B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 26774 dwar il-bini ta' qorti ġdid f'Għawdex, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħidli min hu l-ministru responsabbli għall-bini ta' dan il-qorti ġdid f'Għawdex?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li m'għandi xejn xi nżid mar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 26774.
B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 26778 dwar investiment dirett barrani f"Għawdex, jista' l-Prim Ministru issa jagħtini t-tagħrif mitlub li 3 xhur ilu qal li kien qed jnġabar?
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi kalkoli jew stima kemm turisti ħassru ż-żjara tagħhom fil-gzejjer tagħna fix-xhur tas-sajf għax ma kienx hawn lukandi u akkomodazzjoni turistika biżżejjed għax għalqu? X'passi qed jittieħdu biex tiġi ndirizzata din il-problema?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
L-ammont ta’ turisti li attirajna lejn xtutna matul dan is-sajf kien fost l-ogħla li qatt żaru Malta matul dan il-perjodu.
Huwa diffiċli li wieħed jipprova jistima jekk kienx hemm jew le xi turisti li ħassru ż-żjara tagħhom u għalxiex għamlu dan.
Fir-rigward ta’ akkomodazzjoni, n-numru ta’ sodod ivarja minn sena għal sena hekk kif lukandi ġodda jiftħu, oħrajn jagħlqu u oħrajn ikabbru. Skond stastistika ppubblikata fis-26 ta’ Settembru mill-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika, n-numru ta’ sodod f’Malta u Għawdex f’Lulju ta’ din is-sena kien ta’ 42,398, jiġifieri żieda ta’ 2,196 fuq l-istess xahar tas-sena l-oħra.
Jista' l-Ministru jgħid x'sehem kellu l-ministeru fit-tfassil ta' proposti ta' proġetti turistiċi fil-Port il-Kbir imħabbra mill-Ministeru ta' l-Investiment, Industrija u Informazzjoni tat-Teknoloġija?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Il-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura kien ikkonsultat rigward it-tfassil tal-proġetti indikati preċiżament sabiex il-viżjoni li l-Gvern qed jipproġetta għall-Port il-Kbir tkun waħda b’enfasi qawwija fuq it-turiżmu u l-kultura.
Jista' l-Ministru jgħid x'ħidma għamel il-ministeru matul din is-sena biex joħorġu regolamenti ġodda dwar il-kostruzzjoni u x-xogħol tal-bini li baqa' għaddej bl-addoċċ fl-aqwa ta' l-istaġun turistiku bi ħsara għat-turiżmu?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Il-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura u l-Awtorita' tat-Turiżmu ġew ikkonsultati fl-iffurmar ta' dawn ir-regolamenti.
Jista' l-Ministru jara x'inhi l-problema fis-sistema tad-drenaġġ fit-toroq ta' Birkirkara li bħalissa qiegħed isir xogħol fihom mill-kunsill peress li qiegħed ikun hemm fawran tad-drenaġġ?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li t-toroq li bħalissa qiegħed isir xogħol fihom mill-Kunsill Lokali huma:-
Triq San Gużepp
Sqaq Matluwa
Triq is-Salib Mqaddes
Triq il-Kbira (ħdejn l-Għassa tal-Pulizija)
Ma hemm l-ebda problemi fis-sistema tad-drenaġġ u ma kien hemm l-ebda fawran riċenti f’dawn it-toroq.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-pożizzjoni fuq il-ground ta' l-iskola primarja ta' Bormla, u cioe' jekk għadx hemm il-ħsieb li taħtu jsir car park? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid meta hemm il-ħsieb li dan jibda?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li l-Gvern għadu għaddej bin-negozjati dwar l-izvilupp ta' Bacir Nru l. Il-Gvern qiegħed jara kif l-izvilupp tal-Car Park ta' Santa Margarita jista jiġi integrat ma' l-izvilupp taż-żona madwar Baċir Nru l.
Jista' l-Ministru jgħid fhiex waslu l-pjanijiet tal-Baċir Nru. 1? Meta jaħseb li xi darba jistgħu jibdew ix-xogħlijiet fuq dan il-proġett, liema proġett ilu jiġi mwiegħed għal ħafna snin?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
In-negożjati mal-Konsorzju u d-diskussjonijiet/konsultazzjonijiet mal-MEPA għadhom għaddejin fuq bażi regolari. Malli dawn jiġu konklużi, il-Gvern ikun jista jgħaddi Riżolużżjoni Parlamentari.
Jista' l-Ministru jgħid meta bdew ix-xogħlijiet ta' titjib u tisbiħ fil-qasam industrijali ta' Bulebel? Kemm hi l-ispiża tax-xogħlijiet? Minn min saru x-xogħlijiet differenti? Kif ingħataw dawn ix-xogħlijiet, u jekk kien hemm sejħa għal offerti kemm applikaw għal kull biċċa xogħol? Meta hu mistenni li jkun tlesta x-xogħol kollu?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-kuntratt tax-xogħolijiet ta’ tisbiħ fil-qasam industrijali ta’ Bulebel kien iffirmat f”Ġunju 2006. L-ispiza tax-xogħolijiet tlaħħaq Lm433,509.00 (ex VAT). Ix-xogħolijiet ħargu bħala proġett wieħed u saru mill-kumpanija Asfaltar Ltd. Dawn ix-xogħolijiet saru wara sejħa miftuħa taħt ir-regolamenti tad-Dipartiment tal-Kuntratti. Issottomettew erba’ kuntratturi: Vassallo Builders Ltd; Asfaltar Ltd.; C&F Building Contractors Ltd.; Denfar Excavations Ltd. Dawn ix-xogħolijiet huma prattikament lesti.
