Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm hu l-ammont ta' kera li l-gvern iħallas lill-privat għall-użu ta' uffiċini/postijiet oħra mikrija lill-gvern jew entitajiet tiegħu? Liema huma dawn il-postijiet mikrija lill-gvern jew entitajiet li huma tal-gvern? Kemm hi kull kera fis-sena u lil min titħallas?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għar-risposta li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 8090.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm huwa l-ammont ta' flus kull xahar li huma intitolati għalih l-impjegati tal-gvern għal użu tal-mobile phones? Kemm huma l-impjegati li qabżu dan l-ammont mill-2003 sa Settembru 2004?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għar-risposta li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 8211.
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-gvern għandux il-ħsieb li jilliberalizza s-servizz tal-hearses, tal-mini buses u/jew tal-white taxis?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Jien infurmat illi fir-rigward tal-Minibuses u l-White Taxis, għalissa l-Awtorita' dwar it-trasport ta' Malta m'hix qed tikkunsidra żidiet fil-permessi eżistenti.
Dwar il-hearses, jidher li n-numru ta' liċenzji hu limitat għal dak li kien eżistenti fl-1970 u s'issa l-ebda amministrazzjoni għadha ma ħasset il-ħtieġa li jinħarġu liċenzji ġodda.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew rifjutati persuni milli jidħlu Malta din is-sena s'issa, għaliex u ta' liema nazzjonalita' kienu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Settembru ta' l-2004 kien hemm 411 persuna li ma tħallietx tidħol wara li waslet Malta. Ir-raġunijiet li għalihom dawn in-nies intbagħtu lura kienu prinċipalment li:
Ma jkollhomx id-dokumenti kollha neċessarji
Ikollhom dokumenti falsifikati
Ma jkollhomx mezzi biżżejjed biex imantnu lilhom infushom f'Malta
Jiġi stabbilit li ma jkunux ġew Malta għal skop ġenwin ta' turiżmu
Ma jkollhomx biljett għar-ritorn
Ikunu suġġetti ta' xi struzzjonijiet biex ma jitħallewx jidħlu Malta minħabba xi każ preċedenti jew xi raġuni oħra
Dawn kienu minn dawn il-pajjiżi:
Algeria
Bulgaria
Egypt
Libya
Philippines
Turkey
Angola
Cameroon
Guatemala
Moldovia
Romania
Ukrania
Bangladesh
Chad
India
Morocco
Russia
Venezuela
Belarus
Chile
Iran
Nepal
Sri Lanka
Yugoslavia
Belgium
China
Jordan
Nigeria
Syria
Bosnia
Colombia
Kenya
Pakistan
Tunisia
Jista' il-Ministru jgħid meta se jagħmel pubbliku l-pjanijiet li għandu dwar il-qasam tas-saħħa?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Membru li bħalissa għadhom għaddejjin id-diskussjonijiet dwar ir-riforma neċessarja fil-qasam tas-Saħħa. Meta dawn jiġu finaliżżati hu ntenzjonat li toħroġ white paper dwar din ir-riforma.
Jista' il-Ministru jgħid x'persentaġġ ta' xogħol tlesta sal-lum meta mqabbel max-xogħol li kellu jsir fil-kuntratt għall-bini tat-toroq: i) ta' Burmarrad; ii) Salina - Iklin; iii) Mosta ring road; iv) Mtarfa bypass?
Meta nbeda x-xogħol fuq kull triq u kemm kien stmat ix-xogħol skond il-kuntratt? Kemm telgħa l-valur tax-xogħol ta' kull triq s'issa? Min kienu l-periti privati nkarigati mix-xogħlijiet f'kull triq?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Burmarrad – Ix-xogħol kollu li kien hemm fil-kuntratt tlesta. Il-proġett ta’ din it-triq beda f’nofs is-sena 2000 u kien stmat li se jiswa Lm 1,347,647. Fuqu tħallsu Lm2,577,365. Il-periti inkarigati mill-proġett kienu l-periti tal-ADT. Waħda mill-kundizzjonijiet tat-tender kienet li l-kuntrattur jinkariga periti privati sabiex isegwu x-xogħol.
