Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ħal Qormi — Triq il-Biegħa

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 7565 u cioe' jista' jgħid xi pjanijiet għandha l-Awtorita' dwar it-Trasport dwar Triq il-Biegħa f'Ħal Qormi minħabba l-problema li l-ilma tax-xita fit-triq m'għandux fejn imur ħlief ġo Palazzo Stagno li hija proprjeta' skedata u meqjusa bħala bini ta' importanza storika? Jista' jgħid għaliex l-awtorita' injorat il-proposti mressqa mill-kunsill lokali Qormi dwar bini ta' culvert żgħir fil-bidu tat-triq sabiex tinstab soluzzjoni għal din il-problema?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat illi l-Awtorita dwar it-Trasport bagħtet perit inkarigat sabiex jispezzjona din it-triq u nstab illi fil-preżent jeżistu katusi fil-ħajt tal-ġnien tal-Palazzo Stagno li jindikaw li l-ilma msemmi fil-mistoqsija parlamentari huwa mixtieq mis-sidien ta' dan il-Palazzz. Madankollu l-Awtorita mistennija tanalizza l-proposti mressqa mill-Kunsill Lokali fl-ittra tiegħu sabiex tara x'jista jsir biex tiġi mtejjba din is-sitwazzjoni.

Karwija — Xogħlijiet fit-toroq ta' madwar l-iskola

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-fondazzjoni għall-iskejjel ta' għada hux se tagħmel xi xogħlijiet fit-toroq ta' madwar l-iskola u l-kumpless li qed jinbena ġewwa l-Karwija?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li mhux kompitu tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada li tagħmel ix-xogħolijiet fit-toroq imsemmija.

Karwija — Skola

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hux il-ħsieb tal-gvern li l-junior lyceum San Ġużepp ġewwa Corradino jiġi trasferit għall-iskola ġdida fil-Karwija, hekk kif din tkun lesta? Jista' jgħid ukoll meta huwa maħsub li din l-iskola tkun lesta?

Response (GALEA, LOUIS)

Dwar l-użu ta' l-iskola l-ġdida tal-Karwija l-Ministru u d-Diviżjoni għad iridu jiddeċidu l-aħjar użu. Peress li għad iridu jiġi mogħtija numru ta' kuntratti wara proċess ta' tenders għadni m'hinix f'pożizzjoni ngħid id-data meta l-iskola ser tkun lesta.

Ħal Kirkop — Skola Primarja - Xogħlijiet

Question

Jista' il-Ministrui jgħid meta se jsir ix-xogħol tant meħtieġ fil-ground ta' l-iskola primarja San Benedittu ta' Ħal Kirkop?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li x-xogħol fuq il-ground ta' l-iskola primarja San Benedittu f'Ħal Kirkop diġa nbeda u qiegħed isir bi ftehim mal-Kap ta' l-iskola sabiex ma jkun hemm l-ebda tfixkil għal l-operat ta' l-iskola.

Programm għal riċerka, żvilupp u innovazzjoni

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 7459, jista' il-Ministru jgħid jekk it-Lm300,000 li ngħataw ġewx meħuda lura u allura effettivament l-applikanti ma ħadu xejn? Jista' jgħid x'inhu t-titlu ta' kull waħda mit-30 proposta?

Response (GALEA, LOUIS)

L-ammont ta' flus imsemmi ser jinqasam bejn il-proġetti magħżula meta tiġi finalizzata l-evalwazzjoni li trid issir bl-għajnuna ta' esperti barranin. Tagħrif dwar it-titolu ta' kull proposta ser jitpoġġa fuq il-Mejda ral-Kamra f'xi Seduta oħra.

Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija

Question

Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 7458?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li b'Malta membru fl-EU, il-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija ser jibqa' jgħati l-kontribut tiegħu fl-oqsma tar-riċerka u innovazzjoni. L-amministrazzjoni tal-Programm ta' Riċerka ta' l-Unjoni Ewropea (FP6) tibqa' l-aktar parti li fiha l-MCST jinvolvi ruħu. Apparti minn dan, l-MCST ikompli jikkollabora ma l-Kummissjoni Ewropea fejn jidħlu diskussjonijiet u attivitajiet konnessi ma' l-istrateġija ta' Lisbona. L-MCST ukoll iħejji dokumenti li jservu bħala bażi għall-interventi ministerjali fid-diversi laqgħat tal-Kunsill tal-Ministri meta fuq l-aġenda hemm suġġetti relatati.

