Legislature:
Category:
Reset
Active:

Servizz Ċivili — Użu ta' Vetturi mill-Impjegati

Question

Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 8094 u 7740 u cioe' jgħid jekk awtorizzax li jitħallsu minn fondi pubbliċi multi/ċitazzjonijiet tat-traffiku għal karozzi li huma wżati minn impjegati tal-gvern? Jista' jgħid jekk għandux xi claims minn sidien ta' garages tal-karozzi tal-kiri għal multi li huma ħallsu għal karozzi li huma mikrija lill-gvern?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-proċedura fis-seħħ fir-rigward ta’ multi/ċitazzjonijiet tat-traffiku għall-vetturi li huma wżati minn impjegati tal-Gvern, hi li dawn jitħallsu mill-uffiċjali in kwistjoni. F’każijiet fejn il-ħlas ikun diġà sar mill-Ministeru, l-uffiċjal nvolut jintalab jirrifondi l-ammont dovut. Ninsab infurmat li kull każ jiġi nvestigat mill-Ministeru kkonċernat u jista’ jkun li jirriżultaw xi ċirkostanzi eċċezzjonali li jistgħu b’xi mod jiġġustifikaw li l-kontravenzjoni titħallas minn fondi pubbliċi. Fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru u fil-Ministeru tal-Finanzi kien hemm totali ta’ 12-il każ fejn ġie awtorizzat ħlas ta’ multi/ċitazzjonijiet minn fondi pubbliċi. Għar-rigward it-tieni parti tal-mistoqsija, fiż-żewġ Ministeri għad hemm erba’ claims pendenti magħmula minn sidien ta’ garages ta’ karozzi tal-kiri. Dawn għadhom qed jiġu vverifikati.

Uffiċini Mikrija lill-Gvern — Ħlas ta' Kera

Question

Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 8090 u 7743 u cioe' jgħid kemm hu l-ammont ta' kera li l-gvern iħallas lill-privat għall-użu ta' uffiċini/postijiet oħra mikrija lill-gvern jew entitajiet tiegħu? Liema huma dawn il-postijiet mikrija lill-gvern jew entitajiet li huma tal-gvern? Kemm hi kull kera fis-sena u lil min titħallas?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qegħda tinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.

Avukat Ġenerali — Każijiet li ngħataw in-nolle prosequi

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kienu l-każijiet li ngħataw in-nolle prosequi mill-avukat ġenerali f'dawn l-aħħar għaxar snin? Jista' jagħti dawn id-dettalji: 1) id-data ta' meta ngħatat kull nolle prosequi; 2) x'kien il-każ?

Response (BORG, TONIO)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant ma tinsabx taħt forma kompjuterizzata u tirrikjedi ħafna ħin u riżorsi sabiex tinġabar. Għaldaqstant tweġiba tkun tista' tingħata f'xi Seduta oħra.

Servizz Pubbliku — Mobile Phones

Question

Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 8091 u 7748 u cioe' jgħid kemm hu l-ammont ta' flus kull xahar li huma intitolati għalih l-impjegati tal-gvern għal użu tal-mobile phones? Kemm huma l-impjegati li qabżu dan l-ammont mill-2003 sa Settembru 2004?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-impjegati f’Dipartimenti tal-Gvern li huma ntitolati għal mobile phone ma jistgħux jaqbżu s-somma ta’ Lm350 fis-sena ħlief f’ċirkostanzi eċċezzjonali li jistgħu jkunu awtorizzati mis-Segretarju Permanenti responsabbli. Fil-perjodu ndikat mill-Onorevoli Interpellant, kien hemm ħames uffiċjali fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru u erba’ uffiċjali fil-Ministeru tal-Finanzi li qabżu dan l-ammont. F’kull każ jew kien hemm l-awtorizzazzjoni meħtieġa jew l-uffiċjal irrifonda l-flus ħlief għal każ wieħed li għadu pendenti minħabba diffikultajiet dwar il-kont

MEPA — Golf Coarse

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kienu l-konsulenti barranin imqabbda mill-MEPA dwar is-site identification tal-golf course? Jista' jgħid kemm se jkunu mħallsa dawn il-konsulenti għal dan ix-xogħol? Jista' jgħid kif saret l-għażla ta' dawn il-konsulenti?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-konsulenti li ġew imqabbda mill-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) biex jagħtu parir fuq kemm ċerti siti huma adatti għall-iżvilupp ta' korsa tal-golf kienu tnejn. Il-Konsulenti mqabbda ser jitħallsu 2500 sterlina biex jipproducu r-rapport tagħhom. L-għazla ta' dawn il-konsulenti saret fuq il-bażi ta' l-esperjenza tagħhom f' dan ir-rigward u l-prezz wara sejħa għall-offerti.

