Wara li deher avviż nru. 63 dwar kostruzzjoni ta' Triq iċ-Ċinju, fil-Mosta u dan fit-13 ta' April 2004, jista' il-Ministru jgħid x'żamm milli jitlestew dawn ix-xogħlijiet?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ir-raġuni għaliex ix-xogħolijiet ta' kostruzzjoni fi Triq iċ-Ċinju Mosta għadhom ma bdewx minkejja li t-tender ħarġet fit-13 ta' April hija li wara li l-MEPA intalbet tindika il-livelli u l-alignments, irriżulta li kien jeħtieġ aktar tqaxxir minn dak previst oriġinarjament fit-tender. L-ammonti fit-tender kellhom jinbidlu u kienu meħtieġa approvazjonijiet għal dawn il-varjazzjonijiet.
Tista' il-Ministru tgħid kemm saru adozzjonijiet wara Ġunju ta' l-2001, minn liema pajjiżi saru sena b'sena? Kemm minn dawk tar-Rumanija li ġew imsejħa pipeline cases inqdew? Huwa minnu li għad hemm xi nies li ma nqdewx?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellanti fl-ewwel parti tal-Mistoqsija hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Dwar l-aħħar żewġ partijiet tal-Mistoqsija ninsab infurmata wkoll li mid-disa familji li kienu bdew il-proċess għall-adozzjoni mir-Rumanija meta din twaqqfet, għad fadal tliet familji li ghadhom jistennew biex iġibu t-tfal minn dak il-pajjiż.
Jista' il-Minsitru jispjega r-riforma li seħħet fir-rotta tal-karozzi tal-linja ta' l-Isla u l-Kalkara? X'kien ir-raġunar wara dan it-tibdil? L-interess tar-residenti ta' dawn iż-żewġ lokalitajiet ingħata piż f'din ir-riforma? Kif se jiġi assigurat li r-residenti ta' dawn iż-żewġ lokalitajiet jingħataw servizz xieraq?
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm intnefqu flus matul din is-sena fi printing fid-dipartimenti kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? F'liema printing press saru dawn ix-xogħlijiet?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Fl-iskema tat-12-il punt li daħlet minn Jannar ta' din is-sena għal min jieħu liċenzja tas-sewqan għall-ewwel darba, jista' il-Ministru jgħid kemm kienu l-persuni kollha li tilfu it-12-il punt tagħhom u kemm itteħditilhom il-liċenzja?
X'passi oħra ttieħdu jekk ittieħdu, f'każi bħal dawn?
Jista' il-Ministru jgħid jekk hux veru li l-korporazzjoni għas-servizzi ta' l-ilma ma tistax tagħti servizz lill-klabb ta' Pembroke minħabba li dan huwa 'il bogħod mill-mains? Jekk fl-affermattiv, ma jistgħux isiru xi pipes temporanji biex nies li qegħdin jagħtu sehemhom fil-volontarjat ikunu moqdijin ukoll?
Response (GATT, AUSTIN)
Jekk l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għall-applikazzjoni għal servizz ta' l-ilma fil-klabb ta' ma ġenb il-football ground ta' Pembroke, ninfurmaħ li bħalissa, fl-inħawi ta' dan il-post m'hemmx għaddejja is-sistema tad-distribuzzjoni ta' l-ilma u għaldaqstant ix-xogħol biex isiru l-kanen meħtieġa biex il-klabb imsemmi jkollu s-servizz tal-ilma, jiswa lill-applikant madwar Lm1,000.
Madanakollu, jekk dan il-klabb jista jistenna ftit, dalwaqt se tiġi estiża s-sistema tad-distribuzzjoni minħabba l-bini l-ġdid tal- Housing Authority fil-viċinanzi. Darba ssir din l-estensjoni, id-distanza għall- klabb u l-ispiza biex jingħata s-servizz ikunu ferm anqas.
Jekk il-klabb ghandu bżonn urġenti u mmedjat għas-servizz ta' l-ilma u ma jistax jistenna ftit, m'hemmx triq oħra ħlief li jitħallas biex isiru l-kanen apposta għalih, spiża ta' madwar Lm1000.
Fid-dawl ta' l-aħbar tal-privatizzazzjoni ta' l-Interprint, jista' il-Ministru jinformani jekk il-gvern hux qed jara xi investiment minn barra jew minn Malta? Il-ħaddiema li spiċċaw se jkunu preferuti biex jerġgħu jaħdmu sakemm ikunu għadhom bla xogħol sa dak iż-żmien?
Response (GATT, AUSTIN)
Meta jkun il-waqt, il-Gvern jikkunsidra kull investiment.
Il-ħaddiema li spiċċaw mill-impjieg mal-Interprint ħadu t-terminal benefit skond il-Collective Agreement.
Jista' il-Ministru jintervjeni biex ħdejn u fit-triq tal-klabb Pembroke f'Pembroke, isiru xi dwal fl-interess tas-sigurta' ta' tfal li jkollhom jimxu hemmhekk fid-dlam, b'riskju kbir?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-installazzjoni ta' bozoz ġodda , minħabba l-proċess tad-devoluzzjoni, issa saret ir-responsabilita' tal-Kunsilli Lokali u ma għadhiex ta' l-Enemalta.
Tista' il-Ministru tgħid għal liema raġuni l-appuntamenti tal-pazjenti ta' l-ENT fl-isptar ġenerali ta' Għawdex qed jiġu kkanċellati?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata illi peress li fid-Dipartiment tal-ENT tal-Isptar San Luqa hemm nuqqas ta’ staff mediku fil-preżent, l-appuntamenti għall-outpatients tal-ENT fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex qed isiru darba kull ħmistax minflok darba f’ġimgħa.
