Legislature:
Category:
Reset
Active:

Belt Valletta — Karozzini li jsorġu quddiem il-Palazz

Question

Huwa possibbli għall-Ministru li jkun daqstant ġentili u jispjega x'għadu jżomm milli tinstab soluzzjoni għall-problema ta' nuqqas ta' ilqugħ għaż-żwiemel/karozzini li jgħaddu ġranet sħaħ taħt ix-xemx tiżreġ quddiem il-Palazz, il-Belt?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onor. Membru jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Awtorita' Marittima ta' Malta — Irmiġġi

Question

Jista' il-Ministru jkun daqstant ġentili u jgħid kemm kien l-introjtu tal-Malta Maritime Authority mill-irmiġġi fis-sena 2003 u din is-sena (s'issa)? Kemm għandha arretrati ta' ħlas ta' irmiġġi din l-awtorita'?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-introjtu mill-irmiġġi u arretrati għal ħlas ta' rmiġġi huwa dan: Dħul Sena 2003 Dħul Sena 2004 Arretrati (Jannar - Settembru) Marina Berths Lm504,472 Lm435,223 Lm119,742 Organised Mooring Plans Lm18,155 Lm16,614 Lm4,795

MEPA — Proġetti relatati mal-monitoring tal-kwalita' ta' l-arja

Question

Jista' il-Ministru jkun daqstant ġentili u jgħid jekk il-MEPA applikatx għal xi fondi mill-Unjoni Ewropea għal proġetti relatati mal-monitoring tal-kwalita' ta' l-arja u l-protezzjoni tan-natura/ambjent? X'kien l-eżitu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Cottonera — Proġett

Question

Jista' il-Ministru jkun daqstant ġentili u jikkonferma/jispjega jekk, fil-kontest tal-proġett tal-Cottonera, huwiex maħsub li jkun hemm Promenade li tgħaqqad il-Kalkara, il-Birgu, il-Baċir nru. 1 u l-Isla? X'inhuma t-timeframes li huma applikabbli għal dan il-każ u jekk humiex se jkunu l-ħaddiema tal-Gvern jew le li jagħmlu dan ix-xogħol lodevoli?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Il-proġett tad-Dock No 1 ser jinkludi promenade li tgħaqqad dak ippjanat u li qed jiġi żviluppat għall-parti tal-Birgu flimkien ma' dak ta' l-Isla. Il-proġett tad-Dock No 1 ser jkun żviluppat fuq sistema ta' Public Partnership kif sar fil-każ ta' Proġetti Kapitali oħra. Bħalissa l-'brief' tal-proġett Dock No1 qiegħed għand il-MEPA u ser jinbeda il-proċess ta' konsultazzjoni pubblika.

Skejjel — Każi ta' sexual abuse

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew irrappurtati każi ta' sexual abuse fl-iskejjel sekondarji, post sekondarji u fl-Universita' din is-sena?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li din is-sena ma ġie rrapurtat l-ebda każ ta' abbuż sesswali fl-iskejjel sekondarji, post sekondarji u fl-Universita' ta' Malta.

AFM — Membri li nqabdu jieħdu d-droga

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' membri ta' l-armata li nstabu li ħadu d-droga din is-sena u x'rank kellhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Matul din is-sena, cioé l-2004, sa l-aħħar ta’ Settembru, kien hemm erba’ każijiet ta’ membri ta’ l-Armata li nstabu li kienu b’xi mod jew ieħor jabbużaw minn drogi. Ir-rank ta’ dawn il-membri kien ta’ gunner. L-erba’ individwi m’għadhomx aktar membri ta’ l-Armata.

CCF — Priġunieri

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' ħabsin li nstabu li ħadu d-droga waqt li kienu l-ħabs din is-sena?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li mill-1 ta' Jannar sat-30 ta' Settembru 2004 minn 606 priġunier li daħlu l-ħabs mill-bidu tas-sena ħamsa u erbgħin (45) instabu pożittivi għad-droga.