Entitajiet parastatali — Reviżjoni tal-pensjoni

Question

Tista' il-Ministru tgħid liema huma dawk l-entitajiet parastatali li għadha ma saritx reviżjoni tal-pensjoni - skond il-collective agreement- tal-ħaddiema li kienu jaħdmu magħhom? Tista' tgħid jekk hemmx xi żmien stipulat meta se ssir din ir-reviżjoni?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Kif kelli okkażjoni ngħid fi tweġibiet għal Mistoqsijiet Parlamentari preċedenti dwar is-suġġett, ix-xogħol fuq ir-reviżjonijiet tal-pensjonijiet, kemm dawk li jirriżultaw minn xi ftehim kollettiv u kemm le, hu eżerċizzju kontinwu. Id-Dipartiment konċernat jagħmel dak kollu meħtieġ biex dawn ir-reviżjonijiet isiru fl-iqsar żmien possibbli.
Leg 10 PQ #8214 Sitting 176 2004-10-25 Oral · Final From: RODERICK GALDES To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Ħal-Luqa — Fdalijiet Megalitiċi

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 7907, jista' il-Ministru jgħid jekk saritx purchase order sabiex jinbeda x-xogħol fuq it-tiswija ta' dawn il-fdalijiet megalitiċi? Jista' jgħid xi proċeduri legali qed jirriferi għalihom fit-tweġiba tiegħu? Jista' jagħti data preċiża ta' meta se jsiru dawn it-tiswijiet?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ix-xogħlijiet imsemmija fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 7907 għadhom fil-proċess ta' twettieq. Fil-preżent inġabru quotations għat-twettieq ta' dan ix-xogħol ta' restawr u il-purchase order se toħroġ fil-jiem li ġejjin. Ix-xogħol ta' restawr għandu jseħħ f'Novembru ta' din is-sena. Il-proċeduri legali msemmija fl-istess mistoqsija huma meħtieġa sabiex jinġabru l-ispejjeż ta' dan ir-restawr mingħand il-persuni li kkaġunaw il-ħsara permezz ta' aċċident tat-traffiku. Dawn il-proċeduri nbdew bl-assistenza tal-Pulizija wara li ttieħed il-parir ta' l-Avukat Ġenerali.
Leg 10 PQ #8215 Sitting 176 2004-10-25 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Decompression chamber

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 8014 u għar-risposta relattiva, tista' il-Ministru tgħid x'inhuma l-ispecifications għad-decompression chamber? In oltre tista' tgħid l-istudju dwar il-fattibilta' ekonomika u finanzjarja għat-twaqqif tad-decompression chamber fiex kien jikkonsisti u x'riżultati ħarġu minn dan l-istudju?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 8014 għar-rigward l-ewwel parti tal-mistoqsija. Għar-rigward it-tieni parti, jiena nfurmata li l-iskop ta' l-istudju dwar il-fattibilta' ekonomika u finanzjarja għat-twaqqif tad-Decompression Chamber kien biex: 1. janalizza u jevalwa l-bżonn ta' din il-faċilita'; 2. issir riċerka sabiex tivverifika l-ispejjez meħtieġa biex tinbena u titmexxa din il-faċilita'. Minn dan ir-rapport ħareġ li: 1. il-bini ta' dan il-proġett hu importanti għat-turiżmu fil-gżira t'Għawdex; 2. 34 fil-mija ta' l-inċidenti li għandhom x'jaqsmu mad-diving u li jkollhom bżonn tad-Decompression Chamber, jiġru ġewwa Għawdex; 3. l-ispiża totali sabiex titħaddem iċ-Chamber il-ħin kollu bi tmienja min-nies hi ta' madwar Lm60,000 fis-sena.