Servizz Pubbliku — Skrivani ġodda

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid hux il-ħsieb tal-gvern li jimpjega l-kumplament ta' l-iskrivani li għaddew mill-aħħar eżami? Kemm għaddew mill-imsemmi eżami u kemm ġew impjegati sa issa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Skond is-sejħa għall-applikazzjonijiet il-validità ta’ l-eżami għar-reklutaġġ ta’ Skrivani mas-Servizz Pubbliku skada fil-15 ta’ Mejju 2004. Għaldaqstant it-tweġibiet mitluba mhumiex relevanti.

Entitajiet tal-Gvern — Self

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm huwa l-ammont ta' self li għandhom entitajiet tal-gvern bl-approvazzjoni tal-ministeru tal-finanzi? Kemm minn dan is-self huwa ma' banek lokali u kemm huwa ma' banek/soċjetajiet barranin? X'inhi r-rata ta' imgħax f'kull każ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba tinsab fil-lista mehmuża. Din il-lista tikkonsisti fil-bilanċi fl-aħħar ta’ Ġunju tas-self li għandhom l-entitajiet tal-Gvern bl-approvazzjoni tal-Ministeru tal-Finanzi, bl-imgħax medju għal kull entità.

Ħal Qormi — Bini ta' Substation

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'qed iżomm lill-Enemalta milli tibda tinbena s-substation fi Triq ix-Xitwa, Ħal Qormi skond il-permess ta' żvilupp PA5738/02 maħruġ mill-MEPA u wara li l-art imsemmija ġiet rilaxxata mill-joint office skond il-pubblikazzjoni fil-gazzetta tal-gvern ta' nhar il-Ħamis 24 ta' Lulju 2004?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Satellite Dishes — Refunds

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se jibdew jingħataw lura r-refunds ta' dawk li laħqu ħallsu l-liċenzji tas-satellite dishes?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-preparamenti għall-ħlas tar-refunds qed isiru u hu intenzjonat li toħroġ stqarrija pubblika meta dawn ikunu ser jibdew jitħallsu biex kulħadd ikun infurmat.

Persuni b'Diżabilita' — Support Living Division

Question

Tista' il-Ministru tgħid għal liema raġuni nħolqot support division għal persuni b'diżabilita' u x'inhu r-rwol tiegħu? Kemm hemm persuni b'diżabilita' li qegħdin jagħmlu użu b'mod permanenti mid-djar residenzjali li jaqgħu taħt is-support division? Fejn jinsabu dawn id-djar u f'kull dar kemm hemm residenti? Tista' il-Ministru tagħti breakdown ta' kemm hemm ħaddiema impjegati mas-support living division u n-nomenklatura ta' kull impjegat, kemm full-time kif ukoll part-time, kif ukoll f'liema postijiet qegħdin jagħtu s-servizzi tagħhom kull wieħed minn dawn l-impjegati?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Aġenzija Sapport, taħt il-Fondazzjoni għas-Servizzi ta' Ħarsien Soċjali, twaqqfet bil-għan li tipprovdi servizzi residenzjali u fil-komunita' lill-persuni b'diżabilita'. Dawn is-servizzi jinkludu servizz ta' social work. Ix-xogħol ta' l-Aġenzija jindirizza l-problema tal-ġenituri ta' dawn il-persuni ta' ser jiġri minn uliedhom meta ma jkunux jistgħu jieħdu ħsiebhom aktar. Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub fil-kumplament tal-Mistoqsija hu kif jidher fit-Tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Adult Training Centres

Question

Tista' il-Ministru tgħid kif inhi mibnija l-istruttura amministrattiva ta' l-ATC's? Kif inhi mibnija l-istruttura amministrattiva tas-Support?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-istruttura amministrattiva ta' l-Aġenzija Sapport, taħt il-Fondazzjoni għas-Servizzi ta' Ħarsien Soċjali, tikkonsisti minn Operations Director, Corporate Manager, Services Manager u clerk. Rigward l-informazzjoni mitluba dwar iċ-Ċentri ta' Matul il-Jum għal Persuni b'Diżabilita' nitlob lill-Onor. Interpellanti tirreferi l-Mistoqsija tagħha lill-Ministru konċernat.