Dipartiment tas-saħħa — Tqassim ta' siringi

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm tqassmu siringi lil dawk li jabbużaw mid-droga din is-sena u minn fejn tqassmu?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Infurmat li t-total ta' siringi li tqassmu lil dawk li jabbużaw mid-droga din is-sena (minn Jannar sa Awissu) huwa: Furjana Qormi Gżira Raħal Ġdid Bormla Mosta Rabat 30449 12468 28618 43200 10199 12621 4491

Dipartiment tas-Saħħa — Testijiet tal-HIV

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm saru testijiet għall-HIV din is-sena u kemm kienu pożittivi?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li matul is-sena 2004 saru 3791 test għal HIV antibodies sal-aħħar ta' Awissu fil-Virology Unit tad-Dipartiment tal- Patoloġija ġewwa l-isptar San Luqa. Minn dawn 12 irriżultaw positivi. Peress li dawn it-testijiet huma anonimi jista hemm l-istess persuna li għamlet it-test aktar minn darba.

Dipartiment għat-tiswija tal-postijiet tal-gvern

Question

Tista' il-Ministru tieħu passi biex id-dipartiment għat-tiswija tal-postijiet tal-gvern jirrimedja l-inkonvenjent li persuni - id-dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament - qed jallegaw li nħolqilhom meta nbniet binja biswit id-dar tagħhom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Għaddejt it-talba ta' l-Onorevoli Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar għall-azzjoni meħtieġa.

Awtorita' tad-Djar — Servizz care & repair

Question

Tista' il-Ministru tara li jittieħdu l-passi neċessarji biex il-persuna - id-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - tibbenefika mis-servizz care & repair ta' l-awtorita' tad-djar?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li f'Ġunju 2002, il-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ibbenefikat minn għotja taħt Skema Z ta' l-Awtorita' tad-Djar biex isiru diversi xogħolijiet għall-irranġar fir-residenza privata tagħha. Ninsab infurmata wkoll li permezz ta' dawn ix-xogħolijiet il-fond inġieb up to standard skond kif ċertifikat minn perit ta' l-Awtorita' tad-Djar.

Djar — Talba għal akkomodazzjoni alternattiva

Question

Tista' il-Ministru tgħid x'tama hemm li l-persuna - id-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - tiġi pprovduta b'post alternattiv mid-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Jien infurmata illi d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali qed jikkunsidra l-applikazzjoni ndikata flimkien ma' oħrajn simili.

Djar — Twaqqigħ ta' fond

Question

Tista' il-Minsitru tgħid jekk hemmx il-ħsieb li jaqa' il-fond li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-fond li għamel referenza għalih l-Onor. Interpellant hu ndikat għat-twaqqigħ bħala parti mit-tielet fażi tal-proġett ta' riabilitazzjoni taż-żona ta' Santa Liena.

Postijiet ta' divertiment

Question

Jista’ il-Viċi Prim Ministru jgħid fiż-żjarat li saru biex jiġi żgurat li kull post ta’ divertiment huwa attrezzat kif suppost skond il-liġi għal affarijiet bħal ħruġ ta’malajr minħabba ħruq jew inċidenti oħra, liema kienu dawk il-lokalitajiet li nstabu b’nuqqasijiet? Kemm saru żjarat din is-sena? Jeżisti l-poter ta’għeluq tal-post jekk in-nuqqasijiet ikunu serji?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 8074.

