Legislature:
Category:
Reset
Active:

SVPR — Applikazzjonijiet għal dħul fir-residenza

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' applikazzjonijiet pendenti għal dħul fir-residenza San Vinċenz de Paule?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Infurmat li n-numru ta' applikazzjonijiet pendenti għad-dħul fir-Residenza San Vinċenz De Paul huwa ta' 688.

European year of education through sport

Question

Fid-dawl tal-fatt li s-sena 2004 hija il-European year of education through sport u peress li l-Kummissjoni Ewropea s-sena li għaddiet ħabbret miżuri ta' ko-finanzjament ta' proġetti/miżuri (budget ta' euro6.5 miljun ) imnebbħa fi ħdan il-pajjiżi membri ta' l-UE u imbagħad implimentati fuq livell lokali, reġjonali, nazzjonali, internazzjonali jew komunitarju u għal liema budget kellhom jidħlu applikazzjonijiet sa l-1 ta' Marzu 2004 biex il-proġetti jibdew wara l-1 ta' Lulju 2004, jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm proġetti Maltin eliġibbli?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li t-tagħrif għadu ma wasallix stante li d-Direttur għall-Affarijiet Ewropej jinsab imsiefer fuq xogħol, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Marsa — Day centre għall-anzjani

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-gvern għandux il-ħsieb li jinfetaħ day centre għall-anzjani fil-Marsa?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lil-Onor. Interpellant li s'issa l-Gvern m'għandu l-ebda ħsieb li jinfetaħ Day Centre għall-anzjani fil-Marsa. Fil-preżent l-anzjani tal-Marsa jattendu d-Day Centre fil-Ħamrun.
Leg 10 PQ #7312 Sitting 171 2004-10-12 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

UE — Anti-contraband agreement

Question

Jikkonferma l-Ministru li fid-dawl ta' l-anti-contraband agreement tal-UE li ġie konkluż fid-9 ta' Lulju, 2004 il-missjoni permanenti ta' Malta għall-UE talbet lill-Ministeru tal-Finanzi jeżamina dan il-ftehim b'ċertu reqqa u sabiex jiddeċiedi dwar is-sehem prospettiv ta' Malta l-aktar fid-dawl ta' allegazzjonijiet fl-istampa internazzjonali li Malta kienet waħda minn dawk il-pajjiżi li kienu qed jiġu oversupplied mill-kumpanniji tat-tabakk għaliex kienu jafu li ħafna minn dawk is-sigaretti kienu se jkunu soġġetti għall-kuntrabandu?

Response (FRENDO, MICHAEL)

Jiena nfurmat li l-Ministeru tal-Finanzi ntalab jeżamina dan il-ftehim kif inhi l-proċedura normali f'istanzi bħal dawn.
Leg 10 PQ #7313 Sitting 171 2004-10-12 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Rappreżentant permanenti Malti fl-UE — Laqgħa mas-segretarju ġenerali tal-kummissjoni Ewropea

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma informazzjoni li għandi jien f'laqgħa li kellu r-rappreżentant permanenti Malti fl-UE mas-segretarju ġenerali tal-kummissjoni Ewropea David O' Sullivan wara li r-rappreżentant permanenti Malti talbu lista tal-Maltin li applikaw għal postijiet ewlenin fil-kummissjoni, ingħata t-tweġiba li ma kienx f'pożizzjoni li jiżvela l-ismijiet ta' l-applikanti Maltin li kienu qed jiġu kkonsidrati? Peress li billi hemm tmien postijiet biss għall-karigi ta' A1 posts, żewġ stati membri ġodda se jiġu diżappuntati, il-Ministeru qiegħed f'qagħda li jikkonferma jekk xi kandidat Malti huwiex se jiġi magħżul għal wieħed minn dawn il-postijiet vakanti?

