Legislature:
Category:
Reset
Active:

Dipartiment ta' l-artijiet — Applikazzjoni għal biċċa art

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid fejn waslet it-talba li għamel il-persuna - id-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, quddiem id-dipartiment ta' l-artijiet biex jakkwista biċċa art żgħira biex isebbaħ l-ambjent?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li t-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern fil-futur qarib ser toħroġ sejħa għal offerti għall-kiri tal-biċċa art li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant.

Pulizija — Imġarr - Għassa tal-Pulizija

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex l-għassa ta' l-Imġarr Malta hija magħluqa? Jista' jara li din terġa' tinfetaħ mill-ġdid ħalli l-komunita' ta' l-Imġarr ma jkollhiex aktar l-għassa tal-lokal magħluqa? Jekk fl-affermattiv, meta?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi kemm jista' jkun l-Għassa tal-Pulizija msemmija mill-Onorevoli Interpellant tkun miftuħa. Madankollu, ikun hemm drabi fejn l-eżiġenzi tas-servizz ikunu jirrikjedu lill-Pulizija li jkun għassa li joħroġ fuq xogħol x'imkien ieħor, bil-konsegwenza li l-għassa jkollha tingħalaq għal dak il-ħin.

Persuni Self-Employed — Ħlas ta' l-NI

Question

Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 7661 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Familja u Solidarjeta' Soċjali u li issa ġiet riferuta lilu u cioe jgħid kemm hu n-numru ta' persuni self-employed li huma regolari fil-ħlas tal-bolla tas-sigurta' soċjali, l-NI? Jista' jgħid kemm hu n-numru ta' persuni self-employed li għandhom arranġamenti speċjali sabiex iħallsu l-arretrati ta' l-NI? Jista' jgħid kemm hi ċ-ċifra globali li trid titħallas f'arretrati minn dawn is-self-employed?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u r-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.

Wied il-Qlejjgħa — Ħsarat Kawża tal-Maltempata

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 7651 u r-risposta tagħha, nixtieq ngħarraf lill-Ministru li jien kont qed nirriferi għal maltempata ta' Settembru 2003.

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li mill-informazzjoni li nġabret, ma tistax tingħata figura ta’ l-ispiża speċifikament għal Wied il-Qlejja.

Biedja u Sajd — Impjegati Ġodda

Question

B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 7646, jista' il-Ministru jinformana x'ġara mid-dipartiment tal-biedja u sajd? Jista' jinformana għaliex neħħa d-dipartiment tal-biedja u s-sajd meta l-biedja u s-sajd f'Malta u Għawdex għadhom jeżistu? Jista' jinforma lill-Kamra x'hemm ħażin li pajjiż ikollu dipartiment tal-biedja u s-sajd?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li d-Dipartiment tal-Biedja u Sajd bħala entita’ waħda ma jeżistix. Jeżistu tliet Diviżjonijiet separate, wieħed tas-Servizzi Agrikoli u Żvilupp Rurali, ieħor tal-Konservazzjoni u Kontroll tas-Sajd, u ieħor a’ l-Ikel u affarijiet Veterinarji. Dan l-arranġament sar fil-Leġislatura preċedenti minħabba x-xogħol u responsabbilta’ kbira li għandhom dawn id-diviżjonijiet, b’ mod partikolari minħabba l-obbligi ta’ l-Acquis Communautaire kif ukoll l-implimentazzjoni tal-politika Komuni kemm fl-Agrikultura u Sajd. Kull wieħed minn dawn id-diviżjonijiet għandu direttorati jew units b’ funzjonijiet distinti.

