Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ħal Qormi — Bini ta' Substation

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'qed iżomm lill-Enemalta milli tibda tinbena s-substation fi Triq ix-Xitwa, Ħal Qormi skond il-permess ta' żvilupp PA5738/02 maħruġ mill-MEPA u wara li l-art imsemmija ġiet rilaxxata mill-joint office skond il-pubblikazzjoni fil-gazzetta tal-gvern ta' nhar il-Ħamis 24 ta' Lulju 2004?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qed isiru l-aħħar arranġamenti għat-trasferiment ta' l-art sabiex ikun jista' jinbeda x-xogħol.

Birżebbuġa — Triq il-Grolli - kanna ta' l-ilma

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx problema ta' ilma, cioe' kanna li qed tinfaqa sikwit, fi Triq il-Grolli Birżebbuġa? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid meta se jsir ix-xogħol neċessarju?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li l-KSI taf li hemm problema bil-kanna tal-ilma msemmija u fil-fatt ħadet il-passi biex issir proposta għall-bdil tagħha. Din tikkonsisti fi proġett ta' madwar Lm8,000 li ddaħħal fil-programm ta' xogħolijiet tal-KSI. Dan ix-xogħol mistenni li jsir is-sena d-dieħla.

Marsaxlokk — Triq Barthelemy - twaħħil ta' bracket

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni wara n-nuqqas ta' azzjoni da parti tal-korporazzjoni Enemalta konsistenti fit-twaħħil ta' bracket mal-faċċata tal-fond bl-isem ta' CharLaine fi Triq Barthelemy, Marsaxlokk stanteli hemm cable tal-high voltage jista' jitqaxxar peress li qiegħed ma saqaf ta' gallarija? Dettalji qed jintbagħtu separatament.

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li minn investigazzjoni li saret jirriżulta li l-cable imsemmi mhux responsabilita' ta' l-Enemalta.
Leg 10 PQ #7890 Sitting 177 2004-10-26 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Tripli — Diplomatiku Malti

Question

B'riferenza għall-każ ta' diplomatiku Malti fi Tripli, fejn jien ma għedtx li hu ma ngħatax diplomatic passport - għax dak ingħata mill-awtoritajiet Maltin - iżda li ma ngħatax għarfien mill-awtoritajiet Libjani, jista' il-Ministru jgħid jekk hux se jiġi recalled Malta x-xahar id-dieħel?

Response (FRENDO, MICHAEL)

Iva, dan id-diplomatiku għandu jirritorna Malta f'Novembru.
Leg 10 PQ #7906 Sitting 177 2004-10-26 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Libja

Question

Fid-dawl tat-tibdiliet li għaddejjin fil-Libja, jista' il-Ministru jgħid jekk il-Gvern Malti hux qed jikkonsidra li għandu jagħmel rethinking ta' l-istrateġija tagħna lejn dan il-pajjiż permezz ta' re-positioning xieraq? Jekk iva, jikkonferma li dan għandu jsir b'konsultazzjoni ma' l-istakeholders kollha konċernati, inkluż is-settur privat?

Response (FRENDO, MICHAEL)

Il-Gvern Malti, permezz tal-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin, qed jifformola l-miri strateġiċi tal-politika barranija ta' Malta fis-settur politiku, ekonomiku u soċjali. Il-politika barranija li tirrigwarda l-Libja hija inkwadrata f'dan il-kuntest ġenerali imma wkoll, b'mod partikolari, tieħu in konsiderazzjoni t-tibdiliet li qed iseħħu f'dak il-pajjiż f'diversi oqsma. F'laqgħat riċenti tal-Kumitat Parlamentari għall-Affarijiet Barranin u Ewropej tajt relazzjoni ta' kif il-Gvern qed jaħdem biex isaħħaħ ir-relazzjonijiet ta' Malta mal-Libja, u kif ir-rilevanza ta' din ir-relazzjoni għandha tkompli tikber fil-kuntesti l-ġodda kemm ta' Malta kif ukoll tal-Libja. Konsultazzjoni ma' l-istakeholders inkluż is-settur privat diġa bdiet issir permezz ta' laqgħat mal-Kamra tal-Kummerċ kif ukoll mal-Kmamar tal-Kummerċ Maltija-Libjana u Għarbija-Libjana. Dan huwa proċess 'on going' u laqgħat oħrajn isiru skond il-bżonn.