Injezzjoni kontra l-influwenza

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm–il persuna ħadet l-injezzjoni kontra l-influenza s’issa din is-sena miċ-ċentri tas-saħħa? Kemm kienu persuni anzjani ’l fuq minn 60 sena? Jista’ jagħti dettalji għal kull ċentru separatament? Jinżamm rekord ta’ kemm ingħataw injezzjonijiet privatament minn tobba?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li t-total tat-tilqim kontra l-influwenza li ngħataw miċ-Ċentri tas-Saħħa din is-sena (sat-18 ta' Ottubru) separatament f'Malta u Għawdex huwa kif ġej: Furjana 2229 Mosta 1350 B'Kara 1986 Bormla 705 Raħal Ġdid 1627 Qormi 1206 Rabat 837 Għawdex 1401 Total 11,341 Fl-istess żmien ġew distribwiti 3026 il-tilqima lill-Kunsilli Lokali u 6732 lill-istituzzjonijiet bħal djar tal-anzjani jew sptarijiet, biex jingħataw minnhom direttament lill-anzjani, morda b'ċerti kondizzjonijiet jew lis-staff u b'hekk jiffrankawlhom li jiġu iċ-Ċentri tas-Saħħa. Minn din is-sena bdiet tinġabar informazzjoni aktar dettaljat mid-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika dwar min qed jieħu t-tilqima, liema informazzjoni, tinkludi kemm mill-persuni imlaqqma kontra l-influwenza huma ta' eta' il fuq minn 60 sena. Din l-informazzjoni għadha qed tiġi miġbura u analiżżata. Ma tinżammx statistika ta kemm jingħataw injezzjonijiet fil-privat.

FTS — Rapporti dwar l-iskejjel

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ir-rapport dwar l-istat ta’ kull skola li kien qed isir mill-FTS tlestiex jew le? Jekk fl-affermattiv, jista’ jpoġġi kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-FTS għandha rapport dwar il-bżonnijiet ta' immodernizzar fuq kull skola tal-Gvern li jiġbor fih ċertu ammont ta' dettal. Ma jidhirlix li hu l-każ li f'dan l-istadju ir-rapporti jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.

Marsa Sports Ground — Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ser jitlesta x-xogħol li qed isir fil-Marsa Sports Ground fejn hemm il-ground li fuqu jsir il-logħob tar-rugby? Jista’ jgħid jekk dan ix-xogħol hux ser ikun lest fil-ħin għal logħob internazzjonali tat-tim nazzjonali tar-rugby?

Response (GALEA, LOUIS)

Ninsab informat li x-xogħol li kellu jsir minn naħa tal-Kunsill Malti għall-Isports fil-Marsa Sports Ground sar, inkluż iż-żriegħ ta' l-istess grawnd. Informat li l-grawnd ser ikun lest għall-ewwel logħba internazzjonali li ser issir nhar is-Sibt 6 ta' Novembru.

FTS — Ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fil-preżent kemm hemm ħaddiema jaħdmu mal-FTS? Min huma u x’inhu x-xogħol li dawn qed jagħmlu? Jista’ jgħid ukoll jekk dawn hux qed jaħdmu b’kuntratt jew le?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-FTS timpjega fuq bażi ta' kuntratt 19 il-impjegat kif ġej : 4 Periti, Inġinier Elettriku, 3 Draughtsman, Chief Finance Officer, Executive Accountant, Koordinatur tal-Proġetti, Management Consultant, tliet persuni fuq xogħol klerikali / segretarjali, Receptionist, Koordinatur Servizzi Skejjel u Messaġġier / Handyman.

FTS — Membri tal-bord

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-membri tal-Bord tal-FTS li jinsabu mmexxija mis-Sur Ray Fenech? Jista’ jgħid ukoll xi kriterji ntużaw għall-għażla tagħhom u x’inhu l-qasam li ġejjin minnu? X’inhuma r-responsabiltajiet tagħhom fi ħdan l-istess fondazzjoni? Kemm qed jitħallsu kull wieħed u waħda minnhom?

Response (GALEA, LOUIS)

L-Bord tal-FTS huwa magħmul minn : Mr.Raymond Fenech - Chairman Ms.Louise Aquilina - Board Member (Ministeru Edukazzjoni) Dr.Peter Fenech - Board Member (Avukat) Mr. Joseph Magro - Vice Chairman (Direttur Edukazzjoni) Mr.Alfred Rizzo - Board Member (Ministeru Finanzi) Ms.Marilyn Sciortino - Board Member (Assistent Direttur Edukazzjoni) Informat li l-membri ta' dan il-Bord huma intitolati Lm100 fix-xahar bħala onorarju. Ir-responsabilitajiet tagħhom huma dawk ta' membri ta' Bord ta' Ente Pubblika kif stabbilit fl-Istatut li kien tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.