Legislature:
Category:
Reset
Active:

Mosta — Pont ta' l-Isperanza

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 7606, jista' il-Ministru jgħid jekk hux il-każ li jsir studju fuq dan il-pont antik u jidentifika jekk wasalx iż-żmien li l-pont ikun magħluq għat-trakkijiet u l-heavy vehicles?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li d-direttorat tat-toroq ser jikkunsidra l-punti mressqa mill-Onorevoli Interpellant sabiex tittieħed deċiżjoni f'dan ir-rigward.

Sigurta' Soċjali — Children's allowance

Question

Tista' il-Ministru tara li jitmexxa każ ta' ħruġ ta' children's allowance lil single mother li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-persuna li rrefera għaliha l-Onor Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment konċernat dwar il-każ tagħha.

Sigurta' Soċjali — Arretrati ta' N.S.A.

Question

Tista' il-Ministru tara li jinħarġu l-arretrati ta' N.S.A. tal-persuna li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament? Tista' din il-persuna tiġi nfurmata bl-aħħar żviluppi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-persuna li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment konċernat dwar il-każ tagħha.

Djar — Każ ta' housing

Question

Tista' il-Ministru tara fiex wasal il-każ ta' housing li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament? Tista' il-Ministru tara li tittieħed azzjoni mill-aktar fis possibbli peress li ilha li saret applikazzjoni xi għaxar snin?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Jien infurmata illi d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali qed jikkunsidra l-applikazzjoni ndikata flimkien ma' oħrajn simili.

Traduzzjonijiet tal-lingwa Maltija

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-gvern talabx deroga mingħand l-EU biex ma jsirux traduzzjonijiet tal-lingwa Maltija? Jekk fl-affermattiv: 1) għalkemm intalbet din id-deroga; 2) meta ntalbet din id-deroga; 3) x'wassal biex tintalab din id-deroga?

Response (FRENDO, MICHAEL)

Il-bżonn għal din id-deroga temporanja nħass wara kuntatti bejn l-awtoritajiet Maltin u l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea fejn deher ċar li minħabba diffikultajiet biex jiġu reklutati biżżejjed tradutturi Maltin fi żmien relattivament qasir, l-istituzzjonijiet ma kienux se jkunu f'pożizzjoni li jiggarantixxu t-tfassil bil-Malti ta' l-Atti kollha addottati mill-istituzzjonijiet. Id-deroga tagħti lill-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea perjodu transitorju ta' tlett snin li bdew jiskorru mill-1 ta' Mejju 2004 li matulhom l-istituzzjonijiet mhux se jkunu marbuta bl-obbligu li jfasslu l-Atti kollha bil-Malti u li jippubblikawhom bil-Malti fil-Ġurnal Uffiċċjali ta' l-Unjoni Ewropea. Din id-deroga ma tapplikax għar-Regolamenti li huma adottati flimkien bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill u għalhekk dawn iridu jkomplu jiġu mfassla bil-Malti. Fi tmiem dan il-perijodu transitorju ta' tlett snin, dawk l-Atti kollha li sa dak iż-żmien ma jkunux ġa ġew ppubblikati fil-lingwa Maltija, għandhom jiġu ppubblikati f'din il-lingwa. Din id-deroga ma taffettwax bl-ebda mod l-istatus tal-lingwa Maltija bħala lingwa uffiċċjali ta' l-Unjoni Ewropea. Ir-regolament ġie adottat mill-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea fl-1 ta' Mejju 2004.

Ta' Qali — Potato Grading Station - asbestos fl-arja

Question

Jista' il-Ministru jinvestiga jekk l-ammont ta' asbestos fl-arja fil-Potato Grading Station li ħiereġ mis-soqfa ta' l-asbestos li hemm fil-grading station stess, huwiex tant għoli li l-ħaddiema tal-plant health section ittieħdu l-pitkalija f'Ta' Qali bħala prekawzjoni?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-ħaddiema ntbagħtu jaħdmu f' post alternattiv sakemm is-sitwazzjoni qed tkun eżaminata.

Ħal Qormi — San Ġorġ - rotot tal-karozzi tal-linja

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi tibdil fir-rotot li jikkonċernaw tal-linja numru 91 u l-venda tal-linja fl-inħawi ta' San Ġorġ f'Ħal Qormi? Jekk seħħ dan it-tibdil, jista' jgħid kif ġie esegwit u jekk kienx hemm konsultazzjoni mal-kunsill lokali Qormi?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-Risposta Parlamentari numru 8041.