Response (FRENDO, MICHAEL)

Ir-Rappreżentanza Permanenti ta' Malta għall-Unjoni Ewropea ġiet infurmata diversi drabi mill-Kummissjoni Ewropea li se jkun hemm għaxar postijiet għal skala A1 u mhux tmienja kif jasserixxi l-Onorevoli Interpellant. Ir-Rappreżentanza Permanenti talbet għal informazzjoni dwar l-istat ta' l-applikazzjonijiet u mhux għal-lista ta' ċittadini Maltin li applikaw għal dawn il-postijiet kif allega l-Onorevoli Brincat. Huwa diffiċli ħafna biex jingħad lil min sa tirrekluta l-Kummissjoni Ewropea peress illi fl-aħħar mill-aħħar din hija deċiżjoni ta' l-istess Kummissjoni.
Leg 10 PQ #7314 Sitting 171 2004-10-12 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

UE — Border agency

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li meta r-rappreżentant permanenti ta' Malta fl-UE għamel lobbying biex Malta tospita l-border agency tal-UE ingħata l-parir min-naħa tal-kummissjoni Ewropea li jagħmel aktar sens li kieku Malta kellha tapplika għal xi aġenzija li ġġib conference traffic estensiv aktar milli għal aġenzija fejn l-istaff ikollu għalfejn jivvjaġġa barra l-pajjiż spiss? Huwa minnu li Malta diġa' ingħatat ħjiel li din l-aġenzija aktarx tmur lejn xi pajjiż ta' l-Ewropa Ċentrali billi l-focus kien aktar fuq land borders milli fuq fruntieri bil-baħar?

Response (FRENDO, MICHAEL)

F'dan l-istadju ma nħossx li jkun ta' ġid li niżvela pubblikament informazzjoni jew ħjiel li setgħat ingħatat b'mod informali waqt laqgħa bejn ir-Rappreżentant Permanenti u uffiċjali tal-Kummisjoni Ewropea. Lest, iżda li ninforma privatament lill-Onorevoli Interpellant dwar din il-materja.
Leg 10 PQ #7315 Sitting 171 2004-10-12 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Esportaturi Maltin — Esportazzjoni lejn l-Eġittu u t-Tuneżija

Question

Il-ministeru huwa konxju ta' xi diffikultajiet li qed jiffaċċjaw esportaturi Maltin meta jiġu biex jesportaw xogħol lejn l-Eġittu u t-Tuneżija? Jekk iva, jikkonferma li din il-problema tqajmet ukoll fil-livell tal-kummissjoni Ewropea?

Response (FRENDO, MICHAEL)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jispeċifika x'diffikultajiet qed jirreferi għalihom.
Leg 10 PQ #7316 Sitting 171 2004-10-12 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Rappreżentant tal-missjoni permanenti ta' Malta fl-UE — Diskussjoni mal-head of Cabinet tal-European Court of Auditors

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'kienet in-natura tad-diskussjoni dwar staff Malti li saret minn rappreżentant tal-missjoni permanenti ta' Malta fl-UE mal-Head of Cabinet tal-membru Malti tal-European Court of Auditors?

Response (FRENDO, MICHAEL)

Il-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin qiegħed fil-proċess li jiġbor database ta' ċittadini Maltin li jaħdmu ma' organizzazzjonijiet internazzjonali. Bħala parti minn dan l-eżerċizzju, uffiċjal tar-Rappreżentanza Permanenti tqabbad jagħmel kuntatt ma' l-istituzzjonijiet Ewropej biex jiġbor l-informazzjoni neċessarja fejn jidħlu dawn l-istituzzjonijiet, fosthom il-European Court of Auditors.

Xgħajra — Triq A.G. Chesney

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta Triq A.G. Chesney, fix-Xgħajra mistennija tiġi asfaltata u meta se ssir il-bankina?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat illi din it-triq ġiet inkluża fil-programm ta' toroq li qed isir mid-direttorat u x-xogħol fiha isir aktar il-quddiem skond il-prijoritajiet. Dan ix-xogħol mistenni jinkludi wkoll il-bankini.

Dipartiment ta' l-artijiet — Post għall-bejgħ b'offerti

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'tama hemm li post f'Ħal Qormi joħroġ għall-bejgħ b'offerti u jiġi offrut right of first refusal lill-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?

Response (BORG, TONIO)

It-tama hi qawwija. Ninsab infurmat li l-Uffiċċju Konġunt qiegħed jipprepara l-pjanti neċessarji sabiex toħroġ sejħa għal offerti għal bejgħ tal-fond in kwistjoni. Ma jistax jingħata right of first refusal, peress li wara l-mewt tal-kerrej il-fond baqa' vojt u ħadd warajh ma kien intitolat għal kera.

