Legislature:
Category:
Reset
Active:

Postijiet ta' divertiment

Question

Jista’ l-Viċi Prim Ministru jgħid kull meta jsiru spezzjonijiet f’night clubs u postijiet oħra ta’divertiment biex jiġi żgurat li kull ħaġa tkun kif suppost jekk jinqala’ xi każ ta’ ħruq jew inċident serju ieħor f’dawn il-lokalitajiet? Minn min isiru? Isir rapport uffiċjali? Din is-sena kien hemm postijiet fejn instabu xi nuqqsijiet? Saru t-tibiliet neċessarji?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-liċenzji għal postijiet ta' divertiment m'għadhomx jinħarġu mill-Pulizija, iżda mill-Awtorita' Maltija għat-Turiżmu. Madankollu, ninsab infurmat illi l-Pulizija regolarment tagħmel spezzjonijiet f'postijiet ta' divertiment għal xi ksur tar-regolamenti. Jekk waqt dawn l-ispezzjonijiet ikun osservat li hemm xi ħaġa li tista' tkun ta' periklu f'każ ta' ħruq, isir rapport lill-Aworita' Regolatorja mill-liċenzja ta' dak l-istabbiliment. Inżid ngħid illi l-Gvern, bis-saħħa tar-Regolamenti biex jinżamm il-Bon Ordni f'Lokalitajiet ta' Divertiment, kien waqqaf il-Health and Safety Monitoring Board. Dan il-Bord jaqa' taħt ir-responsabbilita' tal-Ministeru għall-Familja u Solidarjeta' Soċjali; u għalhekk ġentilment nitolbu biex jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru ikkonċernat.

Uffiċini mikrija lill-gvern — Ħlas ta' kera

Question

Jista' il-Prim Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 7743?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-ammont ta’ kera li l-Gvern ħallas lill-privat għall-użu ta’ uffiċini/postijiet oħra mikrija lilu jew entitajiet tiegħu huwa kif jidher fil-lista mehmuża.

Isla/Kalkara — Rotta tal-karozzi tal-linja

Question

Jista' il-Minsitru jispjega r-riforma li seħħet fir-rotta tal-karozzi tal-linja ta' l-Isla u l-Kalkara? X'kien ir-raġunar wara dan it-tibdil? L-interess tar-residenti ta' dawn iż-żewġ lokalitajiet ingħata piż f'din ir-riforma? Kif se jiġi assigurat li r-residenti ta' dawn iż-żewġ lokalitajiet jingħataw servizz xieraq?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra l-iskeda tas-servizz l-antika u dik preżenti tar-rotot ta’ l-Isla (Rt 3), l-Kalkara (Rt 4) u l-Birgu (Rt 1, Rt 6) sabiex ikunu ikkomparati. L-iskop prinċipali ta’ l-bidla fl-iskeda seħħ sabiex jiġu amalgamati ir-rotot u jingħata serviżż aktar effiċjenti. Filfatt bl-iskeda preżenti, wara 10.20 ta’ filgħodu, il-vjaġġi li jitilqgħu mill-Isla lejn il-Belt Valletta jgħaddu mill-Birgu, għaldaqstant qed jingħata serviżż anki lejn il-Birgu u l-Fgura. Barraminhekk, beda ukoll servizz ġdid bin-numru tar-rotta 300, mit-Tnejn sal-Ġimgħa, li titlaq mill-Isla lejn l-Universita via tas-Sliema. L-Awtorita dwar it-Trasport ta’ Malta ser ikollha laqgħat fil-ġimgħat li ġejjin mar-rappreżentanti tal-Kunsilli ta’ l-Isla, l-Birgu u l-Kalkara sabiex tiġi riveduta is-sitwazzjoni għall l-aħjar serviżż għan-nies tal-lokalita.

