Jista' il-Ministru jgħid jekk hux se jsir, u jekk iva meta, il-ħlas lura lil dawk li laħqu ħallsu l-liċenzja tas-satellita? Jista' jgħid jekk biex isir dan il-ħlas hemmx ħtieġa li ssir talba jew applikazzjoni minn min laħaq ħallas din il-liċenzja?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-proċess tal-ħlas ta' liċenzji li laħqu tħallsu għandu jibda fi żmien qasir ħafna. M'hemm l-ebda ħtieġa li ssir xi talba jew applikazzjoni minn min laħaq għamel xi pagament u għandu dritt għal ħlas lura.
Tista' il-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni li bħalissa m'hemmx dawl fil-partijiet komuni (kuriduri) ta' Block B, Flats Indipendenza, Triq Maria de Domenicis, Santa Luċija?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li minn spezzjoni li saret fuq il-post irriżulta li d-dawl fil-partijiet komuni tal-blokk indikat inqata' għax ma tħallsux il-kontijiet u mhux għax hemm xi ħsarat fis-sistema.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'deċiżjoni hemm fuq il-każ li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, in konnessjoni ma' re-instatement?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi m'hemm xejn x'jiżdied mat-tweġibiet li l-persuna li rrefera għaliha l-Onorevoli Interpellant ingħatat tramite is-Segretarju ta' l-Għaqda Pulizija Pensjonanti u l-avukat li kienu talbu reinstatement għan-nom tiegħu.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jikkonferma li l-uffiċjali tal-pulizija, li isimhom qiegħed jintbagħat separatament, qed jagħmlu 100 siegħa overtime fil-faċilita' korrettiva ta' Kordin kull wieħed fix-xahar? Jista' jgħid jekk dan huwiex aċċettabbli għalih? Jista' jgħid x'xogħol sar minn dawn l-uffiċjali waqt dan l-overtime kollu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li għalkemm il-figura msemmija fil-mistoqsija ma hijiex korretta, dawn iż-żewġ uffiċjali jagħmlu ammont sostanzjali ta' overtime.
L-ewwel uffiċjal li rrefera għalih l-Onor. Interpellant, minbarra li jieħu ħsieb is-sigurta' ġenerali tal-Faċilita', qiegħed jieħu ħsieb il-proġett tal-Forensic Ward il-ġdid ġewwa Mount Carmel.
Rigward it-tieni uffiċjal li saret referenza għalih, dan, minbarra li għandu r-responsabbilita' tal-uffiċċju amministrattiv, jieħu ħsieb l-iskwadra tal-S.R.T. Huwa ukoll għandu d-dmirijiet diretti mogħtija mid-Direttur tal-Ħabs.
L-overtime li jagħmlu dawn l-uffiċjali huwa regolat mill-bżonnijiet ta' dawn id-doveri.
Faċilita' Korrettiva ta' Kordin — Vettura involuta f'inċident
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-vettura Hyundai Lantra li tintuża fil-faċilita' korrettiva ta' Kordin kenitx involuta f'xi inċident u ġarrbet ħsarat estensivi? Jista' jispjega ċ-ċirkostanzi ta' dan l-inċident? X'passi ttieħdu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-vettura msemmija kienet involuta f'inċident tat-traffiku fejn ġabret ħsarat żgħar fuq in-naħa tax-xellug. Bħal ma jiġri dejjem f'każi bħal dan, sar rapport lill-pulizija. Il-parti l-oħra involuta għamlet dikjarazzjoni li lesta biex tħallas l-ispejjeż tal-vettura tal-gvern.
Il-vettura kienet fuq xogħol tal-Faċilita' u l-każ għadu qed jiġi mistħarreġ.
Faċilita' Korrettiva ta' Kordin — Ħwejjeġ tal-Priġunieri
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jikkonferma li x-xogħol ta' xiri ta' ħwejjeġ u bżonnijiet tal-priġunieri fil-faċilita' korrettiva ta' Kordin li kien jagħmlu gwardjan, issa qiegħed jagħmlu surġent tal-pulizija? Jekk iva, jaqbel il-Viċi Prim Ministru li dan ix-xogħol ma jispettax lill-pulizija?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-uffiċjal li rrefera għalih l-Onor. Interpellant, ġie inkarigat mid-Direttur tal-Ħabs biex jorganizza t-tuck shop il-ġdid. Riżultat ta' dan ix-xogħol, illum il-priġunieri qegħdin igawdu minn xelta vasta ta' oġġetti u bi prezzijiet ferm orħos. Riżultat ieħor pożittiv kien li d-dipartiment iffranka l-uffiċjal li ta kuljum kien jintbgħat jixtri l-bżonnijiet tal-priġunieri minn barra.
