Jista' il-Ministru jara li ssir tindifa kif ukoll attakk bis-serjeta' fuq il-problema kbira ta' ġrieden li hemm fil-housing estate ta' Verdala f'Bormla?
Jista' jgħid x'se jsir sabiex inkunu nistgħu inserrħu ras ir-residenti li huma terrorizzati bi ġrieden kbar ġejjin minn kullimkien?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ebda ilment ma wasal fl-uffiċċju tas-Saħħa tar-Reġjun indikat, dwar akkumuli ta' ħmieġ jew ġrieden fil-housing estate ta' Verdala f'Bormla matul din is-sena.
Minn spezjoni li saret minn uffiċjali ta' dan id-Dipartiment fil-lok indikat ma nstab l-ebda akkumulu ta' skart li jista' jġib il-ġrieden.
Minkejja dan, ħaddiema mis-sezzjoni tal-Pest Control ta' l-istess Dipartiment għamlu t-trattament neċessarji għal kontra l-ġrieden.
Tista' il-Ministru tgħid kemm hemm familji li jibbenefikaw miċ-children's allowance? Tista' tagħti l-informazzjoni għas-snin 1985, 1986, 1990 u 1995?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Dwar l-informazzjoni mitluba għas-snin 1986 u 1990 nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 3703 li ngħatat f'Seduta Nru. 90.
Ninsab infurmata li n-numru ta' benefiċjarji fis-snin 1985 u 1995 kien ta' 47,051 u 52,440 rispettivament.
Jista' il-Ministru jagħti informazzjoni dwar kemm kien hemm impjegati, maqsuma skond il-grad (inkluż it-top management) fil-Freeport sena b'sena sa mit-twaqqif?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien l-infiq u d-dħul, sena b'sena, sa mit-twaqqif tal-Freeport? Jista' l-informazzjoni jaqsamha skond fejn sar l-infiq u fiex u jindika mnejn ġie kull dħul?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid x'wassal biex għal matul diversi jiem f'nofs Ottubru kien hemm ħruġ qawwi ta' drenaġġ fit-triq li tieħu lejn il-bajja ta' San Ġorġ mis-Swieqi għal San Ġiljan, inħawi mimlija ristoranti u lukandi u fejn jinġemgħu ħafna nies lokali u barranin? Kemm damu ma saru t-tiswijiet meħtieġa?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li peress illi fl-inħawi msemmija hemm ħafna servizzi għaddejjin u peress illi d-drenaġġ kien ħiereġ mill-culvert tal-Maltacom, kien diffiċili biex jiġi identifikat fejn kienet il-problema.
Fil-fatt instab illi kien hemm sadd fil-mejn tad-drenaġġ fi Swieqi Road u d-drenaġġ beda jgħaddi għal ġo service trench tal-Maltacom u joħroġ minn ġo inspection box li hemm faċċata l-Intercontinental Hotel.
Wara tindif u anke survey bis-CCTV, issa dan il-ħruġ ta' drenaġġ waqaf u ttieħdu prekawzjonijiet biex ma jkunx hemm ripetizzjoni ta' dan l-iżbroff ta' drenaġġ.
Jista' il-Ministru jgħid sena b'sena kemm għalqu u kemm fetħu lukandi u ta' liema kategorija u x'numru ta' sodod kellhom f'Malta u f'Għawdex fis-snin 2000, 2001, 2002, 2003 u 2004 s'issa?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li n-numru ta' lukandi li għalqu u li fetħu bejn is-snin 2000 u 2004 huwa kif ġej:
2000
Għalqu 3 lukandi, tnejn ta' tliet stilel (443 sodod) u waħda ta' żewġ stilel (150 sodod). Fetħu 2 lukandi, it-tnejn ta' erba' stilel (482 sodod).
2001
Għalqu 6 lukandi, tnejn ta' tliet stilel (198 sodod) u erbgħa ta' żewġ stilel (387 sodod). Fetħu 3 lukandi, tnejn ta' erba' stilel (982 sodod) u waħda ta' tliet stilel (56 sodod).
2002
Għalqu 5 lukandi, kollha ta' tliet stilel (1236 sodod). Fetħu 3 lukandi, kollha ta' erba' stilel (589 sodod).
2003
Għalqu 6 lukandi, tnejn ta' erba' stilel (526 sodod), tnejn ta' tliet stilel (202 sodod) u tnejn ta' żewġ stilel (135 sodod). Fetħu 3 lukandi, waħda ta' ħames stilel (902 sodod) u tnejn ta' tliet stilel (324 sodod).