Salina-Iklin – Ix-xogħol fil-kuntratt oriġinali tlesta u jonqos isiru xi xogħolijiet oħra bħala extra works u variation. Ix-xogħol fuq dan il-kuntratt beda f’nofs is-sena 2000 u kien stmat li se jiswa Lm1,413,677. Fuq dan il-proġett s’issa tħallsu Lm2,022,307. Il-proġett kien jinkludi wkoll xogħol ta’ service shaft u tunnel li sar minn Ballut Blocks. Dan ix-xogħol li kien stmat Lm78,250 tlesta. S’issa tħallsu Lm74,337. Hemm ukoll xogħol ta’ kostruzzjoni ta’ ‘steel structure’ ġot-tunnel. Dan ix-xogħol għadu ma bediex u stmat li jiswa Lm15,379. Il-periti inkarigati mill-proġett kienu l-periti tal-ADT. Waħda mill-kundizzjonijiet tat-tender kienet li l-kuntrattur jinkariga periti privati sabiex isegwu x-xogħol.
Mosta Ring Road – Fuq dan il-proġett s’issa tlesta madwar 90% tax-xogħol li jonqos biex il-parti tat-triq bejn chainage 200 u 1750 tlesta sal-base course. Ix-xogħol fuq dan il-proġett beda fi frar 2000 u il-kuntratt oriġinali kien ta’ Lm587,014.00. Il-flus approvati telgħu għal Lm1.28miljun u s’issa tħallsu Lm1053534.00. Il-periti inkarigati mill-proġett kienu l-periti tal-ADT. Waħda mill-kundizzjonijiet tat-tender kienet li l-kuntrattur jinkariga periti privati sabiex isegwu x-xogħol.
Fuq il-Mosta Ring Road qed isir xogħol ieħor ta’ surfacing mill-Bitmac Ltd. Il-valur ta’ dan ix-xogħol huwa Lm38,154. Ma kienx hemm periti privati inkarigati minn dan ix-xogħol.
Mtarfa Bypass – Ix-xogħlijiet f’din it-triq saru jew qed isiru minn diversi kuntratti kif gej:
Minn tat-Tabija sa Mtarfa Roundabout
Rikonstuzzjoni tat-triq Lm100,948.00
Minn Mtarfa Roundabout sal-Pont tal-Ferrovija
Bini ta’ Retaining wall Lm 326,048
Cladding tas-sejjiegħ Lm14,918
Tqegħid tas-servizzi Lm64,069
Bankini (qed isir) Lm19,000
Asfaltar (qed isir) Lm77,503
Dwar ix-xogħlijiet pendenti tlesta madwar 75% tax-xogħol tal-bankini u madwar 40% tax-xogħol ta’ l-asfalt. Fuq dawn iż-żewġ kuntratti s’issa ma sar ebda ħlas. Il-periti inkarigati mill-proġett kienu l-periti tal-ADT. Il-kuntrattur ma kellu l-ebda obbligu li jinkariga periti privati.
Tista' il-Ministru tgħid x'tama hemm li xebba omm - id-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - li għandha applikazzjoni quddiem id-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali, tieħu post tal-gvern?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Jien infurmata illi d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali qed jikkunsidra l-applikazzjoni ndikata flimkien ma' oħrajn simili.
Jista' il-Ministru jgħid x'passi ħa d-dipartiment tas-sanita' u/jew l-ispettur sanitarju biex tiġi rimedjata l-problema ta' ilma/drenaġġ f'post li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ilment dwar infiltrazzjoni ġo l-fond indikat, kien oriġinarjament sar fil-15 ta' Settembru 2003. Kien ġie nvestigat minn uffiċjal ta' dan id-Dipartiment, fejn ittieħed kampjun fid-9 t'Ottubru 2003. Tali kampjun irriżulta bi traċċi ta' ammonia.
