Dipartiment ta' l-artijiet — Ħsara fis-soqfa ta' garaxx
Question
Jista' il-Ministru jara li tissewwa l-ħsara li hemm fis-soqfa tal-garaxx - tender no. 72595?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li t-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern kienet irreferiet il-każ lid-Dipartiment tal-Kostruzzjoni u Manutenzjoni fi ħdan il-Ministeru għar-Riżorsi u Infrastruttura sabiex jittieħdu il-passi neċessarji dwar il-ħsara fil-garaxx imsemmi mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ilu li twaqqaf il-hedging agreement li kellha l-korporazzjoni Enemalta? Meta kien sar? B'kemm kien jinxtara ż-żejt meta kellna dan il-ftehim u kemm inxtara (b'kull bidla li seħħet fil-prezz u d-data) minn meta twaqqaf sal-lum?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 7723 u cioe' jgħid kemm minn dawk li kienu impjegati ta' MDC, IPSE u METCO u li ma ġewx integrati mal-Malta Enterprise għadhom ma nstabilhomx xogħol ieħor produttiv u permanenti u għadhom jiddependu minn xi qasam ieħor tal-gvern jew minn xi kumpannija li tagħha l-gvern huwa shareholder ewlieni?
Response (GATT, AUSTIN)
Jien infurmat li n-numru ta' impjegati ta' l-MDC, IPSE u METCO li sat-22 ta' Ottubru 2004 ma ġewx integrati mal-Malta Enterprise u għadu ma nstabilhomx xogħol huma ta' 22. Uħud minn dawn diġa għamlu xi intervisti għal impjieg u għalhekk in-numru jinbidel (jonqos) minn żmien għal żmien hekk kif jinstab xogħol fejn jiġu assenjati.
Sa l-istess ġurnata instab xogħol alternattiv għal 45 impjegat mal-gvern jew parastatali fejn qed ikunu produttivi fil-postijiet rispettivi tagħhom.
B'riferenza għat-tweġiba li ngħatat fis-seduta 171 tat-12 ta' Ottubru 2004 għall-mistoqsija parlamentari 7604 li tittratta s-servizz ta' l-internet għall-impjegati fil-MEPA, peress li bid-deċiżjoni li ttieħdet irriżulta li impjegati (klerikali u tekniċi/amministrattivi) f'direttorati oħra fl-istess awtorita' xorta baqgħu jgawdu dan is-servizz u fl-istess ħin gradi professjonali fid-direttorat ta' l-ippjanar (li jinkludu fost oħrajn anke individwi li mhux qed jagħmlu kors l-universita' imħallsa mill-istess awtorita') kif ukoll oħrajn tekniċi li ġew esklużi b'din l-azzjoni, qed isibu diffikultajiet biex iwettqu l-obbligi kollha lejn il-professjoni tagħhom li timplika ammont ta' aġġornament kontinwu kif ukoll riċerka, jista' il-Ministru jgħid għaliex ma tteħdux miżuri oħra biex din id-deċiżjoni ma tkunx ta' detriment għal dan in-numru ta' staff fl-istess awtorita'? Ma jistax jintuża aħjar software partikolari fl-awtorita' li jirregola b'mod aħjar, permezz ta' aktar filtering, aċċess għal ċerti siti, informazzjoni li jista' ikollha kontenut dubjuż? Għaliex din id-deċiżjoni ma ġietx ikkommunikata b'mod dinjituż ma' l-istaff kollu fl-awtorita'? X'qed iżomm lill-management milli josserva l-linji gwida li għamel hu xi żmien ilu wara li soluzzjoni ġusta tittieħed f'dan ir-rigward? Tista' tikkonferma li gradi tekniċi u klerikali kif ukoll professjonisti fiż-żewġ direttorati l-oħra baqgħu bl-aċċess għal dan is-servizz bażiku?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-management tad-Direttorat ta' l-Ippjanar ħass li l-produttivita’ ta' ċerti gradi ta' mpjegati kien affetwat b'mod negattiv mindu ġie pprovdut l-aċċess ta' l-internet xi xhur ilu. Ninsab infurmat ukoll li dawn l-imjegati m’għandhomx xi bżonn partikolari għall-internet għax-xogħol tagħhom, u kieku stess, dan' l-aċċess huwa pprovdut fil-librerija ta’ l-Awotorita`. Għalhekk aktar kontrolli u aspetti amministrattivi oħra msemmijin fil-mistoqsija jservu biss biex iżidu piż amministrativ fuq l-istess Awtorita`.
Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 6984 u cioe' jista' jgħid jekk fis-snin 1999, 2000, 2001, 2002, 2003 u din is-sena sal-lum kienx hemm rappurtat li xi tfal/studenti li jattendu l-iskejjel ta' l-istat inqabdu b'xi drogi u armi tan-nar, meta u f'liema skola, x'passi ttieħdu u kemm kellhom eta' it-tfal f'kull każ?
Response (GALEA, LOUIS)
Ġejt informat li mill-istatistika li iżżomm it-Taqsima kontra l-Abbuż ta' l-Edukazzjoni (imwaqqfa fl-2001) ġew rapportati 40 każ ta' abbuż ta' droga (6 Skejjel tal-Knisja, 7 Post-Sekondarji, 27 Skejjel ta' l-Istat). L-eta' tvarja minn 14 sa 18 il-sena. Minn dawn 26 każ ġew riferuti lill-Skwadra tad-Drogi tal-Puluzija u 14 lis-Sedqa.
Kien hemm każ wieħed fejn student ta' 14 il-sena kellu Air Pistol. L-arma ġiet konfiskata.
Jista' il-Ministru jgħid matul l-ewwel disa' xhur ta' din is-sena kemm-il serqa ta' oġġetti ġiet rapportata li saret fid-dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt il-ministeru kif ukoll minn fuq proġetti li għaddej bihom il-ministeru?
X'kienu l-oġġetti misruqa u kemm jammontaw f'ċifra ta' flus globali?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li matul l-ewwel disa' xhur ta' din is-sena nsterqu LM 500.50 cash mill-Malta Society of Arts Manufacture and Commerce. Dawn kienu jikkonsistu fi flus mill-vending machine, petty cash float u s-safe.
F'dan il-perijodu nsterqu wkoll moon rock u tazza rumana li ma jistax jingħata prezz għalihom kif ukoll Airforce World War II bicycle headlamp ta' valur zgħir.
Tista' il-Ministru tgħid matul l-ewwel disa' xhur ta' din is-sena kemm-il serqa ta' oġġetti ġiet rapportata li saret fid-dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt il-ministeru kif ukoll minn fuq proġetti li għaddej bihom il-ministeru?
X'kienu l-oġġetti misruqa u kemm jammontaw f'ċifra ta' flus globali?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li kien hemm 3 każijiet ta' serq li ġew rrapurtati matul l-ewwel disa’ xhur ta’ din s-sena.
L-oġġetti misruqa kienu cable tat-3 phase li l-valur tiegħu jammonta għal mitt lira, numru ta' xtieli b'valur stmat ta' madwar ħames liri u first aid box b'valur ta' sitt liri u ħamsa u sebgħin ċenteżmu.
Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informatika — Rapporti ta' Serq
Question
Jista' il-Ministru jgħid matul l-ewwel disa' xhur ta' din is-sena kemm-il serqa ta' oġġetti ġiet rapportata li saret fid-dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt il-ministeru kif ukoll minn fuq proġetti li għaddej bihom il-ministeru?
X'kienu l-oġġetti misruqa u kemm jammontaw f'ċifra ta' flus globali?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' il-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess tal-ħruġ tat-tender tal-lukanda ta' l-Air Malta operata mill-Holiday Inn? X'inhi l-pożizzjoni ta' l-impjiegi tal-ħaddiema?