Ix-xiri ta' oġġetti ma jsirx minn dan is-surġent kif allegat fil-mistoqsija, iżda dejjem sar minn uffiċjala gwardjana tal-ħabs.
Faċilita' Korrettiva ta' Kordin — Uffiċjal tal-Pulizija
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jikkonferma li l-uffiċjal tal-pulizija li ismu qiegħed jintbagħat separatament u li jaħdem fil-faċilita' korrettiva ta' Kordin qiegħed jiġi investigat fuq xi irregolarita'? Jekk iva, jista' jispjega għaliex dan l-uffiċjal ma ġiex sospiż bħal oħrajn li jkunu qegħdin jiġu investigati?
Response (BORG, TONIO)
Il-persuna msemmija ġiet investigata mill-Internal Affairs Unit, u ma rriżultax illi kien hemm lok li jittieħdu passi dixxiplinarji.
Faċilita' Korrettiva ta' Kordin — Spezzjonijiet fuq Vetturi
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jikkonferma li mhux qegħdin isiru spezzjonijiet fuq vetturi ta' uffiċjali tal-pulizija li deħlin u ħerġin mill-faċilita' korrettiva ta' Kordin? Jikkonferma li dan mhux aċċettabbli?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li kull vettura li tidħol jew toħroġ mill-Faċilita', inkluża dik tad-Direttur, hija suġġett għal tfittxija.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jikkonferma li dan l-aħħar kien instab mobile phone fuq prinġunier u baqgħu ma ttieħdu ebda passi fil-konfront tal-priġunier? X'sar minnu l-mobile?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li dan l-aħħar waqt tfittxija fiċ-ċella ta' priġunier instab telefon ċellulari. Dan il-priġunier ittieħdu l-passi dixxiplinari b'telfien ta' "remission" u l-oġġetti misjuba ġew konfiskati.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid fil-prim'awla tal-qorti ċivili kemm normalment iddum biex issir notifika ta' ittra uffiċjali?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi ittri uffiċjali, meta joħorġu bil-purtier, jiġu notifikati l-għada li jiġu ppreżentati fir-Reġistru.
Meta n-notifika ssir bil-posta, din ukoll tintbgħat bil-kartuna r-roża (l-A.R. Card) li għandha tintbgħat lura l-għada. Ovvjament f'dawn il-każijiet in-notifika tiddependi dejjem minn kemm iddum ma tiġi ritornata din l-AR Card mill-Maltapost.
Jista' il-Ministru jgħid għaliex mhumiex jingħataw hearing aids mill-isptar lit-tfal neqsin mis-smiegħ, bil-konsegwenza li hemm tfal li ilhom madwar sena mingħajr hearing aid?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-hearing aids issa qegħdin l-isptar San Luqa u diġa' bdew jingħataw lill-pazjenti konċernati.
Skejjel — Servizz ta' facilitators għal tfal neqsin mis-smiegħ
Question
Jista' il-Ministru jgħid għaliex m'hemmx facilitators għal ma' tfal neqsin mis-smiegħ?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-edukazzjoni ta' tfal neqsin mis-smiegħ titlob li dawn jirċievu t-tagħlim tagħhom taħt is-sistema inklussiva b'appoġġ minn għalliema mħarrġa għal ta' l-apposta li jiffurmaw parti mis-servizzi peripatetiċi.
Għal daqstant sakemm dawn l-istess tfal ma jkollhomx kondizzjonijiet oħra fiżiċi jew mentali ma għandhomx bżonn għajnuna ta' facilitators.
Jista' il-Ministru jgħid x'se jsir mill-apprentisti tar-restawr (heritage skills) wara li d-dipartiment iwaqqafhom meta jispiċċa ż-żmien ta' l-apprentistat?
X'siewi għandu l-kors u x-xogħol li qed jagħmlu, meta employers privati f'dan il-qasam ma tantx hawn u dawk li hawn jidher li mhux qed iqisu l-kors bħala neċessarju biex jimpjegaw nies imħarrġa f'dan il-qasam magħhom?