2004
Għalqu 4 lukandi, waħda ta' erba' stilel (80 sodod) u tlieta ta' tliet stilel (304 sodod). Fetħet lukanda waħda ta' erba stilel (88 sodod).
Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 7957 u cioe' jgħid matul l-aħħar sena kemm kien hemm ħaddiema ta' l-Air Malta li telqu minn mal-kumpannija u mhux irtiraw biż-żmien? F'liema oqsma telqu f'kull każ? Kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda f'kull każ?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li mill-ewwel t'Ottubru 2003 in-numru ta' ħaddiema tal-Air Malta li telqu kienu ta' sitta u tmenin (86) li jikkonsistu -
Tlieta u sebgħin (73) minnhom ibbenifikaw mill-iskema tal-Boarding Out li qiegħda fil-ftehim kollettiv.
Sitta (6) irriżenjaw.
Erba' (4) utilliżżaw l-iskema tal-Early Retirement.
Tlieta (3) mietu.
Kif wieħed jista jara minn numru ta' hawn fuq il-ħaddiema kienu minn kull oqsma ta' xogħol, jigifieri -
Ħdax (11) il-persuna kienu jokkupaw grad eżekuttiv.
Disa' u tletin (39) kienu klerikali.
Tlieta u għoxrin (23) industrijali li l-parti l-kbira minnhom kienu ħaddiema tar-Rampa.
Sitt (6) persuni li rriżenjaw huma tlett Piloti, Skrivan, Engineer u Stewardess.
Tlett (3) Group Heads u Head (1) ibbenifikaw mill-iskema tal-Early Retirement.
Tlieta mietu.
Matul l-istess perjodu ta' żmien il-Kumpanija mpjegat sitt (6) Trainee Technicians u Chief Officer H.R. & Corporate Services fil-livell ta' Top Management.
Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 7955 u cioe' jgħid jekk għal din is-sena t-tarzna hux se jkollha biżżejjed flus biex tħallas il-pagi tal-ħaddiema tagħha jew il-gvern hux se jkollu jgħaddilha iżjed flus biex ikollha mnejn tħallas il-pagi kollha tal-ħaddiema? Fil-każ li iva, kemm se jkollu jgħaddilha iżjed flus sa l-aħħar tas-sena?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamnetari 7956 u cioe' jgħid x'servizz ta' trasport bl-ajru hemm maħsub li jibda jopera bejn Malta u Għawdex wara li jieqaf is-servizz bil-helicopter ta' l-Air Malta?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija Nru. 7956.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 6345 li saret fit-30/06/04 u li għadha ma ngħatatx tweġiba, tista' il-Ministru ġentilment tirrispondi d-domanda dwar l-għoti tat-tenders għall-isptar ġenerali ta' Għawdex?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija mogħtija fil-lista annessa.
Lista ta’ l-Apparat u l-magni mixtrija u l-offerti pendenti għal xiri ta’ apparat fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex.
Offerti
Ammont (Lm)
Stadju
Provvista, konsenja u stallazzjoni ta’
colorifiers
15,101.60
Apparat fornut u kkummisjonat
Provvista, konsenja u stallazzjoni ta’ pompi tar-
raw water
7,762.34
Apparat fornut u kkummisjonat
Provvista, konsenja u stallazzjoni ta’
stress ECG
16,040.72
Apparat fornut u kkummisjonat
Provvista, konsenja u stallazzjoni ta’ forn
combi
4,000.00
Pubblikazzjoni
Sistema tat-telefon
PABX
2,100.00
Ftehim ta’ Kera
Dental Model Trimm
454
Apparat li dalwaqt ser jiġi fornut
Sink Mediku
358
Apparat li dalwaqt ser jiġi fornut
Ultrasound Cleaner
727
Apparat li dalwaqt ser jiġi fornut
Żewġ
Biopsy Forceps
847
Apparat fornut u kkummissjonat
Teleskopju
Artolux
737
Apparat fornut u kkummissjonat
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 6444 datata 5/7/04 li għaliha għadha ma ngħatatx risposta, u cioe' tista' il-Ministru telenka x-xogħlijiet kemm infrastrutturali kif ukoll ta' manutenzjoni tat-toroq f'Għawdex f'dawn l-aħħar ħames snin? Tista' tgħid ukoll min għamel ix-xogħol u kemm ġie jiswa?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra lista ta' xogħolijiet tat-toroq f’Għawdex li saru permezz ta’ kuntratturi matul l-aħħar ħames snin . Barra minn dawn ix-xogħolijiet saru diversi xogħolijiet oħra permezz tal-ħaddiema tal-Gvern.