Pipeline taż-żejt

Question

Billi fl-imgħoddi l-Gvern Malti kien qed jikkonsidra li jakkwista feed mill-pipeline taż-żejt ta' 540 kilometru li ġie inawgurat dan l-aħħar bejn il-Libja u l-Italja f'Mellitah, jista' il-Ministru jgħid x'follow-up action ittieħdet mill-awtoritajiet konċernati u jekk iva, fiex waslu dawn il-pjani?

Response (GATT, AUSTIN)

Il-gvern ingħata l-parir li hu iktar teknikament u ekonikament ta' vantaġġ li jsir pipeline tal-gass (mhux taż-żejt) bejn Sqallija u Malta milli tittieħed fergħa mil-pipeline bejn il-Libja u Sqallija. Il-gvern innegozja ma' l-ENI, il-propjetarji tal-pipeline, biex dawn jagħmlu studju dwar il-possibilta' ta' pipeline bejn Gela, fejn jispiċċa l-pipeline mil-Libya, u Malta. Ir-rapport ta' dan il-feasibility study ingħata lil-Enemalta iktar kmieni dis-sena. Il-gvern qed jikkunsidra x'azzjoni jieħu dwar dan il-proġett.

Prevocational school — Studenti

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'se jiġri minn dawk l-istudenti li minkejja li kien intqal lilhom li kif ilestu s-sentejn fil-prevocational school se jibdew id-diploma fl-Institute of Health Care, s'issa baqgħu barra?

Response (GALEA, LOUIS)

Nirreferi l-Onor. Membru għat-tweġiba għall-Mistoqsija Numru 7929.

San Pawl il-Baħar — Skola primarja

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 7516, il-Ministru jqis li t-trasport eżistenti huwa biżżejjed meta wieħed iqis in-numru ta' tfal li għandhom bżonn it-trasport?

Response (GALEA, LOUIS)

Ġejt assigurat li għan-numru ta' tfal li joqgħodu l-Qawra diġa jeżisti trasport u it-trasport li ġie provdut mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni jaqdi l-bżonnijiet tat-tfal li jagħmlu użu minnu.

Raħal Ġdid — Skola Ġuże' D'Amato - servizz ta' facilitator

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex tifel ta' 12-il sena - id-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament - kien qed jieħu servizz ta' facilitator fl-iskola Ġuże' D'Amato, Raħal Ġdid, twaqqaflu dan is-servizz u jekk hemmx il-ħsieb li jerġa' ikollu facilitator?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li dan it-tifel reġa' ġie assessjat mill-Istatementing Board u reġa' ngħatalu full-time facilitator.

Awtorita' tad-djar

Question

Tista' il-Ministru tgħid fejn waslet it-talba tal-familja - id-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - li għandha żewġt itfal b'diżabilita' u li applikat għal waħda mill-iskemi ta' l-awtorita' tad-djar?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li xogħolijiet mitluba mill-familja li għamel referenza għaliha l-Onor. Interpellant m'humiex relatati mad-diżabilita' tat-tfal u għalhekk it-talba ma gietx milqugħa.

Post tal-gvern — Ħlas ta' kera

Question

Tista' il-Ministru tirrispondi l-mistoqsija parlamentari 7507 li oriġinarjament saret lill-Viċi Prim Ministru u li issa ġiet riferuta lilha u cioe' tista' tara li titnaqqas il-kera tal-post li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li ngħata temporanjament lill-familja fejn il-missier ma jaħdimx minħabba kondizzjoni fiżika, peress li l-kera tal-post li kellhom u li suppost se jsirlu xogħol strutturali kien ferm u ferm anqas?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Jien infurmata illi s-sussidju fuq il-kera tal-post indikat inħadem sewwa skond il-kuntratt iffirmat mill-inkwilin meta ngħata l-post.

Bormla — Masġar taħt l-iskola primarja

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 7440 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent u li issa ġiet riferuta lilu u cioe' jista' il-Ministru jara li jsir xi ħaġa bis-serjeta' sabiex l-area (masġar żgħir) taħt l-iskola primarja ta' Bormla tingħata dehra aħjar? X'inhi r-raġuni li latrina fl-istess area tkissret snin ilu sabiex illum saret miżbla?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li l-masġar li qiegħed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant jifforma parti mill-proġett tal-Pjazza Santa Margerita. Dan il-masġar kien ġie ddentifikat bħala s-sit il-ġdid tal-pitch tal-boċċi u l-clubhouse tal-ground li jinsab quddiem l-iskola. Ix-xoghlijiet fuq dawn l-istrutturi kienu nbdew, pero' twaqqfu wara li dan l-istess sit ġie ddentifikat għal parkeġġ taħt l-art in konnessjoni mal-proġett tal-Kottonera. Filwaqt li jien infurmat li l-permessi neċessarji għal dan il-parkeġġ inħarġu mill-Awtorita' Maltija għall-Ambjent u l-Ippjanar, l-eżekuzzjoni ta' dan l-istess parkeġġ taqa' taħt ir-responsabbilta' ta' Ministeru ieħor.

