħareġ? Jista' il-Ministru jinnota li għal kważi 30 sena sħaħ il-fornitura ta' dan is-servizz kien il-persuna li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament? Jista' il-Ministru jinnota li sabiex is-servizz offrut dejjem ikun ottimu, dan l-aħħar sar investiment qawwi sabiex jinxtraw muturi ġodda? Jista' il-Ministru jinnota wkoll li l-persuna li rebħet it-tender din id-darba m'għandhiex fil-pussess tagħha daqstant muturi ġodda li jistgħu jikkompetu mal-fornitur ta' qabel? Jista' jgħid min hi l-persuna li ġiet mogħtija t-tender u meta l-kuntratt se jibda jaħdem?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Mosta — Pont ta' l-Isperanza

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-pont ta' l-Isperanza fil-Mosta huwiex magħluq għal trakkijiet u heavy vehicles? Jekk fl-affermattiv, x'qed isir biex wieħed jaċċerta ruħu li dan qed isir?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat illi l-Awtorita dwar it-Trasport bagħtet perit inkarigat sabiex jispezzjona dan il-pont u nstab li dan mhux magħluq għal-trakkijiet u heavy vehicles ohrajn

Adult training centres — Ħaddiema

Question

Tista' il-Ministru tgħid jekk hux veru li ċ-ċaqlieq tal-ħaddiema fl-ATC's (adult training centres) għandu jsir din is-sena? Jekk iva, għaliex dawn l-impjegati għadhom fl-għama u ma qed jiġu nformati b'xejn? Dawn il-ħaddiema jew rappreżentanti tagħhom se jiġu nvoluti minn qabel f'dan il-proċess? Dawn il-ħaddiema se jingħataw l-opportunita' li jagħżlu jekk għandhomx il-pjaċir li jidħlu fis-sistema l-ġdida jew jagħżlux li jibqgħu kif inhuma, jiġifieri ħaddiema taċ-ċivil?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onor. Interpellanti tirreferi l-Mistoqsija tagħha lill-Ministru konċernat.