Għaliex wara wegħdi li saru mill-MCR li lesti jisponsorjaw u eventwalment jimpjegaw lil dawn l-apprentisti, issa lanqas biss sponsorjaw?
Għaliex flok sponsor saret skema ta' part-time għal dawk li huma bla sponsor u li skond l-ETC tmur kontra r-regola ta' l-apprentistat u se jispiċċaw bla stipendju u mingħajr journeyman certificate?
Rigward dawk l-istudenti li ġew sponsorjati mill-works division kif l-apprentistat tagħhom minn sena ġie sentejn, meta suppost wara li tintemm l-ewwel sena ta' l-apprentistat, jinstab impjieg u wara li jintemm il-kors ikollhom impjieg lest bħalma ġara ma' dawk l-istudenti li daħlu erba' snin ilu?
Response (GALEA, LOUIS)
Ninsab informat li l-kors hu ta' siwi kbir peress li jeħtieġ li l-ħaddiem ngaġġati fis-settur tar-restawr ikunu mgħallma kif għandu jsir ix-xogħol skond is-sengħa u x-xjenza tar-restawr u peress li jekk ma jkunux mgħallma sew tista' ssir ħsara irreparabbli lill-wirt Kulturali Malti.
Informat ukoll li l-korsijiet huma meqjusa biex iwasslu l-istudenti għal-grad differenti fil-livell vokazzjonali kif issa huwa meħtieġ mill-artiklu 39 tal-Liġi fuq il-Wirt Kulturali. Hu mistenni li l-employers kollha li jaħdmu f'dan is-settur ser ikollhom jiżguraw li l-ħaddiema tagħhom, kemm ġodda kif ukoll dawk eżistenti ikunu mħarrġa għal livell meħtieġ li jkun ukoll mfassal skond il-kriterji tal-Malta Professional and Vocational Qualifications 2000.
L-MCR fl-ebda stadju ma wegħdet xi sponsojar u/jew l-eventwalita' ta' mpjieg ta' xi apprendisti. Biss, grazzi għall-proġetti ta' restawr kkuntrattati lill-MCR din setgħet tisponsorja numru ta' studenti u wkoll timpjega numru ta' ex-studenti u ex-apprendisti fuq bażi ta' żmien definit.
L-isponsorjar ta' l-apprendisti dejjem isir wara li jiġi evalwat ix-xogħol u proġetti li jkollu u/jew li se jkollu l-MCR vis a viz mal-qagħda finanzjarja ta' l-istess entita'.
Bi ftehim ma' l-ETC, l-unika skema li saret kienet dik fejn ġew ingaġġati studenti bħala "summer workers" għal żmien stipulat.
Nitlob lil Onorevoli Membru biex tispeċifika għall-liema dipartiment qiegħda tirreferi meta tgħid "wara d-dipartiment iwaqqafhom meta jispiċċa ż-żmien ta' l-apprentisdat?"
Nitlob ukoll lil Onorevoli Membru biex tindirizza il-parti tal-mistoqsija fejn tirrigwarda l-Works Division lill-Ministru kkonċernat.
Jista' il-Ministru jgħid għaliex il-ħlas tas-sahra lill-ħaddiema tal-General Service, Health Assistants u Assistant Care Workers mhux isir skond il-grad tagħhom fir-residenza San Vinċenz de Paule?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-allegazzjoni tal-Onor. Interpellant hija skorretta għax il-ħaddiema li jagħmlu l-overtime fil-post tax-xogħol fejn jaħdmu, jitħallsu skond il-grad tagħhom.
Jista' il-Ministru jgħid min huma l-periti li sal-lum huma reġistrati u qed jagħtu s-servizz tagħhom permezz ta' Limited Liability Company?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li hemm żewġ tipi ta’ reġistrazzjoni tal-Bord tal-Warrant tal-Periti; dik ta’ perit u dik ta’ Partnership ta’ Periti. Għalhekk Limited Liability Companies ma jistgħux jiġu registrati.
Jista' il-Ministru jgħid min huma l-membri tal-bord tal-warrant tal-periti? X'inhi l-policy tal-bord tal-warrant tal-periti dwar periti li qed jagħtu s-servizz tagħhom permezz ta' Limited Liability Company?