Laħam Abjad — Prezzijiet

Question

B'riferenza għat-tweġiba tal-Ministeru ta' l-Affarijiet Rurali, jista' il-Ministru jpoġġi kopja tal-monitoraġġ li sar minn Mejju 'l hawn fuq il-livell ta' prezzijiet u ta' produzzjoni tal-laħam abjad sabiex kien stabbli lill-gvern li ma kienx hemm ħtieġa li jiġu applikati s-salvagwardi tal-biedja? Min kienu l-uffiċjali u d-dipartiment responsabbli minn dan il-monitoraġġ?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li m' hux possibbli li tingħata "kopja" tal-monitoraġġ li sar dwar l-importazzjoni u l-produzzjoni lokali għax dan huwa mekkaniżmu u mhux dokument. Biss nista' naċċerta lill-Onor Interpellant illi mill-1 ta' Mejju sal-lum qatt ma kien hemm sitwazzjoni li tiġġustifika li tiġi applikata l-Klawżula tas-Salvagwardja biex tħares lill-produtturi Maltin, speċjalment meta wieħed jikkunsidra l-livell tra' sussidju li qegħdin jirċievu permeżż tal-Programm Speċjali għall-Agrikultura Maltija (SMPPMA). Il-proċess ta' monitoraġġ isir minn uffiċċjali tal-Ministeru u tad-Diviżjoni kkonċernata, waqt li t-tagħrif dwar l-importazzjoni jinkiseb mill-formola INTRASTAT, li kopja tagħha trid tingħata mill-importaturi lill-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent. Ma naħsibx li huwa l-każ li nagħti l-ismijiet ta' l-uffiċċjali kkonċernati.

Għeneb — Prezzijiet

Question

B'riferenza għat-tweġiba tal-ministeru ta' l-Affarijiet Rurali, jista' il-Ministru jpoġġi kopja tal-monitoraġġ li sar minn Mejju 'l hawn fuq il-livell ta' prezzijiet u ta' produzzjoni ta' l-għeneb sabiex kien stabbli lill-gvern li ma kienx hemm ħtieġa li jiġu applikati s-salvagwardi tal-biedja? Min kienu l-uffiċjali u d-dipartiment responsabbli minn dan il-monitoraġġ?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi l-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari numru. 8317.

Faċilita' Korrettiva ta' Kordin — Każi ta' Rape

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk fis-snin 2000, 2001, 2002, 2003 u 2004 s'issa ġewx rapportati każi ta' rape fil-faċilita' korrettiva ta' Kordin? Jekk fl-affermattiv, x'passi ttieħdu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li matul is-snin imsemmija ma kienx hemm rapporti ta' rape ġewwa l-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin.

Armata — Każi ta' Molesti Sesswali

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk fis-snin 2000, 2001, 2002, 2003 u 2004 s'issa ġewx rapportati molestji sesswali bejn is-suldati, u jekk fl-affermattiv x'passi ttieħdu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li bejn is-snin 2000 u 2004 ma ġewx rapportati molestji sesswali bejn is-suldati.

Armata — Atti Kriminali

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk bejn l-2000 u l-2004 kienx hemm xi suldati li ġew rapportati li kkommettew atti kriminali u jekk fl-affermattiv, x'passi ttieħdu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li bejn is-snin 2000 u 2004, kien hemm disgħa u ħamsin suldat li tressqu l-qorti akkużati li kkommettew att kriminali. Għoxrin instabu ħatja, sbatax ġew illiberati u quddiem il-qrati għad fadal tnejn u għoxrin każ pendenti. Fost dawk li nstabu ħatja kien hemm sebgħa li ngħataw ‘Twissija Uffiċjali lill-akkużat’ skond l-Att tal-Forzi Armati ta’ Malta ta’ 1970, sitta oħra tkeċċew ‘fl-Interess tas-Servizz’ filwaqt li s-sebgħa l-oħra ma ttieħdux passi minn naħa tal-Forzi Armati ta’ Malta, peress li offiża kienet waħda żgħira. Dan, s’intendi, barra s-sentenza mgħotija mill-qorti.

Birgu — Akkomodazzjoni alternattiva

Question

Tista' il-Ministru tgħid x'tama hemm li famlja - id-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - li għandha 144 punt quddiem id-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali tiġi pprovduta post alternattiv?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-punti ndikati mill-Onor. Interpellant mhumiex korretti. Ninsab infurmata wkoll li l-applikazzjoni li għamel referenza għaliha qed tiġi kkunsidrata flimkien ma' oħrajn simili.