Freeport — Sewwieqa mingħajr liċenzja

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi ftehim mal-Malta transport authority biex sewwieqa li jsuqu vetturi fil-freeport ma jkollhomx għalfejn ikunu sewwieqa liċenzjati?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

L-Awtorita dwar it-trasport ta' Malta m’għandha l-ebda ftehim rigward sewqan ta' vetturi ġewwa il-freeport. L-Awtorita tinforma illi il ġurisdizzjoni tagħha tapplika għal sewqan fuq it-toroq u mhux f’propjeta privata.

ETC — Reġistrazzjoni għax-Xogħol

Question

Jista' il-Ministru jagħti informazzjoni lokal b'lokal tal-persuni li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol f'Diċembru tas-snin 1996,1998, 2000, 2001, 2002, 2003 u l-aħħar xahar available?

Response (GALEA, LOUIS)

In-numru ta' persuni li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol f'Diċembru tas-snin 1998, 2000, 2001, 2002, 2003 u ta' Settembru 2004 lokal b'lokal f'Malta u Għawdex ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Ninsab informat li l-figuri għas-sena 1996 ma kienux jinġabru b'dan il-mod, filwaqt li għas-sena 1998 u 2000 kienet tinġabar biss informazzjoni għal-ewwel parti tar-reġistru. Kien mill-2001 li l-ETC bdiet iżżomm l-informazzjoni lokal b'lokal dwar ir-reġistranti fuq l-ewwel u t-tieni parti tar-reġistru.

Kottonera — Għalliema ta' l-iskejjel primarji

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ilhom jgħallmu, skola skola, kull għalliem fl-iskejjel primarji ta' Bormla, Birgu, Isla u Kalkara? Kemm inbidlu heads għal kull skola f'dawn l-aħħar għaxar snin?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Dipartiment tax-xogħlijiet — Acting securities

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi l-pożizzjoni ta' dawk il-persuni li qed jagħmluha ta' acting security mad-dipartiment tax-xogħlijiet?

Response (ZAMMIT, NINU)

Rigward il-persuni li qed jagħmluha ta' acting security mad-Dipartiment tax-Xogħlijiet, jien infurmat li l-Ministeru qed jikkunsidra l-pożizzjoni tagħhom, peress li dan l-aħħar ġie finaliżżat il-proċess ta' apuntament ta' security guards.

Saħħa — Mediċini kontra l-cholesterol

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hux minnu li dawk il-persuni li jagħlqu l-75 sena ma jibqgħux intitolati għal mediċini kontra l-cholesterol b'xejn? X'inhi r-raġuni jekk fl-affermattiv?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Il-policy tad-Dipartiment tas-Saħħa hija li dawn il-mediċini jingħataw b'xejn biss lil persuni li għandhom anqas minn 75 sena. Din hija policy li ttieħdet fl-1998 u s'issa ma nħassetx il-ħtieġa li din tinbidel.

Uffiċini Mikrija lill-Gvern — Ħlas ta' Kera

Question

Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 8090 u 7743 u cioe' jgħid kemm hu l-ammont ta' kera li l-gvern iħallas lill-privat għall-użu ta' uffiċini/postijiet oħra mikrija lill-gvern jew entitajiet tiegħu? Liema huma dawn il-postijiet mikrija lill-gvern jew entitajiet li huma tal-gvern? Kemm hi kull kera fis-sena u lil min titħallas?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għar-risposta li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 8090.