Tista' il-Ministru tagħti rendikont ta' kif ġew imqassma l-fondi tal-Protokol Taljan fis-settur agrikolu?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata illi Għawdex ibbenefika mill-Protokol Taljan permezz ta':
- għajnuna teknika ta' esperti Taljani biex twaqqfet l-ewwel għaqda tal-produtturi f'Malta u Għawdex;
- provvista u istallazzjoni ta' apparat li ser jintuża għall-grading , cold storage u ppakkjar ta' prodotti agrikoli; u
-. upgrading ta' l-inċineratur fil-Biċċerija ta' Għawdex.
Tista' il-Ministru tgħid għaliex mhux jitħallas is-sussidju lill-ħaddiema Għawdxin li jaħdmu mal-korporazzjonijiet f'Malta?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li s-sussidju jingħata lill-ħaddiema Għawdxin li jaħdmu Malta mal-Gvern u ma' istituzzjonijiet li huma tal-Gvern jew iffinanzjati mill-Gvern u qatt ma' ingħata sussidju lill-ħaddiema Għawdxin li jaħdmu mal-korporazzjonijiet f'Malta.
Valletta Tattoo — Scaffolding għas-Seating fil-Pjazza
Question
Jista' il-Ministru jgħid jekk l-iscafolding li ntuża għas-seating għall-attivita' Valletta Tattoo fi Pjazza San Ġorġ, Valletta kienx approvat mill-awtorita' dwar saħħa u sigurta', għax kien jidher perikoluż ħafna għal persuni li poġġew fuqu?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li f'każ ta scaffolding ma jinħtieġx il-permess mill-Awtorita` tas-Saħħa u Sigurta`. Madankollu, uffiċjali ta' din l-Awtorita` xorta waħda żaru l-post darbtejn waqt l-għarmar ta' l-iscaffolding u ma għamlu ebda kumment negattiv. Ta' min jgħid li fl-għarmar ta' scaffolding fil-Pjazza San Ġorġ, il-Belt, għal okkażjoni tal-Valletta Tattoo, is-sistema addotata hi waħda ibbażata fuq speċifikazzjonijiet internazzjonali.
Jista' il-Ministru jgħid x'kienet in-nefqa totali tal-gvern fuq ir-residenza San Vincenz de Paule, sena b'sena fis-snin 1986, 1991, 1996, 2001, 2002 u 2003?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-nefqa tal-gvern fuq ir-residenza San Vinċenz de Paule, sena b'sena fis-snin mitluba hi kif ġej:
SENA
Lm
2003
8,134,875
2002
7,956,032
2001
7,698,223
1996
5,772,874
1991
4,424,000 (Budget totali għad-Diparment tal-Kura ta' l-Anzjani)
1986
Fis-sena 1986 il-qasam ta' l-anzjani kien jagħmel parti mill-Ministeru tas-Saħħa u Ambjent u ċ-ċifri speċifiċi m'humiex indikati.
Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 7728 li oriġinarjament saret lill-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunita' u cioe' jista' jgħid jekk huwiex minnu li s-sussidju fuq it-telephone għall-anzjani li għandhom il-kartuna r-roża qiegħed jingħata biss għal 5,000 anzjan? Din il-policy kienet minn dejjem jew ġiet imposta issa? Jista' jgħid meta ġiet imposta?
Response (GATT, AUSTIN)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-PQ 1130.
Tista' il-Ministru tgħid kemm hemm persuni fil-preżent li qegħdin jirċievu l-SAF u x'ammont ta' flus ħallas id-dipartiment tas-sigurta' soċjali s'issa din is-sena f'dan il-benefiċċju soċjali?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li preżentament hemm 465 persuna li qed jirċievu l-SAF u l-ammont imħallas għal dan il-benefiċċju din is-sena hu Lm1,249,760.25.
Tista' il-Ministru tgħid fil-preżent kemm hemm persuni li qegħdin jirċievu l-pensjoni tal-wens? Kemm kien hemm applikazzjonijiet ġodda matul din is-sena? Kemm minnhom ġew approvati, kemm ġew rifjutati u kemm għadhom pendenti?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' il-Ministru tgħid x'inhu l-massimu tal-pensjoni tal-wens fil-preżent? X'inhuma l-kondizzjonijiet li jridu jiġu sodisfatti biex wieħed ikun eliġibbli għal din il-pensjoni?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-ammont massimu ta' pensjoni tal-wens hu ta' Lm33.11 fil-ġimgħa.
Il-kundizzjonijiet biex persuna tikkwalifika għal din il-pensjoni huma dawk elenkati f'Artikolu 68 ta' l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali, fosthom li:
i) tkun ċittadina Maltija;
ii) tissodisfa t-test tal-mezzi kif speċifikat fis-sub artikolu 68 (1)(b) ta' l-imsemmi Att;
iii) tkun qed tieħu ħsieb weħedha, fuq bażi full time u regolarment tal-ġenitur tagħha, jew ħuha, oħtha, nannitha, zijuha, missier jew omm tar-rispett jew ħuha jew oħtha tar-rispett li jkun/tkun qed igħix fl-istess dar ta' l-applikanti u, minħabba infermita', jkun/tkun kostrett/a li j/tgħaddi ħajtu/ħajjitha fis-sodda jew f'wheelchair.