L-iskular ta' l-ilma kien sussegwentament waqaf u l-persuna li għamlet l-ilment qatt ma reġgħet infurmat li tali nfiltrazzjoni reġgħet bdiet dieħla. Fit-18 ta' Ottubru 2004 uffiċjali minn dan id-Dipartiment reġa' spezzjona l-fond indikat u ma nstab l-ebda nfiltrazzjoni.
Tista' il-Ministru tgħid fejn waslet it-talba ta' anzjana miż-Żejtun - id-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - biex id-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali jipprovdilha post alternattiv?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Jien infurmata illi d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali qed jikkunsidra l-applikazzjoni ndikata flimkien ma' oħrajn simili.
Jista' il-Ministru jgħid x'passi ħa l-ispettur sanitarju biex tissolva l-problema fil-fond li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ilment dwar infiltrazzjoni ġo l-fond indikat, kien oriġinarjament sar fit-28 ta' April 2004. Kien ġie nvestigat minn uffiċjal ta' dan id-Dipartiment, fejn ittieħed kampjun ta' l-infiltrazzjoni fit-30 ta' April 2004. Tali kampjun irriżulta' b'possibilita' t'ilma tal-bir ikkontaminat bi traċċi ta' l-ammonia.
Testijiet kienu saru fid-drenaġġ ta' l-istess residenza fejn ma' rriżulta l-ebda' difett.
Infurmat li wara li saru xi xogħolijiet fil-kanen ta' l-ilma tax-xorb, l-iskular ta' l-infiltrazzjoni kien waqaf. Il-persuna li kienet għamlet l-ilment qatt ma' reġgħet infurmat li tali nfiltrazzjoni reġgħet bdiet.
Wara li reġa' daħal l-ilment, fit-18 ta' Ottubru 2004, uffiċjali ta' dan id-Dipartiment reġgħu bdew l-investigazzjonijiet tagħhom billi ħadu kampjun ta' l-infiltrazzjoni. Tali kampjun irriżulta' li m'hemmx kontaminazzjoni tad-drenaġġ. Għaldaqstant dan il-każ qed jiġi magħluq minn naħa ta' dan id-Dipartiment.
Jista' il-Ministru jgħid x'passi ħadet il-korporazzjoni għas-servizzi ta' l-ilma biex tissolva l-problema ta' l-ilma fil-fond li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li meta uffiċjali tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma marru biex jispezzjonaw il-fond indikat, sabu li dan hu magħluq.
Is-sid tal-post sejjer ikun ikkuntatjat fl-indirizz fejn joqgħod ħalli tkun tista' ssir spezzjoni bħala l-ewwel pass għall investigazzjoni neċessarja.
Tista' il-Ministru tgħid fejn waslet it-talba quddiem l-awtorita' tad-djar bir-ref no: HAW 36/2004?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li wara li ġie kkonfermat li l-persuna ndikata ma kienetx tista' tagħmel ix-xogħolijiet hi stess taħt Skema W, ġie deċiż li dawn isiru taħt l-inizjattiva tal-care and repair.
Ninsab infurmata wkoll li l-Awtorita' tad-Djar mistennija toħroġ tender biex isiru dawn ix-xogħolijiet.
Jista' il-Ministru jgħid min hu r-regolatur tas-summer schools li għandna fil-pajjiż?
Jista' jgħid ukoll kemm isiru spezzjonijiet f'dawn is-summer schools, kemm f'dak li għandu x'jaqsam il-kontenut ta' dak li jsir kif ukoll dwar il-premises fejn dawn jinsabu?
Response (GALEA, LOUIS)
Ninsab informat li billi l-iskejjel tas-sajf privati għad ma humiex regolati, għadu ma nħatarx regolatur. Madankollu kull binja li tintuża għal skop edukattiv hija regolata mill-MEPA li wkoll għandha l-poter li tinforza dwar l-idonjeta u l-użu ta' kull binja.