Response (GATT, AUSTIN)
L-Air Malta ser tbigħ l-ishma tagħha fil-kumpanija Tigne Development Co. Ltd. permezz ta' sejħa għall-offerti. Il-preparamenti għall-ħruġ ta' din is-sejħa jinstabu fi stadju avvanzat u huwa stmat li din issir sa l-ewwel nofs tal-2005. Rigward l-impjegati tal-kumpanija Tigne Development Co. Ltd dawn għandhom relazzjoni kuntrattwali mal-kumpannija Tigne Development Co. Ltd.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' kunsilliera u sindki, lokal lokal f'Malta u Għawdex, li rriżenjaw sena b'sena minn meta twaqqfu l-kunsilli lokali fil-gżejjer tagħna?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qedha tinġabar, u din tingħata tweġiba f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid jekk għadx hemm arranġamenti preferenzjali dwar xiri taż-żejt mil-Libja? Jekk iva, meta xtrat l-aħħar il-korporazzjoni Enemalta minn dan is-sors, kemm xtrat u jekk le, meta ntemm l-arranġament?
Response (GATT, AUSTIN)
L-Enemalta ma għadx għandha arranġamenti preferenzjali dwar xiri taż-żejt mil-Libja.
L-aħħar arranġament li kien hemm, intemm fl-aħħar tas-sena 2003.
Peress li l-Għawdxin qed ibatu minn inkonvenjenti kbar biex jagħmlu t-test tal-liċenzja tas-sewqan għax dan it-test (l-iskritt) irid isir Malta u kif ukoll biex isir il-prattiku jridu jistennew li jinġabru group ta' applikanti u allura bejn sessjoni u oħra qed ikun hemm id-dewmien, jista' il-Ministru jara li jittieħdu passi biex dawn l-inkonvenjenti jitneħħew a benefiċċju ta' l-applikanti Għawdxin?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
B’riferenza għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 8369 ġejt infurmat li:-
1. It test tat-teorija (l-iskritt) li bħalissa jsir f’Malta mhux ġustifikat ekonomikament li jsir ġewwa Għawdex.
2. L-iskeda tat-testijiet tal-prattika’ ġo Għawdex ser issir b’mod li t-testijiet tal-vetturi żgħar u muturi se jiġu integrati ma’ dawk tal-vetturi l-kbar (trakkijiet inkluż bit-trejler, xarabanks u minibuses) sabiex kull test jidħol awtomatikament fil-jum li jkun imiss. B’hekk jiġi evitat li l-Għawdxin idumu jistennew biex jingħataw appuntament għal test b’vetturi kbar.
3. Id-Direttorat tal-Liċenzji u Testijiet ser iżid eżaminatur tat-testijiet ieħor, li jitla’ Għawdex kull nhar t’Erbgħa b’effett mit-3 ta’ Novembru 2004. B’hekk , nirdoppjaw in-numru ta’ testijiet tal-prattika ġo Għawdex u għalhekk jonqos il-perjodu bejn il-jum li jsir l-appuntament għat-test u t-test proprju.
Tista' il-Ministru ġentilment tgħid kemm-il persuna ġiet boarded out f'dawn l-aħħar ħames snin kull sena separatament? Tista' tgħid ukoll kemm minn dawn ġew boarded out għal raġunijiet fiżiċi u psikoloġiċi? Kemm minnhom kienu nisa u kemm kienu rġiel? X'inhuma l-etajiet rispettivi tagħhom?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li ma tinżammx statistika dwar l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellanti dwar l-aħħar tlett partijiet tal-Mistoqsija.
L-informazzjoni mitluba fl-ewwel parti tal-Mistoqsija qed tinġabar u Tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 8053 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Familja u tas-Solidarjeta' Soċjali u cioe' peress li ġejt informat li l-plot huwa tal-privat, jista' il-Viċi Prim Ministru jara li l-kunsill lokali jieħu passi sabiex is-sid ta' dan il-plot ma jħallihx fl-istat li hu?
Response (BORG, TONIO)
Bħal ma jaf l-Onor. Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta' gvern lokali b'personalita' legali distinta u għalhekk nissuġġerilu jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali konċernat.
Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 8007 u cioe' jista' jgħid x'inhu eżattament l-investiment tal-Malta Freeport Co. Ltd fil-port ta' Brindisi? Jista' jagħti rendikont sena b'sena sal-lum?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għad-dokumenti dettaljati mpoġġija fuq il-Mejda tal-Kamra.