Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm hu kkalkulat li jirtiraw ħaddiema mis-servizz pubbliku minħabba li jilħqu l-eta' tal-pensjoni, xahar b'xahar, minn Ottubru 2004 sa Diċembru 2007?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra skeda bl-informazzjoni mitluba.
Jista' il-Ministru jgħid meta hu ppjanat li ssir New Str in tal-Ħlas Road f'Ħaż Żebbuġ, Malta?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat illi l-Awtorita dwar it-Trasport qed tipprepara programm ghall-asfaltar ta' diversi toroq madwar Malta kollha u x-xogħol fil-lokalita isir aktar il-quddiem skond il-prijoritatjiet li jirriżultaw.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid meta sar l-aħħar ħlas għax-xogħol li membri tal-korp tal-pulizija wettqu fil-grounds tal-football? Kemm irid jitħallas mill-awtoritajiet tal-footballf'Malta għax-xogħol extra li sar mill-pulizija? Jista' jgħid jekk dawn il-membri tal-korp hux qed jitħallsu fi żmien raġonevoli jew inkella qed ikun hemm xi dewmien biex isir dan il-ħlas?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi qed ikun hemm dewmien mill-awtoritajiet tal-football sabiex iħallsu l-kontijiet għal xogħol li jsir minn membri tal-Korp tal-Pulizija bħala extra duty, li bħala regola dan in-numru ikun terz tan-numru tal-Pulizija li jkunu attwalment meħtieġa, peress li l-istess awtoritajiet tal-football qed idumu sabiex iħallsu l-ammonti dovuti. Fil-fatt, preżentament hemm dovuta is-somma ta' Lm6,109.50, lil 84 membru tal-Korp tal-Pulizija, li jkopri minn Lulju ta' din is-sena l'hawn, filwaqt li l-aħħar ħlasijiet kienu saru f'Mejju.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm-il membru tal-korp tal-pulizija għandhom jieħdu ħlasijiet mill-awtoritajiet tal-football imqassma f'ranks differenti?
Response (BORG, TONIO)
Ġentilment nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-Tweġiba li jiena tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 7844 f'din l-istess Seduta.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm membri tal-korp tal-pulizija bħalissa mqassma f'ranks differenti? Kemm hemm li diġa' għalqu 25 sena servizz? Kemm hemm li se jispiċċaw/diġa' spiċċaw din is-sena għaliex għalqu l-61 sena? Kemm hemm vakanzi bħalissa f'kull rank?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fil-preżent hemm 1,788 membru fil-Korp tal-Pulizija. Dawn huma mqassma kif ġej:
Kummissarju
1
Deputat Kummissarju
1
Assistent Kummissarju
9
Supretendent
23
Spettur
94
Surġent Maġġur
1
Surġent
312
Kuntistabbli
1,347
Minn dawn hemm 160 li għalqu il-25 sena servizz, filwaqt li ma spiċċa ħadd għaliex għalaq il-61 sena. Infurmat ukoll illi beda l-proċess ta' reklutaġġ ta' kuntistabbli.
Jista' il-Ministru jgħid liema huma dawk l-entitajiet li l-kunsill Malti għall-isport qiegħed jamministra? Kemm hemm impjegati mal-kunsill fil-preżent u x'inhu x-xogħol tagħhom?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Kunsill Malti għall-Isport qiegħed jamministra l-Kumpless Sportiv Kottonera, il-Kumpless Sportiv Marsa u l-Pixxina Nazzjonali tal-Qroqq. Il-lista tal-ħaddiema ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kienu l-fondi li ġew allokati lill-kunsill Malti għall-isport għal din is-sena finanzjarja? Kemm intnefqu s'issa matul din is-sena? Jista' jelenka fiex intnefqu?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-fondi allokati huma dawk kif jidhru fl-Estimi u sa l-aħħar ta' Settembru 2004 intefqu Lm582,234 f'pagi u salarji, spejjeż operattivi u għajnuna finanzjarja lill-għaqdiet sportivi.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi servizzi ġodda ta' l-ilma f'Birżebbuġa wieqfa minħabba li l-kunsill ta' Birżebbuġa qed jirrifjuta l-permessi meħtieġa lill-korporazzjoni għas-servizzi ta' l-ilma? Jekk fl-affermattiv, jista' jara għaliex il-kunsill qed jirrifjuta li jagħmel dan? Jista' jintervjeni biex tinstab soluzzjoni dejjiema għal dan il-każ?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena infurmat li fil-preżent il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma għandha 2 applikazzjonijiet għal-servizz ġdid ta' l-ilma li ma tistax taqdihom għax il-Kunsill Lokali ta' Birżebbuġia ma jridx joħroġ il-permessi neċessarji biex ikun jista jsir ix-xogħol.