Adult Training Centre — Steering Committee

Question

Tista' il-Ministru tgħid x'inhi l-funzjoni ta' l-iSteering Committee? Dan l-iSteering Committee huwa l-policy maker ta' l-ATC's? L-istess Steering Committee huwa wkol il-policy maker tas-Support? Min huma l-membri ta' l-iSteering Committee? Kemm-il darba jiltaqa' dan l-istess Steering Committee?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-funzjoni tal-Kumitat għaċ-Ċentri ta' Matul il-Jum għal-Persuni b'Diżabilita', twaqqaf fil-Ministeru għall-Politika Soċjali fl-2001. biex jiddiskuti u jagħti pariri dwar it-tmexxija u policies relatati ma' dan is-servizz. Għalkemm l-Aġenzija Sapport hi rappreżentata fuq dan il-kumitat, il-policies ta' din l-Aġenzija huma formulati mill-Fondazzjoni għas-Servizzi ta' Harsien Soċjali, li taħta taqa' l-Aġenzija. Il-membri preżenti ta' dan il-Kumitat huma: Is-Segretarju Permanenti, Ministeru għall-Familja u Solidarjeta' Soċjali Id-Direttur Eżekuttiv, Kummissjoni Nazzjonali għall-Persuni b'Diżabilita' Id-Direttur, Dipartiment għall-Anzjani u Servizzi fil-Komunita' L-Assistent Direttur responsabbli miċ-Ċentri ta' Matul il-Jum għal Persuni b'Diżabilita', Dipartiment għall-Anzjani u Servizzi fil-Komunita' Id-Direttur, Implimentazzjoni ta' Programmi, Ministeru għall-Familja u Solidarjeta' Soċjali Il-Kap Eżekuttiv, Fondazzjoni għas-Servizzi ta' Ħarsien Soċjali Il-Kap ta' l-Aġenzija Sapport Il-Kap tas-Segretarjat, Ministeru għall-Familja u Solidarjeta' Soċjali Ninsab infurmata li din is-sena dan il-Kumitat iltaqa' ħames darbiet.

Persuni b'Diżabilita' — Ċentri

Question

Tista' il-Ministru tgħid kif inhi l-proċedura biex persuna b'diżabilita' tidħol fl-ATCs? X'inhuma l-kriterji u l-policies adotatti mid-dipartiment sabiex il-persuni b'diżabilita' jidħlu f'xi ATC jew post ieħor li għandu d-dipartiment? Min jiddeċiedi f'liema post minn tad-dipartiment (ATC, resource centres, eċċ.) dawn il-persuni b'diżabilita' jibdew jattendu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onor. Interpellanti tirreferi l-Mistoqsija tagħha lill-Ministru konċernat.

Persuni b'Diżabilita' — Support Living Division

Question

Tista' il-Ministru tgħid x'inhuma l-proċeduri wżati mis-support living division sabiex persuni b'diżabilita' jidħlu residenti fid-djar u postijiet oħra tas-support? X'servizzi oħra toffri s-support living division?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-proċedura biex persuna tingħata servizz mill-Aġenzija Sapport hi li kull talba tiġi riferuta lit-taqsima tas-Social Work Services ta' l-Aġenzija biex issir home-visit bil-ħsieb li jsir assessment preliminari li jkopri l-ħtiġiet tal-persuna b'diżabilita' u l-familja tagħha, inkluż jekk il-persuna jkolliex bżonn ta' servizz residenzjali jew fil-komunita'. It-talba u l-assessment mis-social worker jitresqu quddiem Kumitat għall-Allokazzjoni tas-Servizzi (SAC). Dan il-Kumitat hu kompost minn manager li jirrappreżenta l-Aġenzija, professjonista li jaħdem fil-komunita', persuna b'diżabilita', ġenitur ta' persuna b'diżabilita' li jirrappreżenta persuni b'diżabilita' li ma jistgħux jirrappreżentaw lilhom infushom, u professjonista mir-Resource Team ta' l-Aġenzija. Il-funzjoni ta' dan il-Kumitat hu li jevalwa l-bżonnijiet tal-persuna konċernata u tal-familja tagħha u x'servizz għandu jingħata skond ir-riżorsi disponibbli. Il-Kumitat jikkunsidra wkoll il-possibilta' li jingħataw servizzi u jiġu segwiti programmi alternattivi li mhux bilfors huma provduti mill-Aġenzija. Meta persuna b'diżabilita' tidher quddiem il-Kumitat tiġi assistita mis-Social Worker ta' l-Aġenzija. Meta jiġi allokat servizz, il-persuna b'diżabilita' u l-familja tagħha jiltaqgħu ma' membru tar-Resource Services ta' l-Aġenzija biex jitfassal programm għall-għoti tas-servizz. Minbarra servizz residenzjali, l-Aġenzija toffri wkoll servizz ta' social work u sapport fil-komunita' għall-persuni b'diżabilita' u u l-familji tagħhom.