WasteServ Malta Ltd. — Riċiklaġġ

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-WasteServ Malta Ltd. toffrix xi tip ta' servizz lil dawk l-uffiċċji/fabbriki li jkollhom il-karta għar-riċiklaġġ?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi minħabba żieda fit-talbiet għal ġbir ta materjal riċiklabbli il-kumpanija WasteServ Malta Ltd ma tistax tagħmel arranġamenti fit-tul ma' entitajiet privati. Għaldaqstant, sabiex tgħin fl-organizzazzjoni tas-separazzjoni tal-karta, il-kumpanija WasteServ Malta Ltd qed toffri dan is-servizz bla ħlas għal xahrejn li wara jista' jkun segwit bil-klijent jorganizza hu t-trasport lejn l-Impjant tar-Riċiklaġġ ta` Sant'Antnin. F' każ li l-klijent jagħżel li tkompli tintervjeni l-kumpanija WasteServ Malta Ltd, għandu jkun hemm ħlas ta' Lm15 sabiex tkopri l-ispejjeż involuti. Ta' min ifakkar li r-rwol tal-kumpanija WasteServ Malta Ltd huwa dak li tgħin biss fejn l-attivita' privata ma tkinx possibbli topera. B' hekk il-kumpanija WasteServ Malta Ltd tkun tista' tagħti priorita` lil dak il-materjal riċiklabbli li jkun dirett mid-dipartimenti tal-Gvern, Kunsilli Lokali u skejjel.

Sliema: Triq San Pietru — Reserved Parking Bays

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 8097, jista' il-Ministru jgħid jekk ir-reserved parking bays jaqgħux taħt ir-responsabbilita' ta' l-ADT jew tat-traffic control board?

Response (BORG, TONIO)

L-Awtorita' dwar it-Trasport taqa' taħt ir-responsabbilita' tal-Ministru għall-iżvilupp Urban u Toroq, għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lil dak il-Ministeru.

Sptar San Luqa — Speċjalisti Barranin

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 7910, jista' il-Ministru jgħid il-persuna indikata minnu x'livell ta' performance ma laħqitx?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Id-Diviżjoni tas-Saħħa ma kienitx sodisfatta bil-livell milħuq mill-persuna konċernata għal dak li jirrigwarda endoskopija.

Mosta — Triq Awrora

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għala Triq Awrora fil-Mosta li ilha li nbdiet minn Jannar 2004 sal-lum għadha ma tlestietx meta toroq oħra li nbdew magħha ilhom li tlestew ix-xhur?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Barrieri — Tfigħ ta' Skart

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hawn barrieri li qed jilqgħu fihom skart u materjal skond il-permessi neċessarji? Jista' jgħid liema huma dawn il-barrieri u min huma s-sidien tagħhom?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) ħarġet għaxar (10) permessi għall-mili ta’ barrieri bi skart inert. Ta’ min wieħed jinnota li l-Awtorita’ ma jkollhiex informazzjoni dwar is-sidien tal-barrieri għax meta jinħarġu l-permessi neċessarji, il-MEPA ikollha x’ taqsam biss ma l-operaturi ta’ dawn il-barrieri.

EU — Barrieri - Rimi ta' Skart

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hux qed jiġu mħarsa l-istandards neċessarji skond id-direttivi ta' l-Unjoni Ewropea dwar ir-rimi ta' skart fil-barrieri? Jista' jgħid kif qed jitħalla li jsir rimi ta' skart fil-barrieri mingħajr ma jsir l-ilqugħ neċessarju b'materjal apposta (lining)?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-istandards neċessarji skond id-direttiva ta' l-Unjoni Ewropea dwar ir-rimi ta' skart qed jiġu rispettati. Minħabba n-natura tal-materjal, ir-rimi ta' skart inert fil-barrieri mhux ta' riskju għall-ambjent u ma jirrikjedix li l-barrieri jkunu lined.

Barrieri — Tfigħ ta' Skart

Question

Jista' il-Ministru jgħid min qed jagħmel monitoring ta' l-iskart li qed jintefa' fil-barrieri u xi proċedura qed tintuża biex jittieħdu l-prekawzjonijiet neċessarji?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-permess ta' l-Awtorita' ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) għar-rimi ta' skart inert fil-barrieri jistipula li l-operatur jagħmel sorveljanza kontinwa biex ma jintefax materjal li mhux inert fil-barriera. Għaldaqstant l-operatur irid jassigura li materjal mhux inert jitwarrab qabel ma dan jintefa'. Spetturi tal-MEPA jagħmlu spezzjonijiet biex jassiguraw li dan isir.