Djar — Talba għal akkomodazzjoni alternattiva

Question

Tista' il-Ministru tgħid għaliex persuna li tgħix f'post privat li huwa kkundannat fil-Wied ta' Birkirkara għadha ma ġietx provduta post alternattiv mid-dipartiment ta' l-akkomodazzjoni soċjali? (Id-dettalji dwar il-każ qed jintbagħtu separatament).

Response (CRISTINA, DOLORES)

Jien infurmata illi d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali qed jikkunsidra l-applikazzjoni ndikata flimkien ma' oħrajn simili.

Djar — Talba għal akkomodazzjoni alternattiva

Question

Tista' il-Ministru tgħid x'qed iżomm lid-dipartiment ta' l-akkomodazzjoni soċjali milli jipprovdi post alternattiv lill-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament) li skond il-perit tal-gvern, il-fond li preżentement tgħix fih huwa strutturalment perikoluż?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Jien infurmata illi d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali qed jikkunsidra l-applikazzjoni ndikata flimkien ma' oħrajn simili

Sigurta' Soċjali — Każ dwar pensjoni

Question

Tista' il-Ministru tgħid għaliex il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li spiċċat minn fuq il-post tax-xogħol minħabba l-eta' għadha ma rċevietx il-pensjoni?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna minnu ndikata ġiet infurmata bil-miktub dwar il-każ tagħha.

Sigurta' Soċjali — Każ dwar pensjoni

Question

Tista' il-Ministru tindaga jekk il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, hix qed tirċievi l-pensjoni kollha li hija ntitolata għaliha?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna minnu ndikata ġiet infurmata bil-miktub dwar il-każ tagħha.

Sigurta' Soċjali — Pensjoni ta' ex-ħaddiema tal-Enemalta

Question

Tista' il-Ministru tgħarraf lill-Kamra fiex waslu l-aġġustamenti tal-pensjoni ta' l-ex ħaddiema tal-korporazzjoni Enemalta?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 6412 f'Seduta Nru. 147. F'dan l-istadju ma għandi xejn xi nżid ma' dik it-Tweġiba.

Baċir Nru. 1

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk sarx xi progress fuq dak li għandu jsir fil-Baċir Nru. 1 u l-area ta' madwaru, issa li għaddew ħafna snin minn meta l-Baċir ma baqax ikun użat?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li ta' il-Prim Ministru fil-Mistoqsija Parlamentari No. 7451.

Dairy products — Sussidju

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex il-prezz tal-ġobon, butir u prodotti oħra tal-ħalib (abbażi l-importazzjoni storika) mhux se jkun sussidjat skond ma huwa l-prezz ta' dan is-sors fis-suq internazzjonali kif ġie mwiegħed il-poplu qabel ir-referendum u qabel l-elezzjoni ġenerali?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Laħam aħmar — Sussidju

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex il-prezz tal-laħam aħmar (abbażi ta' l-importazzjoni storika) mhux se jkun sussidjat skond ma huwa l-prezz ta' dan is-sors fis-suq internazzjonali kif ġie mwiegħed il-poplu qabel ir-referendum u qabel l-elezzjoni ġenerali?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Qmuħ u ċereali — Sussidju

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex il-prezz tal-qmuħ u ċ-ċereali (abbażi ta' l-importazzjoni storika) mhux se jkun sussidjat skond ma huwa l-prezz ta' dan is-sors fis-suq internazzjonali kif ġie mwiegħed il-poplu qabel ir-referendum u qabel l-elezzjoni ġenerali?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Zokkor — Żieda fil-prezz

Question

Jikkonferma l-Prim Ministru li filwaqt li l-Gvern Nazzjonalista assigura lill-poplu li l-prezzijiet ta' ċerti prodotti ta' l-ikel mhux se jogħlew għaliex se jkunu sussidjati, dawn xorta għolew bħal fil-każ taz-zokkor? Jista' l-Prim Ministru jinforma lill-Kamra x'qed jikkawża dan l-għoli esaġerat fil-prezz taz-zokkor? Jista' jassigurana li l-prezz taz-zokkor ma jkomplix jogħla fix-xhur li ġejjin?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar u t-tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.