Tista' l-Ministru tgħid meta twaqqaf iċ-Childcare Centre ta' Bulebel? Minn min hu mmexxi dan iċ-ċentru? Kif ingħatat it-tmexxija ta' dan iċ-ċentru, u kemm applikaw biex jamministraw dan iċ-ċentru? X'inhu l-ħlas u kondizzjonijiet biex jitmexxa dan iċ-ċentru? Tista' tpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja ta' dan il-ftehim?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant ghat-Twegiba li jien tajt ghall-Mistoqsija Parlamentari Numru 24436 li jien tajt f'Seduta Numru 508.
Jista' l-Ministru jgħid fhiex waslu x-xogħlijiet fuq il-bini ta' l-iskola G. Despott, Bormla? Jista' jgħid meta se jitlestew xi fażijiet mill-istess bini?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-kostruzzjoni ta' l-iskola sekondarja subien fil-Kulleġġ Santa Margherita jinsab fi stadju avvanzat.
B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 27435 tista' l-Ministru tgħid meta ġiet installata kull sistema ta' air conditioning fl-iSptar Ġenerali ta' Għawdex; min kien ħa t-tender, kemm swiet is-sistema u kemm għandha garanzija?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoggi fuq il-mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm skejjel reġistrati biex jgħallmu l-Ingliż lill-barranin? Kemm minnhom huma membri tal-FELTOM? X’kontroll hemm fuq dawk li m'humiex membri ta’ l-għaqda tagħhom?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li hemm 47 skola li għandhom liċenzja sabiex jgħallmu l-Ingliz bħala lingwa barranija. Skond il-website tal-FELTOM, din il-federazzjoni għandha 17 minn dawn l-iskejjel bħala membri tagħha. Il-Bord ma jiddistingwix bejn l-iskejjel liċenzjati li huma membri tal-Feltom u l-oħrajn li m'humiex. Il-Bord izur l-iskejjel kollha liċenzjati u l-annexes tagħhom.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm rapporti bejn Jannar u l-21 ta’ Settembru dwar imġieba ħażina ta’studenti barranin li kienu hawn biex jitgħallmu l-Ingliż? Jista’ jgħid jekk dawk li lmentaw kienux Maltin jew turisti?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi mill-ewwel tas-sena kurrenti sal-21 ta' Settembru l-Awtorita' tat-Turiżmu rċiviet erbgħatax-ir rapport dwar imġieba ħażina ta' studenti li kienu hawn biex jitgħalmu l-Ingliż.
Sitt rapporti saru minn turisti, sitt oħra minn Maltin u tnejn kienu anonimi.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm skejjel independenti li nfurmaw lid-Divizjoni ta’ l-Edukazzjoni li għollew il-miżati għas-sena skolastika l-ġdida? Jekk iva, liema kienu u b’kemm f’kull każ? Kemm kienu l-miżati matul is-sena li għaddiet?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm applikaw studenti fl-Universita` ta’ Malta sabiex jagħmlu PGCE PSD? Kemm ġew magħżula u kif saret l-għażla sakemm ma daħlux l-istudenti kollha li applikaw?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li kien hemm 28 applikazzjoni għad-dħul fil-kors għall-Postgraduate Certificate in Education għat-tagħlim tal-PSD. Minn dawn wieħed kien ineliġibbli u sitta rtiraw l-applikazzjoni qabel beda l-proċess ta' l-għazla. Sar interview lil 21 applikant, it-Tlieta 4 ta' Settembru u group interview l-Erbgħa 5 ta' Settembru biex jimtlew il-ħmistax il-post disponibbli. L-applikanti kienu assenjati marki għall-kwalifiki li kellhom sa massimu ta' 20 punt u marki għall-assessement tagħhom fl-interview u l-group interview.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm vakanzi għall-għalliema u f’liema suġġetti? Jista’ jgħid ukoll kemm kien hemm applikazzjonijiet għal kull suġġett?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-vakanzi ta' għalliema li hemm bħalissa huma 2 fl-ICT, 1 fil-PE, Fizika, Reliġjon u Muzika. In-numru ta' għalliema applikanti kien 393 li bejniethom tefgħu 647 applikazzjonijiet għad-diversi suġġetti.
Tagħrif dwar is-suġġetti li applikaw għalihom ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hija l-ispiza fuq l-iskola sekondarja ġdida ta’ Hal Qormi? Jista’ jgħid min kienu l-kuntratturi li ħadmu fuq din l-iskola u kemm kien il-ħlas għal kull wieħed?
Response (GALEA, LOUIS)
Ser inpoġġi lista ta' tenders li nħarġu mill-FTS fir-rigward ta' bini ta' l-iskola sekondarja l-ġdida ta' Ħal-Qormi. Billi x-xogħol, fil-maġor parti, għadu qiegħed jitkejjel, l-lista tinkludi l-valur ta' xogħol kif ġie awarded.