Pulizija — Permess għal Residenza

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid meta se jinħareġ il-permess lill-persuna - id-detallji dwarha qed jintbagħtu separatament - biex toqgħod hawn Malta?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi kemm l-Uffiċċju Prinċipali tal-Immigrazzjoni kif ukoll id-Dipartiment taċ-Ċittadinanza u tal-Expatriates m'għandhomx xi talba pendenti sabiex il-persuna li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant tingħata permess tidħol f'Malta.

MDC — Proġett ta' zona għall-industriji

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 8066 u cioe' jista' jgħid jekk il-gvern hux beħsiebu jmexxi 'il quddiem il-proġett ta' zona għall-industriji li għandhom bżonn aċċess għall-baħar, dwar liema proġett l-MDC kienet ħejjiet pjanijiet preliminari fl-1997, u dwar liema proġett l-MDC, il-MIMCOL u l-Marsa Shipbuilding kienu bdew taħditiet preliminari fl-1998 bil-barka ta' l-Amministrazzjoni Laburista? Jekk iva, jista' jgħid fejn wasal dan il-proġett u meta huwa maħsub li jkun jista' jilqa' l-ewwel investituri?

Response (GATT, AUSTIN)

Il-Gvern qiegħed jistudja fid-dettal id-diversi mudelli li jistgħu jiġu addattati għal dan il-proġett. Meta tittieħed deċiżjoni finali, din tittħabbar mill-Gvern.

MDC

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 8067 u cioe' jista' jgħid jekk il-gvern hux beħsiebu jmexxi 'il quddiem il-proġett ta' zona għal servizzi għall-avjazzjoni u industriji relatati, fil-limiti ta' Ħal Safi, dwar liema proġett l-MDC kienet ħejjiet pjanijiet preliminari fl-1997 wara konsultazzjonijiet mad-dipartiment ta' l-avjazzjoni ċivili u dwar liema proġett l-MDC u l-Forzi Armati ta' Malta kienu waslu għal ftehim preliminari fl-1998 bil-barka ta' l-Amministrazzjoni Laburista? Jekk iva, jista' il-Ministru jgħid fejn wasal dan il-proġett u meta huwa maħsub li jkun jista' jilqa' l-ewwel investituri?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li s-settur ta' servizzi għall-avjazzjoni u industriji relatati huwa settur promettenti ħafna. Is-suċċess ta' Lufthansa Technik u Air Malta huma eżempju ċar ta' kif din l-industrija tista' tieħu postha bħalha waħda ewlenija f'pajjiżna. Fil-fatt hemm numru ta' diskussjonijiet għaddejjin bħalissa ma' xi ditti u operaturi barranin li qed iħarsu lejn Malta biex jinvestu f'dan il-qasam. Fil-passat saru diversi diskussjonijiet bejn l-MDC u diversi awtoritajiet fosthom l-Avjazzjoni Ċivili u l-Forzi Armati ta' Malta sabiex jiġi identifikat sit fil-viċinanza tal-ajruport fejn setgħu jiġu allokati dawn il-proġetti. Dawn id-diskussjonijiet qatt ma ġew finalliżżati. Bħalissa għaddejjin diskussjonijiet ma' l-istess awtoritajiet fuq xi proġetti ġodda.