Adult Training Centre — Steering Committee

Question

Tista' il-Ministru tgħid min jirrappreżenta l-ATC's f'dan l-iSteering Committee? F'dan l-iSteering Committee hemm xi impjegati jew kapijiet li huma hands-on fix-xogħol fl-ATC's, Resource Centres, eċċ? Jekk iva, f'liema post minn dawn jaħdmu l-persuni konċernati? Jekk le, għaliex f'dan l-iSteering Committee m'hemm ħadd li huwa hands-on f'dan ix-xogħol?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanti għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 7789 f'din l-istess Seduta.

Ħ'Attard — Xogħol ta' drenaġġ

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm sewa x-xogħol ta' drenaġġ li tlesta dan l-aħħar fi Triq iz-Zahar, Triq it-Taħħan u Triq il-larinġ, Ħ'Attard?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li x-xogħol ta' estensjoni tad-drenaġġ li sar dan l-aħħar f'Tal-Pantar, li jinkludi wkoll Triq iż-Żahar, Triq it-Taħħan u Triq il-Larinġ, Ħ'Attard għadu kemm tkejjel il-ġimgħa l-oħra. Il-kont eżatt għadu ma ġiex iffinaliżżat minħabba raġunijiet ta' verifiki.

Ħad Dingli — Xogħol ta' drenaġġ

Question

Jista' il-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol ta' drenaġġ li qed isir f'Ħad Dingli?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li x-xogħol ta' drenaġġ li qed isir Ħad-Dingli jinkludi mina fonda sewer gallery taħt l-art ta' madwar 130 metru tul u gravity main ta' madwar600 metru tul. Il-mina tħaffret u lesta u jonqos it-tqegħid tal-katusi ġewwa fiha. Ix-xogħol l-ieħor għaddej b'rittmu mgħaġġel u l-parti ta' Triq Ross (li kienet tinkludi trinka fonda madwar 3.5 metri) kważi lesta wkoll. Hu stmat li x-xogħol jitlesta fi żmien xahrejn oħra.

Ħal Qormi/Marsa — Xogħol fil-wied

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'xogħol sar fil-wied ta' Ħal Qormi u l-Marsa biex tingħeleb il-problema ta' l-għargħar?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li x-xogħol li sar sabiex tittaffa l-problema ta' l-għargħar fil-Marsa u Ħal Qormi kien ikkonċentrat minn Triq Manuel Dimech sa Triq Aldo Moro. Dan kien jikkonsisti fi:- twessiegħ tal-kanal eżistenti bejn in-Nylon Knitting u l-Lowenbrau (Qormi) u bini ta' ħitan ġodda bi blokki tal-franka; twessiegħ tal-kanal eżistenti u bini ta' ċint ta' retenzjoni b'talut minn Triq l-Iljun sa Triq Aldo Moro (Marsa), b'kollox tul ta' 1.4km; invellar tal-qiegħ tal-kanal u formazzjoni bil-konkos bil-qlib; twaqqiegħ ta' żewġ pontijiet u bini mill-ġdid bi strutturi ta' tnax il-metru u nofs dawl sabiex jaqblu mal-wisa' l-ġdida tal-kanal; tindif tad- ditch mal-Marsa Sports Club, mill-Golf Club sa quddiem il-fabrika tas-sulfarini; kif ukoll katusi sabiex joħroġ l-ilma li jinżel minn Ħal Luqa għal fejn iċ-ċimiterju tat-Torok. Apparti x-xogħol f'dawn l-inħawi, sar ukoll xogħol ta' tindif f'Wied is-Sewda kollu nklużi żewġ retenzjonijiet u tindif tal-parti l-kbira minn Wied il-Kbir, kif ukoll tindif estensiv f'Wied iċ-Ċawsli.

Ħ'Attard — Xogħol fil-wied

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'xogħol sar u x'xogħol hemm ippjanat fil-Wied ta' Ħ'Attard?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li x-xogħol ippjanat fil-Wied ta' Ħ'Attard huwa dak it-tul bejn Ta' Qali u Wied Inċita. Dan ix-xogħol jikkonsisti fi:- tindif tal-mina taħt Mdina Road fejn il-Wied Irmiedi jferra' għal ġewwa Wied Inċita. Dan isir permezz ta' qtugħ ta' blat; twaqqiegh tal-pont fi Triq il-Linja u bini mill-ġdid ta' pont ieħor bi tmien metri wisa'; tħammil tal-wied minn irdim illegali u depożiti oħra li akkumulaw matul iż-żmien f'diversi postijiet sabiex dan jinfetaħ mill-ġdid; bini ta' retenzjoni fejn hemm bżonn. Dan ix-xogħol sejjer jinbeda wara li jiġi komplut ix-xogħol tal-Marsa u ser jifforma parti mill-programm ta' xogħol tat-Taqsima tax-Xogħlijiet tas-sena d-dieħla.