L-iskejjel ta' l-istat li jipprovdu Skola Sajf huma regolati u sorveljati mid-Dipartiment għas-Servizzi ta' l-Istudent u Relazzjonijiet Internazzjonali tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni.
A.L.60 ta' l-1996 jirregola skejjel li jgħallmu l-Ingliż bħala lingwa barranija.
Jista’ l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 7354?
Response (GALEA, LOUIS)
Ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba dwar in-numri ta' studenti, bniet u subien, suġġett suġġett, mill-iskejjel ta' l-Istat, tal-Knisja u Indipendenti, u kandidati privati li qagħdu għar-resits tas-SEC u taċ-Ċertifikat tal-Matrikola (MATSEC) f'Settembru 2004.
It-tabelli 1 u 2 juru r-riżultati tas-Sec tal-bniet u tas-subien rispettivament. Il-gradi 4 u 5 jikkwalifikaw l-istudenti għal studji ogħla fis-suġġetti rispettivi waqt li l-gradi 6 u 7 juru ukoll li l-istudenti għaddew iżda b'livell iktar baxx. Il-grad U jindika li l-istudenti ma laħqux il-livell mistenni.
It-tabelli 3 u 4 juru r-riżultati tal-livell avvanzat ta' dawk l-istudenti, bniet u subien rispettivament, li qagħdu għall-eżami bħala parti miċ-Ċertifikat tal-Matrikola. Għaddew dawk kollha li ġabu minn A sa E.
Tabelli 5 u 6 juru r-riżultati ta' dawk l-istudenti, bniet u subien rispettivament, li qagħdu għas-suġġetti fil-livell avvanzat separatament miċ-Ċertifikat tal-Matrikola (single subject). Għaddew dawk kollha li ġabu gradi minn A sa E.
Tabelli 7 u 8 juru r-riżultati tal-livell intermedju ta' dawk l-istudenti, bniet u subien rispettivament, li qagħdu għall-eżami bħala parti miċ-Ċertifikat tal-Matrikola. Għaddew dawk kollha li ġabu gradi minn A sa E.
Fil-każ ta' Tabelli minn 3 sa 8 l-informazzjoni dwar it-tip ta' skola inżammet biex tissalvagwardja l-identita' ta' l-iskejjel partikolari.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk id-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni xi darba jew oħra għamlitx survey nazzjonali dwar it-tipjip u l-alkohol fost it-tfal ta’ l-iskola? Jekk fl-affermattiv, jista’ jagħti d-dettalji u jpoġġi kopja fuq il-Mejda tal-Kamra? Jekk le, jista’ jgħid jekk jaqbilx li għandu jiġi organizzat survey biex dawn il-problemi kbar fost l-istudenti jkunu jistgħu jiġu miġġielda b’mod xjentifiku?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni bħala entita' waħidha, qatt ma għamlet survey nazzjonali dwar it-tipjip u l-alkohol fost it-tfal ta' l-iskola. Madankollu, id-Diviżjoni ħadet sehem f'Pilot Project li sar mill-ESPAD (European School Survey Project on Alcohol and other Drugs) F'kollaborazzjoni mal-Kunsill ta' l-Guidance Teachers mill-Guidance and Counselling Services tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni u fl-istess survey ħadu sehem l-iskejjel tal-Knisja u dawk indipendenti.
L-ewwel survey, li kien Pilot Project sar fl-1995 u n-National Report kien ippublikat fl-1997. Wara dan ġie deċiż li dan is-survey jibda jsir kull erba' snin. It-tieni survey sar fl-1999, u 'The 1999 Espad Report Alcohol and other Drug Use Among Students in 30 European Countries' sar fl-1999. Ir-Rapport ġie ppubblikat fi Stockholm f'Diċembru 2000. It-Tielet survey sar f'Jannar 2003 f'Malta, (u aktar tard f'postijiet oħra fl-Ewropa). Ir-riżultati ta' dan is-survey wasal biex jiġi ppubblikat.