Jirriżulta lill-Korporazzjoni illi s-Sindku ta' Birżebbuġia jrid jimponi bdil fil-proċeduri stabbiliti tal-Korporazzjoni dwar l-għoti ta' servizzi ġodda ta' l-ilma u li qed jirrifjuta li joħroġ dawn il-permessi biex jeżerċita pressjoni fuq il-Korporazzjoni ħalli jinbidlu dawn il-proċeduri.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jara li jkun hemm pulizija jew warden fi Triq Ħal Warda, Ħ'Attard billi minkejja li f'ċerti ħinijiet it-triq inkwestjoni tkun magħluqa minħabba li hemm skola u jkun hemm it-tfal deħlin u ħerġin, qiegħed isir ksur fragranti tar-regolamenti tat-traffiku billi l-karozzi jidħlu f'din it-triq xorta waħda fil-ħin li suppost li tkun magħluqa?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi qed ikun hemm preżenza tal-Pulizija u ta' gwardjan lokali, kull meta l-eżiġenzi tas-servizz jippermettu, fil-post imsemmi mill-Onorevoli Interpellant fil-ħinijiet meta t-tfal jibdew u jispiċċaw l-iskola.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx intenzjoni li jsiru aktar proġetti ta' ramel f'bajjiet fiż-żmien li ġej? Kemm huwa minnu li l-MTA se ġġib xi esperti barranin biex jimmoniterjaw l-bajja ta' San Ġorġ u jagħmlu rapport fuqha?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li t-tweġiba hi fin-negattiv għat-tieni mistoqsija, filwaqt illi l-Gvern qed jikkunsidra l-possibilta` ta' proġetti oħra simili għal dak li għamilna fil-Bajja ta' San Ġorġ.
Jista' il-Ministru jieħu passi sabiex tiġi rimedjata s-sitwazzjoni li hemm f'Marina Street, Pieta', fejn qed joħroġ ħafna ilma maħmuġ qalb ir-residenzi?
Jista' jinnota li xi xhur ilu kienu saru xi ilmenti mir-residenti t'hemmhekk lid-dipartiment konċernat u kien ittieħed ukoll sample biex jiġi stabbilit jekk hux drenaġġ?
Jista' jispjega għaliex għad li għadda żmien konsiderevoli għadhom ma ttieħdux il-passi neċessarji sabiex jissewwew il-ħsarat li x'aktarx hemm fis-sistema tad-drenaġġ pubbliku tad-dintorni?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li l-ilma msemmi fil-mistoqsija mhux drenaġġ iżda ilma tax-xorb ħiereġ minn kanna privata.
Jista' il-Ministru jibgħat xi uffiċjali mid-dipartiment sabiex jinżabru s-siġar li hemm f'Marina Street, Pieta u dan peress li dawn is-siġar kibru ħafna u qed jarmu ħafna weraq?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li ż-żabra tas-siġar issir skond il-programm imħejji, u skond il-prioritajiet u l-bżonn.
Iż-żabra tas-siġar fi Triq Marina, Pieta qegħda fil-programm. Minħabba li dan ix-xogħol jinsab fi triq prinċipali u traffikuża, iridu jsiru ċerti preparamenti biex jiġi evitat li t-traffiku jiġi mfixkel.
Jista' il-Ministru jgħid min huma l-membri l-ġodda li jiffurmaw il-bord ta' l-Awtorita' Marittima u jindika l-karigi rispettivi tagħhom? Jista' jgħid ukoll meta ġie ffurmat dan il-bord u min hu s-segretarju ta' l-istess?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-Bord ta' l-Awtorita' Marittima huwa kompost minn dawn il-membri:
Dr Marc Bonello Chairman
Mr Edgar Gatt Vice-Chairman
Mr Ray Demicoli Member
Mr Frank Galea Member
Dr Vincent Moran Member
Mr Oscar Borg Ex-officio
Mr Charles V. Schembri Ex-officio
Mr Lino C. Vassallo Ex-officio
Is-segretarju tal-bord huwa Dr Jeremy DeBono LL.D.
Jista' il-Ministru jgħid għal liema skop ġie kkreat professional indemnity fund fi ħdan l-Awtorita' Marittima sabiex jitħallsu xi insurances, liema fond ġie maħtur għall-ħabta tat-28 ta' Ġunju, 2004? Jista' jgħid kemm tħallsu flus mill-istess fond u min qiegħed jamministrah?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħti aktar informazzjoni dwar l-imsemmi Professional Indemnity Fund sabiex tkun tista' tingħata r-risposta mitluba.
Bastimenti — Reġistrazzjoni taħt il-bandiera Maltija
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew reġistrati bastimenti/tunnellaġġ mar-Reġistru Malti għas-snin 2002, 2003 u 2004?
Jista' jgħid kemm ġew ikkanċellati bastimenti/tunnellaġġ għall-istess snin?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant tinsab fir-rapport annwali tal-Awtorita' Marittima ta' Malta għas-snin 2002/3 li poġġejt fuq il-Mejda tal-Kamra.