Freeport — Kontijiet

Question

Jista' il-Ministru jekk jogħġbu jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra il-kontijiet, awditjati jew le, tal-kumpanniji kollha tal-Malta Freeport tul dawn l-aħħar erba' snin sal-lum?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Kap ta' l-Oppozizzjoni li kontijiet tal-Kumpaniji tal-Malta Freeport ser jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra aktar tard din il-Ġimgħa filwaqt li dawk ta' Malta Freeport Corporation Ltd ikunu lesti madwar erba ġimgħat oħra għar-raġuni li l-bejgħ tas-sussidjarja "Malta Freeport Terminals Ltd" hi kunsidrata bħala "material post balance sheet event" u trid tiġi rappurtata.

Persuni b'diżabilita'

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm hemm persuni b'diżabilita' li applikaw biex jidħlu f'xi homeminn Lulju 2004 sal-lum?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Jekk b' "home" l-Onor. Interpellant qed jirreferi għas-servizz residenzjali offrut mill-Aġenzija Sapport, ninsab infurmata li bejn Lulju u t-13 ta' Ottubru 2004 kien hemm 4 talbiet minn persuni b'dizabilita' biex jidħlu f'dawn ir-residenzi.

SVPR — Air condition

Question

Jista' il-Ministru jgħid liema huma s-swali fir-residenza San Vinċenz de Paule li dwarhom hemm talba mill-pazjenti għall-airconditioning?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor Interpellant li mhix il-policy tad-Dipartiment li ssir sistema ta' air-conditioning fuq talba tal-pazjenti iżda d-Dipartiment jara l-prioritajiet ta' fejn hemm bżonn li jsiru sistemi bħal dawn. F'dawn l-aħħar ġimgħat tlestiet sistema ġdida ta' air-conditioning fis-sala tan-nisa 3/4 filwaqt li hemm proċess ta' għoti ta' tender biex jibda x-xogħol fuq sistema oħra ġdida fis-sala tan-nisa 9/10.

Dipartimenti tal-gvern — Transfers

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm saru transfers mill-ewwel ta' Lulju, 2004 sal-lum fid-dipartimenti kollha tal-gvern?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ transfers li saru mill-1 ta’ Lulju, 2004 sal-11 ta’ Ottubru, 2004 bejn Ministeru u ieħor u li ġew approvati mill-Management and Personnel Office huwa 23. Kien hemm ukoll sitt impjegati li kienu f’Segretarjat Privat ta’ Ministru u li ġew trasferiti mill-Management and Personnel Office biex jagħmlu xogħol f’dipartiment ta’ l-istess Ministeru. Barra minn hekk, kien hemm transfer wieħed li ġie approvat bejn dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi. Transfers bejn dipartimenti ta’ l-istess Ministeru, jiġu approvati mis-Segretarju Permanenti rispettiv. Għall-informazzjoni dwar dawn it-transfers l-Onorevoli Interpellant huwa mistieden jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministri kkonċernati.

Dipartiment ta' l-edukazzjoni — Revision of paper

Question

Peress li r-riżultati tar-revision of paper qed joħorġu wara li jsiru r-resits, ma jaħsibx il-Ministru li jkun jagħmel iktar sens li r-revision of paper għandha tingħata qabel biex l-istudent ikun jista' jipprepara ruħu aħjar?

Response (GALEA, LOUIS)

Tista' l-Onor. Membru tispeċifika għall-liema riżultati qed tirreferi.
Leg 10 PQ #7945 Sitting 173 2004-10-18 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Sptar Ġenerali — Xiri ta' equipment

Question

Tista' il-Ministru tgħid x'equipment u x'magni nxtraw għall-isptar ġenerali ta' Għawdex u tgħid item item, kemm swew? In oltre, tista' tgħid x'tenders hemm pendenti għal xiri ta' equipment u magni u tgħid f'liema stadju waslu?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar u r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 10 PQ #7946 Sitting 173 2004-10-18 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Triq Ġebla tal-Ġeneral - tarmac

Question

Peress illi meta ngħata t-tarmac fi Triq Ġebla tal-Ġeneral, San Lawrenz, Għawdex il-wiċċ ġie jaqleb għal fuq ġenb għal fuq il-proprjetajiet tar-residenti tat-triq, tista' il-Ministru tara li din is-sitwazzjoni tiġi rimedjata u dan in vista tal-fatt li dalwaqt tibda x-xitwa u l-ilma jista' jidħol ġol-garaxxijiet tar-residenti?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li t-triq li qed tirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant kienet asfaltata u meta dan l-aħħar ingħata t-tarmak inżammu l-istess livelli li kien hemm qabel. Jista' jkun li xi residenti tad-djar tal-HOS li inbnew fuq din it-triq jkollhom problemi ta' l-ilma tax-xita. F'każijiet bħal dawn id-Dipartiment konċernat jieħu l-passi meħtieġa biex dawn il-problemi jiġu eliminati.