MEPA — Enforcement Cases Pendenti

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' każi ta' enforcement cases pendenti li hemm fil-MEPA? Jista' jgħid kemm kienu l-każi ta' direct enforcement li ġew determinati b'suċċess f'din l-aħħar sena? Jista' jgħid ukoll kemm twaqqa' bini illegali f'din l-aħħar sena?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li n-numru ta' każi ta' enforcement pendenti għand l-Awtorita' ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) huwa ta' 6,154. Mill-1 ta' Jannar sal-15 ta' Ottubru ta' din is-sena saru 16 il-azzjoni diretta li kienu jaffettwaw 31 każ ta' Avviż ta' Twettiq. Fost dawn kien hemm 14 fejn, b' permezz tal-azzjoni twaqqaw strutturi illegali.
Leg 10 PQ #8279 Sitting 176 2004-10-25 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Sala Sant Anna

Question

Tista' il-Ministru tispjega kif is-Sala Sant Anna li swiet lill-poplu Għawdxi aktar minn kwart ta' miljun lira hija nofsha vojta u l-anzjani minflok jitpoġġew f'din is-sala jitqiegħdu fil-kuriduri tas-sala tan-nisa? Tista' il-Ministru tieħu passi biex sitwazzjoni bħal din ma titħalliex tiddeterjora ta' kuljum fis-sala tan-nisa b'kuriduri ppakkjati mill-pazjenti u xjuħ u bin-nurses u ħaddiema oħra litteralment ma jistgħux ilaħħqu max-xogħol u l-konfużjoni li hemm?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Fis-Sala Sant' Anna hemm 81 sodda li bħalissa 60 biss minnhom qed jintużw minħabba nuqqas ta' infermiera. Iżda ninsab infurmata, li dan l-aħħar intlaħaq ftehim sabiex xi nfermiera Għawdxin li bħalissa qegħdin jaħdmu Malta jiġu trasferiti lejn Għawdex biex ikunu jistgħu jimtlew is-sodod vojta li hemm fir-Residenza Sant’Anna.

Liċenzja ta' skola privata

Question

Jisa' il-Ministru jgħid x'inhuma l-kwalifiki li għandha persuna - id-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - sabiex ingħatat liċenzja ta' skola privata numru 237? Jista' jgħid jekk sarux verifiki dwar il-veraċita' tal-kwalifiki li ġew ippreżentati mill-persuna li isimha qed jintbagħat separatament, li sussegwentement ingħatat liċenzja ta' skola privata numru 237? Jekk fl-affermattiv, ma' min saru tali verifiki u x'irriżulta minn dawn il-verifiki?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-persuna li isimha jidher separatament għandha r-rekwiżiti sabiex skond Kap 327 tal-Liġijiet Maltin tinħarġilha Liċenzja ta' Skola Kummerċjali sakemm l-iskola tkun tikkonforma mal-kundizzjonijiet minimi nazzjonali.

Djar — Applikazzjonijiet għal akkomodazzjoni alternattiva

Question

B'riferenza għas-sena 2003 u għal perjodu Jannar sa Awissu 2004, tista' il-Ministru tkun daqstant ġentili u tgħid għal kull xahar: 1) kemm daħlu applikazzjonijiet ġodda għal akkomodazzjoni alternattiva maqsuma skond kull lokalita; 2) kemm ġew allokati djar mid-dipartiment; 3) kemm postijiet ġew lura f'idejn id-dipartiment matul kull xahar; 4) x'kien in-numru ta' postijiet li kellu f'idejh id-dipartiment fl-aħħar ġurnata ta' kull xahar; u 5) x'kien in-numru ta' applikazzjonijiet pendenti fl-aħħar ġurnata ta' kull xahar?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali ma jkollux stock ta' postijiet vojta li jistgħu jiġu allokati għax tali postijiet jiġu allokati hekk kif id-Dipartiment ikollu ċ-ċwievet. Ninsab infurmata wkoll li t-tagħrif mitlub fil-kumplament tal-Mistoqsija hu kif jidher fit-Tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Satellite dishes — Impożizzjoni ta' taxxa

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi l-pożizzjoni tal-gvern vis-a-vis l-impożizzjoni ta' taxxa fuq is-satellite dishes? X'se tkun il-pożizzjoni ta' min laħaq ħallasha sal-lum wara l-1 ta' Mejju 2004?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-bżonn ta' liċenzja fuq riċevituri tas-satellita ġie revokat b'effett mill- 1 ta' Mejju 2004. Dawk li ħallsu l-liċenzja b'effett minn din id-data ser jitħallsu l-flus lura.