Sidien ta' Taxis Għawdxin — Xogħol f'Malta

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 8015 u għar-risposta relattiva, peress li l-policy ta' l-awtortia' dwar it-trasport ta' Malta ġiet dikjarata bħala abbużiva mill-qorti ta' l-appell fid-19 ta' April 2004, jaqbel il-Ministru li l-policy għandha tinbidel biex taxis ta' sidien Għawdxin ikunu jistgħu jaħdmu Malta bla restrizzjonijiet?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Jien infurmat illi l-policy eżistenti ta' l-Awtorita' dwar it-Trasport hi skond l-avviż pubblikat fil-Gazzetta tal-gvern tal-15 ta' Ġunju 2001. Is-sentenza tal-Qorti ta' l-Appell ikkonfermat sentenza li kienet ingħatat mill-Prim' Awla tal-Qorti fit-12 ta' April 1999, u allura ma tkoprix deċiżjoni meħudha wara dik id-data mill-Awtorita'. Jien infurmat ukoll li d-deċiżjoni kif spjegata fl-avviż pubblikat fil-Gazzetta tal-Gvern fil-15 ta' Ġunju 2001 kienet ittieħdet bl-iskop li jibqa' jkun garantit is-servizz tat-taxis fil-gżira Għawdxija.

Tarxien — Toroq - Asfaltar

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se jsir it-tarmac fi Triq il-Kurunell Mass u Triq 25 ta' Marzu ġewwa Ħal Tarxien peress li jinsabu fi stat diżastruż?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Naqbel ma' l-Onorevoli Interpellant li Triq il-Kurunell Mass u Triq 25 ta' Marzu ġewwa Ħal Tarxien huma fi stat diżastruż u għalhekk il-Ministru ħa ħsieb sabiex jinbeda l-proċess sabiex isiru x-xogħolijiet meħtieġa f'dawn it-toroq. Minħabba illi is-sejħa għall-offerti għadha mhux pubblikata, mhuwiex possibli tingħata data għax-xogħolijiet li jinkludu ħafna aktar mit-tarmac imsemmi fil-mistoqsija.

Ta' Qali — Asfaltar ta' Triq

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb li l-parti ta' fuq ta' Triq il-Pitkali, bejn il-ġibjun u l-pitkali fil-limiti ta' Ta' Qali, hijiex se tiġi mogħtija wiċċ ġdid peress li tinsab fi stat ħażin ħafna?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat illi l-Awtorita' dwar it-Trasport qed tipprepara programm għall-asfaltar ta' diversi toroq madwar Malta kollha u x-xogħol fil-lokalita isir aktar il-quddiem skond il-prijoritatjiet li jirriżultaw.
Leg 10 PQ #8287 Sitting 179 2004-11-01 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — Transfers

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm ingħataw transfers fil-ministeru u d-dipatimenti li jaqgħu taħtha mill-1 ta' Lulju 2004 sal-lum?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li mill-1 ta’ Lulju 2004 sal-lum ingħata transfer wieħed bejn id-dipartimenti li jaqgħu taħt il-Ministeru għal Għawdex.

Ministeru tas-Saħħa — Transfers

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ingħataw transfers fil-ministeru tiegħu u d-dipartimenti li jaqgħu taħtu mill-1 ta' Lulju 2004 sal-lum?

Response (DEGUARA, LOUIS)

In-numru ta' transfers li ngħataw fil-Ministeru tiegħi u d-Dipartimenti li jaqgħu taħtu mill-1 ta' Lulju 2004 sallum kienu b'kollox erbgħa u għoxrin (24), maqsumin hekk: sbatax (17) fid-Diviżjoni tas-Saħħa, li minnhom erbatax (14) intalbu mill-impjegati nfushom u l-bqija (3) saru skond l-esiġenza tas-servizz, kif ukoll sebgħa (7) fid-Dipartiment ta' l-Anzjani u Kura fil-Komunita', li minnhom sitta (6) ingħataw fuq talba tagħhom stess, filwaqt li transfer l-ieħor (1) ingħata minħabba promozzjoni fil-grad.

Ministeru għall-Affarijiet Rurali — Transfers

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ingħataw transfers fil-ministeru tiegħu u d-dipartimenti li jaqgħu taħtu mill-1 ta' Lulju 2004 sal-lum?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li mill-1 ta’ Lulju 2004 sa llum ingħataw sitt (6) transfers mill-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent u mid-Dipartimenti li jaqgħu taħtu għal Ministeri u Dipartimenti oħra.