Jista' il-Ministru jgħid meta se jeħlu l-bus shelters fi Triq Hompesch fil-Fgura viċin ir-roundabout kantuniera ma' Triq is-Sur? Ma jidhirlux il-Ministru li dan il-każ għandu jingħata attenzjoni speċjali issa li dalwaqt jibda l-istaġun tax-xitwa?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Jien infurmat illi r-responsabbilita' tal-Bus Shelters ġiet delegata lill-Kunsilli Lokali u dan skond il-Legal Notice 292 ta' 2001. L-Awtorita dwar it-Trasport hija responsabbli biss mid-deċiżjoni finali ta' fejn il-Bus Shelters ikkonċernat għandu jitwaħħal.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk teżistix il-possibbilta' li persuna li tieħu l-acquisition rent tbiegħ l-istess proprjeta' lill-gvern?
Response (BORG, TONIO)
Permezz tal-Att XI ta' l-2002 li jemenda l-Ordinanza dwar l-Akkwist ta' Artijiet għal skopijiet pubbliċi (Kapitlu 88) u li ġie fis-seħħ fil-5 ta' Marzu 2003, il-Gvern jista' jixtri acquisition rent li qegħda titħallas fuq proprjeta' meħuda mill-Gvern taħt titlu ta' Pussess u Użu, kif ukoll recognition rent li titħallas fuq proprjeta' li ittieħdet mill-Gvern taħt it-titlu ta' Dominju Pubbliku.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid xi pjanijiet għandu l-gvern għal sala San Mikiel? Ma jidhirlux li t-talba tal-kunsill lokali ta' l-Isla sabiex isir proġett minn din il-proprjeta' fl-Isla flimkien mal-MTA, kienet tagħmel sens? Jista 'jgħid x'inhi r-raġuni għaliex it-talba tal-kunsill lokali ta' l-Isla ma ġietx milqugħa?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, proprjeta' pubblika tiġi devoluta l-amministrazzjoni tagħha lill-Kunsill Lokali wara li jiġi preżentat pjan dettaljat ta' dak li jkun sejjer isir minnha, kif ukoll numru oħra ta' kriterji, fosthom u prinċiparjament, li l-Gvern Ċentrali ma jkollux pjan differenti għal użu tiegħu.
Fil-każ imsemmi ninsab infurmat li s-sala ta' San Mikiel ġiet allokata lill-Arċipriet tal-Isla għall-armar tal-festa wara li l-fond li kien allokat qabel li jinsab fuq il-parti l-oħra tal-mini kien mogħti lura u ritornat lill-Gvern.
Naħseb li jaqbel miegħi l-Onorevoli Interpellant u li hu sew u xieraq li l-armar tal-festa tal-Bambina ta' l-Isla jitpoġġa f'post xieraq u dan fl-interess tar-residenti kollha ta' l-Isla, ħaġa li żgur jaqbel magħha l-Onorevoli Interpellant.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-operazzjonijiet tad-dipartiment ta' l-RDC fil-Marsa issa se jiġu trasferiti għal lokalita' oħra? F'liema lokalita' se jittieħed dan id-dipartiment?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li kienet saret talba mill-Malta Enterprise biex l-art in kwistjoni tiġi mgħoddija lilha għal skopijiet industrijali, u għalhekk hemm il-ħsieb li l-operazzjonijiet tal-Cleansing Services Department jiġu trasferiti f'lokalita' oħra ġewwa Kordin.
Jista' il-Ministru jikkonferma li d-ditta General Soft Drinks jew xi sussidjarja tagħha ingħataw il-proprjeta' fejn sal-lum kien hemm ir-Refuse Disposal Centre (RDC) fil-Marsa?
Response (GATT, AUSTIN)
Fis-sena 2003, L-MDC approvat l-allokazzjoni ta' art lill-General Soft Drinks Co Limited. Għalkemm l-art għadha ma ġietx allokata, is-sit li qiegħed jiġi kkonsidrat huwa dak li irrefera għalih l-Onorevoli Interpellant.
Siġġiewi — Appartamenti tal-gvern - stallar ta' lift
Question
Tista' il-Ministru tgħid jekk sarux applikazzjonijiet għall-istallar ta' lift fil-blocks tal-housing estate il-qadima fis-Siġġiewi? Jekk fl-affermattiv, x'sar minn dawn l-applikazzjonijiet?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-Awtorita' tad-Djar irċeviet żewġ applikazzjonijiet għal stallar ta' lifts fil-Qasam tal-Gvern indikat.
Ninsab infurmata wkoll li l-Awtorita' qed tipprepara d-dokumenti tat-tender għall-istallar ta' dawn il-lifts wara li nħarġu l-permessi meħtieġa mill-MEPA.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm inġabru vetturi abbandunati mill-kunsill lokali jew il-kuntratturi tagħhom minn mindu ġiet emendata l-liġi dwar l-end of life vehicles?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba tinżamm minn kull Kunsill Lokali rispettivament.
Peress li din l-informazzjoni għadha qed tinġabar, risposta tingħata f'xi Seduta oħra meta din l-informazzjoni tkun miġbura kollha.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm kuntratturi jew scrapyards liċenzjati u li għandhom permess mill-MEPA biex iżommu għandhom vetturi abbandunati skond id-direttiva ta' l-end of life vehicles?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li għalkemm diġa hawn scrapyards illiċenzjati, sal-lum għad m' hemmx kuntratturi jew scrapyards li huma lliċenzjati mill-Awtorita' ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) għall-iskopijiet tad-direttiva ta' l-end of life vehicles.