F'dawn is-surveys, fil-questionnaire hemm mistoqsijiet dwar drogi, tipjip u alcohol. Studju mniedi mill-Għaqda Dinjija tas-Saħħa u nwettaq mill-Health Promotion Department flimkien mad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni (ħadu sehem School Counsellors, Guidance Teachers u P.S.D Teachers) sar f'Malta fis-sena 2000, bħala Pilot Project. Is-Survey kien jismu 'Imġieba għall-Ħajja Aktar f'Saħħitha fi Tfal ta' l-iskola'. F'dan is-survey hemm mistoqsijiet dwar it-tipjip, alcohol u drogi.
Survey ieħor sar fl-2002 u kien imsejjaħ 'Health Behaviour in School-Aged children.' Is-Survey sar kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż. Fost il-mistoqsijiet kien hemm dawk dwar it-tipjip, alcohol u droga.
Informat ukoll li qegħdin isiru surveys minn organizzazjonijiet kompetenti f'dawn is-suġġetti.
Jista’ il-Vici Prim Ministru jgħid jekk sarx jaf b’rapporti f’gazzetti Ingliżi li jgħidu li Niġerjan Anthony Ibafuna weħel il-ħabs fl-Ingilterra talli daħal fil-pajjiż minn Malta b’passaport falz li seraq mingħand sieħbu Ferdinand Nove waqt li kien f’pajjiżna? Jaf li l-Imhallef Ingliż kien sorpriż li tħalla jitlaq minn Malta għax ir-ritratt fuq il-passport ma kien jaqbel xejn? Jista’ jgħid il-Ministru jekk il-pulizija Ingliża nfurmatx lill-pulizija Maltija dwar dan il-każ? Saret xi inkjesta hawn dwar kif din il-persuna tħalliet titlaq minn Malta b’passaport falz li skond l-Imħallef Ingliż kellu ritratt li ma kien jaqbel xejn ma’ dak ta’ Ibafuna?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija Maltija ma kellha ebda tagħrif mill-Pulizija Ingliża dwar il-każ imsemmi mill-Onorevoli Interpellant.
Jista’ l-Viċi Prim Ministru jgħid x’jgħidu r-regolamenti dwar in-numru ta’nies li jitħallew jidħlu f’night clubs? Peress li kelli ilmenti minn xi żgħażagħ li ħafna drabi tant ikun hemm nies f’ċerti night clubs f’Paceville li jkunu ppakkjati bin-nies, jista’ jgħid jekk il-pulizija jagħtux daqqa t’għajn biex jaraw li dawn il-liġijiet qed jiġu osservati?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi skond ir-regolament numru 12 tar-Regolamenti biex jinżamm il-Bon Ordni f'Lokalitajiet ta' Divertiment, għandu jiġi stipulat fuq il-permess jew il-liċenzja li jkunu jawtorizzaw li jsir xi party jew disco f'xi lokalita' ta' divertiment, l-akbar numru ta' persuni li jistgħu jiddaħħlu f'dik il-lokalita' ta' divertiment. Meta n-numru ta' persuni f'xi lokalita' ta' divertiment ikun jeċċedi l-akbar numru stipulat fil-permess jew liċenzja relattivi, il-proprjetarju u s-sid jew l-amministratur ta' dik il-lokalita' ta' divertiment ikunu ħatja ta' reat u jistgħu jeħlu l-istess pieni bħal dawk stipulati fis-sub-regolament (4) tar-regolament 6 ta' dawn ir-Regolamenti.
Infurmat ukoll li l-Pulizija ser tkompli tagħmel spezzjonijiet f'postijiet ta' divertiment għal xi ksur tar-regolamenti.