Avukat Ġenerali — Inkjesta maġisterjali dwar l-FTS

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol ta' l-Avukat Ġenerali fejn tidħol l-inkjesta maġisterjali dwar l-FTS? Jista' jgħid ukoll meta hu maħsub li din tiġi ppubblikata?

Response (BORG, TONIO)

Jiena infurmat li wara li l-Avukat Ġenerali eżamina l-inkjesta maġisterjali li għaliha rrefera l-Onor. Interpellant, huwa talab li jsiru investigazzjonijiet ulterjuri li waslu biex jiġu konklużi. Appena jintemmu dawn l-investigazzjonijiet, l-Avukat Ġenerali jkun f'pożizzjonili jagħti l-pariri ulterjuri tiegħu fir-rigward. Dwar it-tieni parti tad-domanda, l-ħsieb hu li hekk kif l-Avukat Ġenerali jagħti l-pariri tiegħu u ma jkunx hemm aktar ostaklu ghal daqshekk, ir-rapport tal-inkjesta jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.

Universita' — Lectures

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li fl-ewwel ġimgħa fl-Universita' ta' Malta wasluli diversi rapporti li kien hemm numru ta' lectures li ġew kanċellati?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li ma jirriżultax li kien hemm numru sostanzjali ta' lectures li ġew ikkanċellati fl-ewwel ġimgħa ta' l-Universita', iżda wieħed irid jikkonsidra li fl-ewwel ġimgħa l-istudenti l-ġodda ikollhom bosta laqgħat in konnesjoni mal-Ġranet ta' Orjentament organizzat mill-Universita'.

Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni — Educational officers

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm educational officers fid-diviżjoni ta' l-edukazzjoni fil-preżent u x'inhi r-responsabbilta' tagħhom? Jista' jgħid ukoll jekk hux għaddej xi proċess biex il-complement ta' l-EO's jintlaħaq?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li bħalissa hemm 48 Educational Officers fid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni. Ir-responsabbilitajiet tagħhom ivarjaw minn xogħol fl-oqsma ta' l-edukazzjoni inklussiva, operat, servizzi ta' l-istudenti, żvilupp u twettiq tal-kurrikulu, edukazzjoni għall-adulti, ippjanar u żvilupp u edukazzjoni fit-teknoloġija. Informat ukoll li għadu kif spiċċa l-proċess biex jintlaħaq in-numru sħiħ ta' Education Officers għax ma' applikawx uffiċjalment għall-postijiet kollha vakanti li hawn u wkoll għax żewġ Education Officers magħżula ma' aċċettawx.

Dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali — Applikazzjonijiet

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm hemm applikanti quddiem id-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali li huma xebbiet omm jew ġuvintur missier?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li n-numru ta' applikazzjonijiet li d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali għandu minn xebbiet omm u ġuvintur missier hu 494 u 9 rispettivament.

Sptar Monte Carmeli — Ward 2 - pazjenti

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li r-residenti ta' Ward 2 fl-isptar Monte Carmeli jingħataw jieklu fl-4.30 p.m. u fil-5.00 p.m. ikunu diġa' inpoġġija fis-sodda?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Infurmat li fis-swali msemmija hemm numru ta' pazjenti li huma bedridden u minħabba l-kundizzjoni tagħhom ma jistgħux jinżlu mis-sodda. Il-pazjenti l-oħra jibdew jiġu mogħtija l-ikel għal ħabta ta' l-4.30pm u żgur li ma jkunx possibbli li jkunu lesti għas-sodda sal-5.00pm. Dan l-aktar meta jitqies ukoll li dawn il-pazjenti jiddependu għal kollox fuq in-nurses biex jieklu.

Sigurta' Soċjali

Question

Tista' il-Ministru tgħid għaliex il-ministeru tagħha baqa' ma rrispondiex għat-talba tal-persuna - id-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - dwar post alternattiv wara li din ilha tistenna risposta għal aktar minn sena?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Jien infurmata illi d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali qed jikkunsidra l-applikazzjoni ndikata flimkien ma' oħrajn simili.