Dwar is-sena 2004 din l-informazzjoni (sa Settembru) qed tiġi konkluża biex tkun parti mir-rapport annwali għas-sena 2003/4.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hawn fil-preżent postijiet għall-irmiġġ ta' yachts u jagħti d-dettalji?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li fil-preżent hawn dawn il-postijiet għall-irmiġġi ta' yachts f'Malta u Għawdex:
Grand Harbour Marina, Vittoriosa 274
Manoel Island Marina 400
Mġarr Marina, Għawdex 186
Msida Marina u Ta' Xbiex 810
Portomaso Marina 110
Total 1780
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'jista' isir iżjed milli qiegħed isir mill-gvern fil-konfront ta' l-immigranti illegali? Jista' jagħti stima ta' spejjeż komplessivi li ħallas il-gvern matul din is-sena, cioe' kemm swew lill-kaxxa ta' Malta dawn l-immigranti? Kemm ħadu flus l-NGOs mill-gvern tul din l-aħħar sena?
Response (BORG, TONIO)
Il-Gvern qed jagħmel dak kollu possibli biex jindirizza b’mod effettiv il-problema ta’ l-immigrazzjoni illegali li, speċjalment minħabba ċ-ċirkostanzi partikolari tal-pajjiż tagħna, inkluż densita’ ta’ popolazzjoni qawwija, hija ta’ piż kbir fuqna. Addottajna diversi miżuri amministrattivi fosthom it-tisħiħ ta’ l-istrutturi ta’ l-uffiċċju tal-Kummissarju tar-Rifuġjati bil-għan li l-proċess ta’ determinazzjoni ta’ asylum jitħaffef kemm jista’ jkun. Fl-istess ħin, qed jinfetħu open centres, li llum jaqgħu taħt ir-responsabilita’ tal-Ministeru tal-Familja u Solidarjeta Soċjali, minħabba li numru relattivament għoli ta’ immigranti qed jingħataw xi tip ta’ protezzjoni. Permezz ta’ fondi mill-Unjoni Ewropeja organizzajna taħriġ għal prattikament kull min jaħdem ma’ l-immigranti illegali, fosthom Pulizija u Suldati, kif wkoll inxtara tagħmir sofistikat li jidentifika dokumenti, nklużi passaporti foloz.
Tajjeb jingħad wkoll li l-problema ta’ l-immigrazzjoni illegali hija waħda internazzjonali u mhux ta’ Malta biss. Għalhekk, kemm fuq livell bilaterali kif wkoll dak multilaterali, jsiru bosta laqgħat regolari bejn ministri u uffiċjali għolja tal-pajjiżi nvoluti, partikolarment fil-kuntest tal-Mediterran, bil-għan li titkattar il-kooperazzjoni u għajnuna reċiproka sabiex din il-problema kumplessa tiġi miġġielda kemm jista’ jkun bi strateġija komuni u koerenti. Bħala membru ġdid ta’ l-Unjoni Ewropeja, Malta flimkien ma l-Italja, qed tipproponi li l-piż kbir ta’ din it-traġedja umana, li minħabba ċ-ċirkostanzi partikolari tagħha Malta żgur ma tistax terfa’ waħedha, jinqasam bejn il-pajjiżi membri kollha, appuntu l-kunċett ta’ burden sharing.
Il-politika tal-Gvern f’dan il-qasam hi waħda ċara daqs kemm hi sempliċi. Malta hija kommessa li tgħin lil kull minn verament ħaqqu protezzjoni pero’ fl-istess ħin se tkun iebsa u deċiża ma min ma’ ħaqqux tali protezzjoni. Fil-fatt dawk li ma jingħatawx xi forma ta’ protezzjoni jiġu mibgħutin lura.
Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija nirreferi lill-Onor Interpellant għall-risposta tal-Mistoqsija Parlamentari numru 2556.
Jista' il-Ministru jgħid meta se jiġu rranġati l-fdalijiet megalitiċi li hemm f'dawret il-Gudja, Ħal Luqa, wara li parti minnhom twaqqgħet minħabba inċident tat-traffiku?
Jista' jgħid għaliex qed ikun hemm dan id-dewmien kollu minn naħa ta' Heritage Malta biex jagħmlu dan ix-xogħol meħtieġ?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li s-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali diġa bdiet il-proċeduri biex ir-restawr ta' dawn il-megaliti jiġi mwettaq. Bħalissa qed isiru l-preparamenti neċessarji għal dan il-għan. Ix-xogħol ikun jista' jibda wara li jkunu konklużi proċeduri legali li għadhom pendenti.
Jista' il-Ministru jgħid kif il-ħaddiema tax-xatt se jkunu affettwati mill-privatizzazzjoni tal-Freeport? Jekk dawn se jkunu affettwati, il-wirt tax-xogħol se jibqa' jintiret?
Response (GATT, AUSTIN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-ħaddiema tal-port, għadhom kif iffirmaw ftehim ta' ħames snin mal-Malta Freeport Terminals Ltd., liema kumpanija ġiet ipprivatizzata.
Għar-rigward tat-tieni parti tal-mistoqsija, il-privatizzazzjoni tal-Malta Freeport Terminals Limited ma affetwat xejn lill-provedimenti ta' 1993 dwar il-ħaddiema tal-port li jirrigwardja il-wirt tal-ħaddiema.