Tarzna ta' Malta — Pagi tal-Ħaddiema

Question

Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 8261 u cioe' jwieġeb mistoqsija parlamentari 7955 u jgħid jekk għal din is-sena t-tarzna hux se jkollha biżżejjed flus biex tħallas il-pagi tal-ħaddiema tagħha jew il-gvern hux se jkollu jgħaddilha iżjed flus biex ikollha mnejn tħallas il-pagi kollha tal-ħaddiema? Fil-każ li iva, kemm se jkollu jgħaddilha iżjed flus sa l-aħħar tas-sena?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat illi t-tarzna ser ikollha flus biżżejjed biex tħallas il-pagi sa l-aħħar tas-sena. Is-sussidju, skond il-budget tal-kumpanija, jammonta għal kważi Lm10 miljuni li fil-parti l-kbira minnhom tmur għall-ħlas tal-pagi. Jeżisti massimu ta' kemm il-Gvern jista' jagħti sussidju lit-tarzna, liema massimu kien stabbilit fil-pjan tat-tarzna u huwa maqbul ma l-Unjoni Ewropeja. Għalhekk il-Gvern irid jiffinanzja is-sussidju mingħajr ma jaqbeż il-massimu stabbilit.

MDP — Ħaddiema

Question

Jista' il-Ministru issa jwieġeb mistoqsija parlamentari 8166 u cioe' jirrispondi wkoll mistoqsija parlamentari 7657 u jgħid x'inhu sehem il-gvern fil-Malta Dairy Products? Kemm hu n-numru ta' ħaddiema ma' l-MDP u kif inhuma mqassma skond il-grad?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-P.Q. 7657.

Freeport

Question

Jista' il-Ministru issa jwieġeb mistoqsija parlamentari 8174 u cioe' jgħid kemm kien l-infiq u d-dħul, sena b'sena, sa mit-twaqqif tal-freeport? Jista' l-informazzjoni jaqsamha skond fejn sar l-infiq u fiex u jindika mnejn ġie kull dħul?

Response (GATT, AUSTIN)

L- Onorevoli Interpellant jista' jieħu l-informazzjoni mitluba mill-kontijiet tal-Freeport li tpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra tul dan iż-żmien.
Leg 10 PQ #7087 Sitting 180 2004-11-02 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Trasport bejn Malta u Għawdex — Ħlas ta' sussidju lill-ħaddiema tal-gvern/studenti Għawdxin

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm tħallas sussidju lill-ħaddiema tal-gvern u lill-istudenti Għawdxin fis-sena 2003 u 2004 (s'issa) għat-trasport tagħhom bejn Malta u Għawdex?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-ħlas ta’ sussidju lill-ħaddiema tal-gvern u lill-istudenti Għawdxin fis-sena 2003 u 2004 (sal-31 t’ Awissu 2004) huwa kif muri fit-tabella hawn taħt:- 2003 LM 2004 (sal-31.08.2004) LM Ħaddiema tal-gvern u studenti li jattendu kulleġġi f’Malta 27,195.70 29,515.33 Studenti Universitarji fuq bażi full-time 74,115.00 80,989.35 Studenti li jattendu korsijiet f’Malta li ma jsirux f’Għawdex 2025.80 1680.00

Kummissarju tal-Ġustizzja — Seduti

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm inżammu seduti mill-Kummissarji tal-Ġustizzja matul din is-sena, wieħed b'wieħed?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi n-numru ta' seduti li kull Kummissarju tal-Ġustizzja ippresjeda f'kull Tribunali Lokali ta' Malta u Għawdex matul din is-sena, sa l-aħħar ta' Awissu, kien kif inhu indikat hawn: Tribunal Kummissarju Numru ta' Seduti Żejtun Dr L Vella 120 Birkirkara Dr Ramon Rossignaud Dr Ian Spiteri Bailey Dr Matheus Brincat 199 12 4 Żurrieq Dr Deborah Farrugia Dr Ian Spiteri Bailey Dr Ramon Rossignaud 91 2 1 Qormi / Msida Dr A Farrugia Sacco 265 Sliema Dr Robert Mangion Dr Deborah Farrugia Dr Ramon Rossignaud 148 44 8 Gozo Dr Grazio Mercieca Dr Matthew Brincat 90 5 Mosta Dr Ian Spiteri Bailey Dr Matthew Brincat 23 226 Fgura Dr Ian Spiteri Bailey Dr Grazio Mercieca Dr Deborah Farrugia Dr A Farrugia Sacco 74 8 2 4 Valletta Dr Benny Delia 135