Response (ZAMMIT, NINU)
Il-membri tal-Bord huma s-segwenti:
Dr Ramon Bossignaud Chairman
Perit David P Pace Membru
Perit Joseph P Falzon Membru
Perit Anthony Muscat Membru
Perit Paul Camilleri Membru
Perit Lawrence Mintoff Membru
Perit Anton Valentino Membru
Jien infurmat li l-policy tal-Bord hi li r-responsabilta’ professjonali ta’ Perit hi waħda personali, u għalhekk s-servizz ta’ Perit ma jistax jingħata minn Limited Liability Company. Billi din għandha personalita’ ġuridika distinta’ mill-azzjonisti, u hi Limited Liability, r-responsabilta’ personali ta’ Perit fl-e¿erċizzju tal-professjoni tiegħu ma tistax tkun Limited.
Jista' il-Ministru jgħid min huma l-membri tal-bord tal-warrant tal-periti? X'inhi l-policy tal-bord tal-warrant tal-periti dwar periti li qed jagħtu s-servizz tagħhom permezz ta' Limited Liability Company?
Response (ZAMMIT, NINU)
Il-membri tal-Bord huma s-segwenti:
Dr Ramon Rossignaud Chairman
Perit David P Pace Membru
Perit Joseph P Falzon Membru
Perit Anthony Muscat Membru
Perit Paul Camilleri Membru
Perit Lawrence Mintoff Membru
Perit Anton Valentino Membru
Jien infurmat li l-policy tal-Bord hi li r-responsabilta’ professjonali ta’ Perit hi waħda personali, u għalhekk s-servizz ta’ Perit ma jistax jingħata minn Limited Liability Company. Billi din għandha personalita’ ġuridika distinta’ mill-azzjonisti, u hi Limited Liability, r-responsabilta’ personali ta’ Perit fl-e¿erċizzju tal-professjoni tiegħu ma tistax tkun Limited.
Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk sarx ħlas mill-gvern tul dawn l-aħħar sentejn lil Med Design Consultants Ltd. fuq VAT registration 12077032? Jekk fil-pożittiv, jista' jgħid x'kienu dawn il-ħlasijiet?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ma sar l-ebda ħlas la mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru u lanqas mill-Ministeru tal-Finanzi lil Med Design Consultants Ltd fuq Value Added Tax registration 12077032.
(Tweġiba mogħtija: 19/10/2004PM)
(Seduta Numru: 174)
Jista' il-Prim Ministru jgħid x'passi ttieħdu mill-MFSA fil-konfront tal-likwidazzjoni tal-kumpannija Med Design Consultants Ltd. li ilha kważi sena li appuntat likwidatur?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-Malta Financial Services Authority, bħala awtorità regolatorja tas-settur finanzjarju m’għandha ebda responsabbiltà jew rwol dirett fix-xoljiment u stralċ ta’ soċjetajiet kummerċjali li attività tagħhom ma tkunx liċenzjata u regolata minnha.
Ix-xoljiment ta’ soċjetà kummerċjali u n-nomina ta’ stralċjarju (likwidatur) jiġu notifikati lir-Reġistratur tal-Kumpaniji skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Att ta’ l-1995 dwar il-Kumpaniji. Il-likwidazzjoni ta’ soċjetà kummerċjali m’hix ir-responsabbiltà tar-Reġistratur imma tal-likwidatur. Ir-Reġistratur m’għandu ebda setgħa jew responsabbiltà diretta fil-proċess tal-likwidazzjoni. Skond l-artikolu 322 ta’ l-Att ta’ l-1995 dwar il-Kumpaniji, il-likwidatur għandu l-obbligu li fi żmien 30 ġurnata mill-għeluq ta’ sena minn mindu tkun bdiet il-likwidazzjoni, huwa jagħmel u jibgħat lir-Reġistratur, statement dwar il-proċess u fejn tkun waslet il-likwidazzjoni. Fin-nuqqas il-likwidatur jeħel il-penali kontemplati fil-liġi. Fil-każ tas-soċjetà in kwistjoni, iż-żmien ta’ sena msemmi għadu ma għaddiex.
Jista' il-Ministru jgħid jekk Med Design Consultants Ltd. hijiex reġistrata mal-bord tal-warrant tal-periti? Minn min hi ffurmata Med Design Consultants? Jista' jgħid jekk din hijiex reġistrata bħala kumpannija jew bħala professional partnership jew it-tnejn? Jista' jgħid meta sar dan ir-reġistrar?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li l-ebda Limited Liability Company ma tista’ tiġi reġistrata fl-imsemmi reġistru.
Ma jirrizultax li l-Med Design Consultants Ltd. hi reġistrata bħala Partnership ta’ Periti.