Awtorita' tax-Xandir — Trasferiment ta' Radio Calypso
Question
Jista' il-Prim Ministru jirrispondi l-mistoqsijiet parlamentari 6693 u 6883 li kienu ġew indirizzati lil Ministri oħrajn u li issa qed nindirizza lilu peress li l-Awtorita' tax-Xandir taqa' taħt id-dekasteru tiegħu u cioe' jista' jforni d-dettalji kollha dwar it-trasferiment tal-frekwenza ta' Radio Calypso u dwar il-mod ta' kif it-talba għat-trasferiment ġiet determinata mill-Awtorita' tax-Xandir?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat mill-Awtorità tax-Xandir illi fl-14 ta’ Ġunju 2004, l-Awtorità rċeviet talba konġunta mingħand Radio Calypso Ltd u Radju Marija Ltd li Radio Calypso kienet se tinxtara minn Radju Marija Ltd. Wara li l-Awtorità rċeviet risposta għat-talba lil Radju Marija Ltd sabiex tipprovdi aktar informazzjoni dwar il-ġeneru ta’ l-istazzjon, jekk kienx se jkun hemm tibdil fl-iskeda ta’ l-istazzjon, il-post minn fejn se jxandar l-istazzjon, il-finanzjament ta’ l-istess stazzjon u dettalji oħra, l-Awtorità approvat din it-talba.
Il-kriterji li fuqhom l-Awtorità tax-Xandir tiddetermina talbiet ta’ din in-natura jinsab imni
żżel fl-artikolu 16(1) ta’ l-Att dwar ix-Xandir.
(Tweġiba mogħtija: 27/10/2004PM)
(Seduta Numru: 178)
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ingħataw transfers fil-ministeru tiegħu u d-dipartimenti li jaqgħu taħtu mill-1 ta' Lulju 2004 sal-lum?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi mill-1 ta' Lulju 2004 s'issa, in-numru ta' transfers li nħarġu mid-Dipartimenti li jaqgħu taħt id-Dekasteru tal-Ġustizzja u l-Intern kien ta' 7. Minnhom, 2 saru fuq talba tal-persuni ikkonċernati u 2 għax il-persuni ikkonċernati ħadu appointment ma' Dipartiment ieħor tal-Gvern.
Infurmat ukoll illi matul l-istess perijodu kien hemm 37 membru tal-Korp tal-Pulizija li tbiddlilhom ix-xogħol tagħhom fid-diversi sezzjonijiet tal-Korp. Minn dawn, 24 għax ingħataw promozzjoni għall-grad ta' surġent.
Kif diġa' kelli okkażżjoni li ngħid fi tweġibiet preċedenti dwar dan is-suġġett, it-transfers isiru skond l-esiġenzi tas-servizz fiċ-ċirkostanzi prevalenti.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ingħataw transfers fil-ministeru tiegħu u d-dipartimenti li jaqgħu taħtu mill-1 ta' Lulju 2004 sal-lum?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Ġeneralment it-transfer ikun sar fuq talba ta' l-individwu approvata mid-Dipartiment konċernati.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ingħataw transfers fil-ministeru tiegħu u d-dipartimenti li jaqgħu taħtu mill-1 ta' Lulju 2004 sal-lum?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li mill-1 ta' Lulju 2004 sal-lum kien hemm b'kollox 6 transfers. Ħamsa minnhom saru jew fuq talba tal-persuna konċernata, jew għax ħadu promozzjoni, jew għax ġew redeployed. Fil-każ l-ieħor għalliem li kien misluf liċ-Ċentru Malti għar-Restawr reġa mar lura id-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni.
Ministeru għar-Riżorsi u Infrastruttura — Transfers
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm ingħataw transfers fil-ministeru tiegħu u d-dipartimenti li jaqgħu taħtu mill-1 ta' Lulju 2004 sal-lum?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li n-numru ta' transfers li ngħataw fil-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura u d-Dipartimenti li jaqgħu taħtu mill-1 ta' Lulju 2004 sa llum huwa tnejn u għoxrin (22). Dawn it-transfers seħħew skond l-esiġenzi tas-servizz jew fuq talba ta' l-individwi nfushom.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari li kont għamilt qabel ir-recess tas-sajf, jista' il-Prim Ministru jgħid xi żvuiluppi kien hemm dwar il-każ ta' l-allegat kuntrabandu tad-diesel u fiex waslu l-investigazzjonijiet tad-dwana flimkien mal-pulizija?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-investigazzjonijiet dwar l-allegat kuntrabandu tad-diesel għadhom għaddejjin kemm minn naħa tal-Pulizija kif ukoll minn naħa tad-Dwana.
(Tweġiba mogħtija: 27/10/2004PM)
(Seduta Numru: 178)