Jista' il-Ministru jgħid kemm intefgħu offerti għax-xogħol konness mal-proġett ta' l-artificial reefs li saru mill-MEPA, kif ukoll kemm kienu jammontaw dawn l-offerti?
Jista' jgħid kemm ġie jiswa dan il-proġett u kif intagħżlet l-offerta għal dan ix-xogħol?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-proġett ta' l-artificial reef qed jitwettaq bi sħab bejn l-Awtorita' ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) u l-Universita' ta' Malta. Dan il-proġett jikkomprendi ħames partijiet prinċipali. Għal kull parti, barra l-monitoraġġ li qed isir mill-Universita' ta' Malta, u li għalih qed isir re-imbursement ta' spejjeż mill-MEPA, inħarġet talba għall-offerti skond il-provvedimenti finanzjarji. Hawn taht qed nuri l-partijiet prinċipali tal-proġett, in-numru ta' offerti rċevuti mill-MEPA, il-kumpanija li ntgħażlet u r-rata / prezz maqbul.
F' kull każ, kienet l-aktar offerta rħisa li ntgħażlet kif jidher hawn taħt:
1. Environmental Impact Assessment
Offerti :
i. LM 4, 283.40 Din l-offerta ġiet magħżula
ii. LM 4, 830.00
iii. LM28, 750.00
2. Blokki tal-franka
Offerti:
i. LM29.50/blokk Din l-offerta ġiet magħżula
3. Blokki tal-konkos
Offerti:
i. LM59.00/blokk Din l-offerta ġiet magħżula
ii. LM78.80/blokk
iii. LM138.00/blokk
iv. LM124.20/blokk
4. Dressing tal-blokki tal-franka
Offerti:
i. LM47.20/blokk Din l-offerta ġiet mgħażula
ii. LM95.00/blokk
iii. LM65.60/blokk
5. Deployment
Offerti:
i. . LM12 696.80 Din l-offerta ġiet mgħażula
ii. LM14 950.00
iii. LM24 444.00
Barra re-imbursement ta' spejjeż lill-Universita' ta' Malta, s' issa tħallsu LM 26 881.89 fuq dan il-proġett.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm-il vettura abbandunata ġew imneħħija mit-toroq matul din l-aħħar sena mill-pulizija?
Jista' jgħid fejn qed jintefgħu dawn il-vetturi li qed jinġabru mill-pulizija?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Settembru ta' l-2004, ġew imneħħija 115 vettura mill-Pulizija. Dawn jinżammu fil-kumpless ta' Kandja sakemm issir il-proċedura kif stabbilita' fir-Regolamenti ta' l-1997 dwar l-Ikklampjar u t-Tneħħija ta' Oġġetti ta' Ingombru fir-Regolament tat-Traffiku (A.L. 94 ta' l-1997).
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li vetturi 'il fuq minn 1500cc mhux qegħdin jingħataw liċenzja sabiex jinkrew (k-plates)?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Bħalissa l-Awtorita qed tistudja allegazzjonijiet ta' abbużi minn xi sidien ta' karozzi tal-kiri. Kien innotat illi kienu qed jiġu reġistrati vetturi lussużi bil-K plate li ma tantx jagħtu impressjoni li kienu ser jintużaw għal kiri. Għaldaqstant l-ADT iddeċidiet illi tiskrutinja kwalinkwe talba l-fuq minn 1300cc qabel tapprova r-reġistrazzjoni tagħhom.
Peress illi jidher li l-liġi li kienet timponi li trakkijiet u vetturi tat-tagħbija jkunu mgħottija ġiet imħassra, jista' il-Viċi Prim Ministru jara li terġa' tiġi promulgata liġi simili a benefiċċju tas-soċjeta' u l-pubbliku in ġenerali?
Response (BORG, TONIO)
Ġentilment nirreferi lill-Onorevoli Interpellanti għar-regolament 64 tar-Regolamenti dwar il-Ġarr Stradali ta' Merkanzija b'Vetturi bil-Mutur (Avviż Legali Nru. 146 ta' l-2003).
Tista' il-Ministru tgħid fiex wasal il-proċess biex il-koperattiva tas-serer ikollha l-pitkalija u l-packing station? In oltre, fejn huwa proġettat li jsiru, jekk se jsiru, il-pitkalija u packing station?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li huwa ppjanat li tinbena pitkalija ġdida fiċ-Ċentru tal-Pitkali fix-Xewkija u għal dan inġab il-permess meħtieġ mill-MEPA. L-għoti ta' din il-pitkalija jsir skond il-proċeduri stabbiliti.
Tista' il-Ministru tgħid x'ħidma qed issir mill-Ministeru għal Għawdex biex il-Gozo Tourism Association tiġi rikonoxxuta uffiċjalment?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nixtieq ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-Gozo Tourism Association ilha rikonoxxuta minn meta twaqqfet.
Tajjeb jingħad li matul is-snin il ilha mwaqqfa din l-Assoċjazzjoni dejjem kine hemm koperazzjoni sħiħa u kontinwa bejnha u l-Ministeru għal Għawdex u ttieħdu ħafna inizjattivi flimkien.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jassigura li r-reserved parking bays li hemm fi Triq San Pietro, Sliema għandhom il-permessi meħtieġa?
Response (BORG, TONIO)
Bħal ma jaf l-Onor. Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta' gvern lokali b'personalita' legali distinta u għalhekk nissuġġerilu jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali konċernat.