Universita' — Kors tal-Mediċina

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 6874?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Fakulta' tal-Mediċina ma tgħat l-ebda avviż li qed tikkonsidra tirrevedi r-rekwiżiti għad-dħul fil-kors tal-mediċina. Kieku kellu jkun hemm xi tibdil li jaffetwa l-preparazzjoni tal-kandidati għad-dħul fil-kors, l-Universita' hi obbligata tagħti notifikazzjoni sentejn qabel jibda l-kors.

Qui Si Sana — Proġett ta' car park

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-proġett ta' car park fi Qui Si Sana hux se jsir u jekk fl-affermattiv, jinformani jekk ġiex identifikat l-iżviluppatur għall-proġett? X'feedback hemm mill-kunsill lokali u r-residenti ta' l-inħawi? Hemm programmati dati ta' konsultazzjoni pubblika? Fejn waslet ir-resident parking zone scheme f'din iz-zona ta' Tas-Sliema?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Wara proċess ta' tender mid-Dipartiment ta' l-Estates Management bbażat fuq development brief li tħejja mill-Awtorita' ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) ġiet magħżula l-kumpanija C&F Building Contractors u eventwalment daħlu żewġ applikazzjonijiet għal żvilupp ta' parkeġġ fi Qui-si-sana u x-Chalet f' Tas-Sliema. Il-Konsultazzjoni Pubblika fuq dawn il-proġetti kienet ġiet kondotta bħala parti mill-proċess tad-Development Briefs għal Qui-si-Sana u x-Chalet, qabel ma dawn ġew approvati mill-MEPA. Skond Sezzjoni 6.2 tad-Development Briefs approvati għall-iżvilupp ta' din iż-żona, l-applikant irid jipprepara u jintroduċi Residential Parking Zone għall-inħawi. L-applikant irid ukoll jissottometti Traffic Impact Statement u l-materji kollha li għandhom x' jaqsmu mar-Residential Parking Zone ikunu ikkunsidrati fit-Traffic Impact Statement. Hu mifhum li l-konsulenti ta' l-applikanti qegħdin preżentement jippreparaw it-Traffic Impact Statement u r-Residential Parking Zone. Il-Kunsill Lokali ta' Tas-Sliema ssottometta ittra fuq l-applikazzjoni tax-Chalet fejn kien talab għal 30 ġurnata oħra sabiex jissottometti l-kummenti tiegħu. Il-MEPA ma rċeviet l-ebda korrispondenza oħra f' dan ir-rigward mingħand l-istess Kunsill. Min-naħa l-oħra, il-MEPA rċeviet erba’ oggezzjonijiet għal dan l-iżvilupp mingħand xi residenti. Il-MEPA trid tipproċessa dawn l-applikazzjonijiet fuq il-parametri ndikati fid-development briefs.

Marsa — Power station - materjal ta' l-asbestos

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 7586, jista' il-Ministru jagħti r-raġunijiet għalfejn din it-tender ġiet irtirata? Jista' jgħid lil min kienet ingħatat din it-tender? Jista' jgħid jekk laħaqx inbeda x-xogħol fuq it-tneħħija ta' l-asbestos skond din it-tender? Jista' jgħid fejn ġie ddepożitat il-materjal ta' l-asbestos maħruġ minn din il-power station?

Response (GATT, AUSTIN)

It-Tender li hemm referenza għaliha fil-mistqosija parlamentari ninforma lill-Onor. Interpellant li din kienet ġiet irtirata minħabba li l-orħos offerta ma kienitx skond l-ispeċifikazzjoni mitluba u ta' warajha kienet ogħla sew fil-prezz kwotat. It-tender ma ngħatatx u x-xogħol ma sarx.

Auto dealers — Vetturi bit-tabelli for sale

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'passi qed jittieħdu mill-pulizija fil-konfront ta' auto dealers li qed jipparkjaw il-vetturi tagħhom f'toroq ewlenin bit-tabelli "for sale" u jokkupaw spazji pubbliċi nkluż central strips u bankini?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija ser tkompli tieħu passi sabiex kemm jista' jkun l-abbuż li rrefera għalih l-Onorevoli Interpellant ma jseħħx.

Ħal Qormi — Kontravenzjonijiet tat-traffiku

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ingħataw kontravenzjonijiet konnessi ma' ipparkjar ta' vetturi "for sale" minn auto dealers? Jista' jagħti rendikont tat-taħrikiet li ngħataw skond il-lokalitajiet differenti? Jista' jgħid kemm ħarġu minn dawn il-kontravenzjonijiet fi Triq l-Imdina f'Ħal Qormi?

Response (BORG, TONIO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jispeċifika l-perijodu li dwaru qed tintalab din l-informazzjoni.